by Tanja Cilia | 16/Feb/23 | Riflessjonijiet, Varjetà
Jgħidulek li meta ma tkunx taf x’ser taqbad tgħid, aħjar ma tgħid xejn milli tgħid xi ħaġa banali, jew mhux f’postha.
Qatt ma kien hemm parir siewi daqs dan, li jgħodd meta mara titlef tarbija, jew meta ma tkunx għadha twieldet, jew ftit wara.
Forsi tħoss li l-kelma “jiddispjaċini” hi sempliċi wisq, u tipprova żżejinha bi kliem ieħor.
Trid tagħraf li n-niket m’għandux limitu ta’ żmien, u li mhux kulħadd iħossu u jesprimih l-istess. Il-fatt hu li t-tarbija tagħhom mietet, u m’għandux x’jaqsam kemm kien hemm ġimgħat ta’ tqala, jew jekk twelditx, jew jekk hemmx ulied oħrajn fil-familja.
Irridu nidraw inliġġmu lsienna, u maa ngħaddux kummenti bħal “Il-Bambin hekk ried” – bħallikieku Alla hu xi tirann li l-ewwel iferrħek bi tqala, imbagħad iċaħħdek minn tarbija.
Min tilef tarbija, ma jimpurtaħx li xi ħaġa hekk tiġri ta’ spiss. Huma t-tarbija tagħhom riedu, mhux l-eluf l-oħrajn li jintilfu.
Ma tistax taqbad u toffri pariri, iżjed u iżjed jekk dawn ikunu tat-tip “issa erġa pprova tafx…” għax il-ġenituri lil dik it-tarbija li ntilfet iridu, mhux lis-sitta li jista’ jkollhom warajha “għax għadhom żgħar”.
Evita għal kollox il-kliem ‘oqgħod attenta’, u anqas għandek tagħti pariri dwar ikel, ħruġ u eżerċizzju, għax dan jista’ jiġi interpretat li l-mara ma mxietx sew waqt it-tqala, u tilfet it-tarbija “għax kienet traskurata”.
Jista’ jagħti l-każ li int jidhirlek li koppja ma tantx ħaduha bi kbira li tilfu t-tarbija. Din mhux affarik, anqas. Forsi għandhom ir-raġunijiet tagħhom għax mhux qed iġarrbu t-telfa kif jidhirlek li għandhom iġarrbuha, int.
Tistaqsix jekk it-tqala kinitx ippjanata, jew jekk ridux tifel jew tifla jew kinux lesti jerġgħu jibdew irabbu, jew jekk it-tarbija kinitx f’saħħitha.
Korriment joħloq xita ta’ emozzjonijiet, kemm jekk it-tabija tkun mixtieqa u ppjanata, kif ukoll jekk le.
M’għandekx għalfejn issemmi nisa oħra li korrew, u wara kellhom għadd ta’ tfal; hawn min wara korriment, ma jkunx jixtieq jerġa’ jipprova, jew saħansitra ma jkunx jista’ jkollu tfal iżjed.
Issemmix lit-tfal li jista’ jkollha din il-mara stess, wara t-telfa tat-tarbija; għax kif għedna, forsi ma tkunx trid terġa’ tipprova, jew ma tkunx tista’ toħroġ tqila. U wara kollox, hi lit-tarbija li tilfet tkun trid.
Is-soltu, mara tistenna tnax-il ġimgħa qabel ma tgħid li hi tqila; hawn min jitlef tarbija fi żmien bikri, u anqas biss ikun jaf. Imma hawn min tant ikun ferħan, li jitkellem qabel. Qatt u qatt m’għandek tgħid b’dan lil min tilef it-tarbija, u qatt m’għandek tistaqsi ta’ kemm il-ġimgħa kienet it-tqala, jekk ma jgħidulekx huma.
Min iġarrab korriment irid jistenna li ġismu jerġa’ jiġi f’loku. Mela taqbadx u tistieden lill-ħabiba biex, ngħidu aħna, tmorru tixtru jew tmorru l-gym flimkien “biex idderrilha”. Staqsi lilha xi trid tagħmel.
Bniedma li jkollha qalbha maqsuma, forsi ma tkunx trid tara nies. Imma billi ċċempel u tistaqsiha tridx dixx lażanja, ma jkun ġara xejn.
Kittieba
Ġurnalista
Opinjonista
by Tanja Cilia | 19/Jan/23 | Riflessjonijiet, Varjetà
Bħal ħafna ommijiet oħra, għedt, “Daqs binti…”
Vittma oħra li tbiċċret intortament, għax is-sistemi tal-liġi u tal-ġustizzja tagħna mhux tassew li “qegħdin jaħdmu”, kif jgħidulna, ad nauseam.
Forsi jaħdmu meta xi ħadd jipprova jdaħħal id-droga Malta, jew jgħaddiha minn hawn biex tinbiegħ f’xi suq ieħor. Forsi jaħdmu meta jkun hemm xi mogħża marida, jew xi kelb bir-rabja, jew xi bini li jaqbeż il-kejl b’ħames pulzieri…
Iżda fil-każ ta’ Pelin Kaya, bħal ma ġara fil-każ ta’ Paulina Dembska, is-sistemi mhux talli ma ħadmux, talli fallew totalment.
Mela, biddilna l-isem tal-ħabs, u semmejnih Faċilità Korrettiva. Bħallikieku isem ser jagħmel differenza jekk is-sistema ma tkunx maqlugħa mill-qiegħ. U hawn min jgħidlek li l-ħabs (għax jien hekk għadni u nibqa’ nsejjaħlu) ma jiswiex… mhux għar-raġuni li nisħaq fuqha jien, iżda għax “minn hemmhekk ma jitgħallmu xejn”.
U jibqa’ l-fatt li hawn min xorta jiżgiċċa u jiffranka l-ħabs, u joħrog bi pleġġ, u bla ma nafu, inkunu tefa’ ta’ ġebla, jew ġebel, fil-każ ta’ Pelin, ‘il bogħod minn xi ħadd li, jekk u meta taqbiżlu, isir mhux talli perikoluż u vjolenti, talli qattiel.
Mela, sewwa… jgħidulek li mara m’għandhiex tkun barra “f’ċertu ħinijiet” – is-soltu storja li nwaħħlu fil-vittma ta’ li jkun ġralha, biex niskużaw lill-awtur ta’ każ orribbli, ta’ ħsara, jew illegali, jew morali. Ngħidu li hu miskin għax għadda minn ħafna f’ħajtu. Saħansitra ngħidu li l-ġustizzja trid tqis kollox.
Dan id-diskors hu oxxen.
Kulħadd għandu dritt jgħix fil-paċi. Kulħadd għandu dritt jimxi fit-triq, imur jiekol, jitma’ l-annimali, jew jagħmel passiġġata, x’ħin irid, bla ma jsib min jattakkah jew jewilla joqtlu.
Min “jiffranka” li jmur il-ħabs, jimmaġina li “ħelisha” u naraw kemm-il darba kif dawn it-talin ikomplu jagħmlu dak li dejjem għamlu, qisu ħadd ma jista’ għalihom.
Meta ssuġġerejt li min joħroġ bi pleġġ ikollu jilbes monitor mal-għarqub, qaluli li “dawk għoljin ħafna, u għalxejn”… ara x’għandu x’jaqsam… mela allura, forsi, tant qed joħorġu nies bi pleġġ minflok jintbagħtu l-ħabs, li l-ispiża għalihom tkun waħda ta’ barra minn hawn? U ngħid jien, mela l-monitor ma jkollux xi ħaġa li turi fejn qiegħda l-persuna, il-ħin kollu?
Meta lil dak li jkun tagħmillu garanzija li ma jersaqx lejn il-persuna li fil-passat kienet il-vittma tiegħu, u ma jkunx qatilha, mhux dejjem jaħdem il-proċess… għax hawn min għamel reat waqt li kien fuq probation, kif kulħadd jaf.
Għandna vizzju ngħidu “għax dawn il-barranin li jiġu Malta huma kriminali” – u hawn ta’ min ifakkar li kemm Paulina u Pelin kienu barranin li ġew Malta legalment biex ikollhom futur aħjar milli f’pajjiżhom, u kumbinazzjoni jew le, il-qattiela tagħhom huma t-tnejn ‘bojod’… u m’hemmx għalfejn ngħidu li huma Maltin, hux?
Nistaqsi, kemm-il test għas-sustanzi illeċiti jsiru, fuq min jingħata libertà proviżjorja? Kif ma tittiħdilhomx il-liċenzja, jew almenu jingħataw curfew biex ikunu jistgħu jużaw karozza biss biex imorru x-xogħol u jmorru lura d-dar?
Ovvjament, huwa imposssibbli li l-pulizija tar-ronda ikunu kullimkien, kull waqt u kull mument. Forsi kienu jagħmlu differenza ħames minuti kieku kienu żewġ toroq ‘il bogħod, milli fl-għassa… għal Pelin u Paulina, u għal nisa oħra… min jaf?
Kittieba
Ġurnalista
Opinjonista
by Tanja Cilia | 10/Jan/23 | Riflessjonijiet, Varjetà
Baqa’ ħames minuti qabel ma trid titfi l-cooker. Tgħid, għandek xi messsaġġ? It-telefon qiegħed isfel, mela tixgħel il-laptop…
Ixxomm l-istess riħa li kien ikun hemm hdejn l-artal fit-tempju f’Ġerusalemm. Il-brodu nixef qoxqox; l-istuffat sar faħma.
U int? Issa taf x’libset Pauline, x’qalet Nadya, fejn marret Lucienne, ma’ min kienet Lana, x’sajret Francine, u kemm hi kerha t-tarbija ta’ bint Rita. U b’daqshekk? Ma ggwadanjajt xejn, iżda tlift ħafna ħin, u żewg borom ikel.
Nixtieq infakkrek li forsi ma rajtx ir-ritratti li fihom tidher int, li tefa’ ħaddieħor, u ma tteggjawkx apposta, biex forsi ma tindunax… kif forsi għamilt int ukoll, b’ritratti li fihom jidher ħaddieħor xi naqra mhux sew.
Kemm naħlu ħin fuq il-midja soċjali, meta nkunu nistgħu qed nagħmlu xi ħaġa li tagħti kontribut siewi lis-soċjetà, jew ta’ valur, jew importanza.
Illum ma tantx issib min m’għandux kont f’tal-anqas sit soċjali wieħed. Nużawhom biex niffrankaw il-flus tat-telefonati, biex inżommu kuntatt mal-familja u ma’ sħabna, biex insibu x-xogħol jew min jaħdmilna, biex nixtru jew inbigħu… insomma, għandna skuża li jekk inqattgħu sigħat twal imkaħħlin ma’ skrin, ma nkunux qed naħlu l-ħin.
Eh… kieku tajjeb. Imma jibqa’ l-fatt li hawn min jehmeż il-perċezzjoni tiegħu dwaru nnifsu fuq kemm jagħtu każ tal-posts tiegħu n-nies. Jekk ma jkunx hemm rispons, jew għajnuna, jew tweġiba, malajr ibiddel il-burdata. U forsi tiġih it-tentazzjoni li jgħaddi xi kumment jew jitfa’ xi ritratt li forsi din id-darba jġib reazzjoni.
Meta tintuża għall-ġid, il-midja soċjali hija għodda sabiħa. Imma tinduna li saret vizzju u ossessjoni meta tkun xi mkien u ma tkunx tista’ taċċessaha, jew għax ma jkunx hemm internet, jew għax is-sitwazzjoni titlob li tkun moħħok hemm; u dan jinkludi meta tkun qiegħed titkellem ma’ xi ħadd, jew tiekol.
Indunajt li hemm tliet trends komuni. M’għandekx għalfejn tagħmilhom biex tħossok tajba, għad-detriment ta’ xi ħadd.
- Kemm jekk għandek it-tfal, kif ukoll jekk m’għandekx tfal, tgħidilniex li l-ħajja li għażilt int hija l-aħjar waħda. Ġib ritratti tal-familja kemm trid; ġib ritratti ta’ meta sifirt; ġib ritratti tad-dar lussuża, u l-ġojjelli, u t-tfal tat-tfal… u daqshekk.
- Jekk int qed tgħix, kif ngħidu bil-pulit, fit-tieni familja tiegħek, la tużax lit-tfal tal-ewwel għaqda bħala lixka, jew sawt, jew biex titkessaħ dwar kemm ‘issa’ il-ħajja tiegħek hi perfetta. Dawn affarijiet personali, u t-tfal mhumiex oġġetti. L-internet jibqa’ għal dejjem.
- Tiddiħaqx b’min hu rqiq, jew oħxon, jew ma jżommx ruħu. Biżżejjed li turina kemm int perfetta int, bla ma tqabbilhom miegħek.
Kittieba
Ġurnalista
Opinjonista
by Tanja Cilia | 24/Nov/22 | Ġrajjiet, Kurrenti, Riflessjonijiet, Varjetà
“Miskin!”
Dalgħodu kont f’ħanut li qatt ma dħalt fih qabel, għax qaluli li hemm kelli nsib propju l-ħaġa li ridt.
Dawwart wiċċi, u nsib raġel li ma nafx min hu, qed iħares lejja, filwaqt li kien qed ikellem lil sieħbu.
“Int lili qed tgħid?” staqsejtu, għax immaġinajt li ried jagħmilha tal-ħelu.
“Le,” qalli. “Imma, mhux vera, jew? Jien għandi tifla li mhux mar-raġel, u ngħidilha, ‘ħallih jarahom, għax dawk demmu…’”
Hadt nifs ‘il ġewwa.
“It-tifla tiegħek mhux Bernice. Int, bħalek, kif taqbad u tassumi, tinfama, u tpeċlaq?” Sadanittant, il-ħaga li mort nixtri kienet ippakkjata u lesta. Ħallast, ħadt l-irċevuta u l-bqija, u tlaqt ‘il barra.
Lanqas kont għadni rfist ‘l hinn mill-għatba tal-ħanut, li ma nisimgħux jidgħi waħda u jgħid li jien “beżqa oħra”.
Bla ma ried, u forsi bla ma nduna, dan ir-raġel ta xhieda tal-atitudni persistenti li mara dejjem għandha tkun taf fejn hu postha, tagħlaq ħalqha, u “ma titkessaħx” “għax jaf jgħarralha”.
Huwa diffiċli li titkellem fuq il-vjolenza domestika, kemm jekk tkun għaddejt minnha, u kemm jekk le. Kulħadd għandu opinjoni, u kulħadd jimmaġina li għandu raġun.
Imma l-verità hi li ngħixu f’kultura fejn is-saħħa fiżika, u l-individwu tossiku, ta’ spiss jirbħu fuq il-ħaqq u s-sewwa.
Jgħidulek biex tistaqsi lill-imġarrab. Imma l-imġarrab kultant jibża’ jitkellem. Għal kull każ ta’ vjolenza li jiġi rrappurtat, hemm għexieren ta’ oħrajn li jibqgħu mistura… jew għax il-mara tistħi tammetti dak li qed jiġri, jew għax mhedda, jew għax “aħjar hekk inkella agħar”. Għax ma ninsewx li hija l-mara li jkollha titlaq mid-dar.
Jgħidulek li “missha titilqu”. Kif tista’ tagħmel hekk, mara li la jkollha flus, u lanqas familja – jew jekk ikollha l-familja, ma jkunux iridu jafu biha? Kif tista’ titilqu jekk dan ir-raġel ikun tant skifuż li ħadd minn ħbiebha ma jisssogra jtiha kenn, li ma jmurx jiġri xi ħaga lilhom jew lil uliedhhom?
Jgħidulek li llum hawn fejn tmur jekk tiddeċiedi li titlaq mid-dar. Imma, intenni, mhux kulħadd ikollu l-kuraġġ li jitlaq, ta’ fuqu senduqu, meta fiha jkollha l-ħsieb imtambar f’moħħha li ma tiswa għal xejn, li ħadd ma jridha, li hi kerha, li se tkisser familja jekk titlaq. Il-psikoloġija tgħodd ħafna.
Jgħidulek li “ħaqqha” li ġralha hekk, bħallikieku l-vjolenza hija soluzzjoni għal xi ħaġa. Min ikollu l-inkwiet u d-dwejjaq ma għandu ebda dritt li jinfexx f’ħadddieħor, ġara x’ġara.
Jgħidulek li bniedem isir vjolenti għax iħossu mċaħħad mill-imħabba ta’ wliedu. Immorru lura u naraw għaliex kien hemm il-firda bejnu u wliedu, u nibdew minn hemm. Mela dawn l-irġiel, tant iħobbu lill-uliedhom, li lesti li jifirduhom minn ommijiethom, għal dejjem.
Jgħidulek li din kienet saħna ta’ mument. Imma meta bniedem ikun ilu jhedded, u saħansitra jkollu garanzija li ma jersaqx lejn mara, ikun jidher biċ-ċar li f’moħħu jkun ilu jberren il-ħsieb li jikkommetti reat.
Jgħidulek li “missha għamlet rapport”. Naraw li ħafna min-nisa li ġew maqtula kienu għamlu rapport, jew iżjed, u l-affarijiet baqgħu kif kienu, jew saħansitra saru agħar, għax “ażżardat” “tikxifhom”. U kultant, l-azzjoni fuq ir-rapport tittieħed xhur wara; jew ma jkunx hemm lok li tittieħed, għax il-vittma tal-vjolenza domestika tkun inqatlet.
Jgħidulek li raġel għandu dritt isawwat lill-mara jekk “ma tobdix”. Din l-opinjoni tipprova tgħatti x-xemx bl-għarbiel, u tfisser li mara mhux persuna, iżda oġġett li tagħmel bih li trid.
Jgħidulek li ma misshiex għamlet hekk, hekk, jew hekk. Aħna min aħna biex niġġudikaw għaliex għamlet hekk, jew hekk, jew hekk? Meta mara tiftaħ ħalqha, hawn min jgħid li qed tipprovoka lil dak li jkun, għax qed issawwat b’ilsienha. Meta ma tħallix lir-raġel jara lit-tfal fi ġranet oħra barra dawk li ordnat il-qorti, ma tkunx qed tkun kattiva.
Jgħidulek li “biex titgħallem iġġib ruħha sew” trid “lezzjoni”. Mela mara, allura, qisha kelb, li meta jobdik, ittih ċejċa, u meta ma jobdix, taqflu barra… u jirrapurtawk li kont kiefer, meta jisimgħuh jibki, il-ġirien.
Jgħidulek li kienet taf għal xiex dieħla. Il-manipulazjoni hija sengħa li mhux kulħadd jinduna biha. Iridha esklussivament għalih – u hi tħossha importanti. Imma fl-istess ħin, qed ibiegħdha u jiżolaha mill-familja u mill-ħbieb, u ma jkollhiex fejn iddur, u fuq min tistrieħ, meta juri snienu.
Wara kull qtil, naraw ħafna kliem fieragħ fuq il-midja soċjali. Il-kerha hi li saħansitra dawk li għandhom is-setgħa li jagħmlu xi ħaġa dwar dan, jgħiduhom, dawn il-frażijiet ta’ “għarukaża…” “hemm bżonn li…”
Niskanta kif in-nisa li għandna fil-Parlamenti ta’ Malta u tal-Unjoni Ewropea qatt ma tħarrku biex iressqu liġijiet ħorox għal min ikun ħati ta’ vjolenza domestika. Meta bniedem jara li min iferri, ikorri, jew joqtol, jingħata sentenza relattivament ħafifa… din ma sservix ta’ twissija.
Kittieba
Ġurnalista
Opinjonista
by Tanja Cilia | 05/Nov/22 | Riflessjonijiet, Varjetà
Tħobb taħli l-ħin?
“Min, jien? M’għandix ċans naħli l-ħin, u anqas għandi ħin x’naħli – għax il-ħin kollu gass mal-pjanċa, u bilkemm insib ċans niekol jew nagħmel il-mixja li ordnali it-tabib.”
Illum se niskopru l-Amerka… jew, almenu, se nsibu mnejn innaqqru ħames minuti minn hawn, u għaxar minuti minn hemm, mill-aġenda sfrenata ta’ kuljum… biex fl-aħħar ikollna l-ħin għalina.
Kultant, anqas nindunaw li qed naħlu l-ħin. Telefonata ddum għoxrin minuta, il-ħames minuti biex naraw il-messaġġi jsiru sagħtejn għax nidħlu f’argument sħun ma’ xi ħadd li anqas biss nafuh; indumu siegħa biex ninħaslu u naraw x’se nilbsu, u nsajru meta niġu mix-xogħol.
Għall-mument, ninsew il-prokrastinazzjoni li tgermilna ħafna mill-ħin. U ninsew li hawn min jgħaddi siegħa, jew iżjed, kuljum, ma jagħmel xejn hlief jilgħab bit-testiera (jiġifieri, mhux biex jaħdem jew jara l-mobile sakemm qiegħed fuq tal-linja).
Niskantaw, u nitkażaw, bl-istatistika; ninsew li aħna parti minnha, allavolja ma ċemplulniex biex jaraw ma’ liema kumpanija abbonati u kemm indumu fuq l-internet, kuljum.
Hawn min jiddejjaq isajjar meta jiġi mix-xogħol; għax ikun għajjien, jew għax jitnaqqar il-ħin minn mal-familja. Jordna take-away, jew ma jssajjar xejn u jiekol baguette, jew… isajjar kontra qalbu. Hemm soluzzjoni oħra. Jekk tqum imqar nofs siegħa qabel, tilħaq issajjar, u kulħadd isib ikla lesta meta jasal, allavolja jaslu ħinijiet differenti.
Hemm ikel li ma tistax issajru qabel. L-iżjed ħaġa sempliċi hi li tqiegħed l-ingredjenti li se tuża f’borma, iżżid ilma kemm tgħatti kollox, u naqra iżjed, u ssajjar sakemm jagħli l-ilma, u mbagħad tbaxxi n-nar u tħallih itektek. Sakemm tinħasel u tilbes, isir kollox; u tinsiex li l-ikel ikompli jsir bis-sħana tiegħu stess. Filgħaxija, agħżel int – ixwi t-tiġieġa, għaffeġ il-patata, qatta’ z-zunnarija u l-pastard u żżidlu t-tadam, żebbuġ, u basal… imma almenu għandek il-bażi lesta.
Kultant, indumu ħafna nagħżlu xi rridu nagħmlu bit-turrun karti, fosthom il-posta, li jinġemgħu matul il-ġimgħa. Jekk kuljum nagħmlu ħames minuti naraw x’se nżommu, x’se nwieġbu (jew inħallsu!) u x’se jmur dritt fil-borża tar-riċiklaġġ, neħilsu eħfef.
L-istess, dwar it-telefonati. Flok tagħmel it-telefonati kollha f’daqqa, agħmel waħda kuljum. Hekk, meta ma jirnexxxilekx taqbad, tipprova numru ieħor, u mhux tiddejjaq għax lil erba’ min-nies ma sibthomx.
Jekk għandek xi biċċa xogħol antipatka x’tagħmel, eħles minnha mill-iktar fis. Hekk, teħles mill-istress għax ma tħammimx fuqha, u tiffoka fuq il-ħwejjeġ l-oħra.
Jgħinek ukoll jekk tgħaddi minn moħħok x’għandek tagħmel matul il-jum; jekk tippjana b’lista, ara li ma tiffissax fuqha, u kull darba li tagħmel xi ħaġa, tibda tikteb lista ġdida mingħajr dik il-ħaġa.
Kittieba
Ġurnalista
Opinjonista