Select Page
“Kif nista’ nsib ftit armonija biex din il-qalb issib ftit mistrieħ?” – Lynn Aquilina

“Kif nista’ nsib ftit armonija biex din il-qalb issib ftit mistrieħ?” – Lynn Aquilina

It-tajjeb dejjem jitqabad mal-ħażin.

Imnalla jkun xi ħadd twajjeb u ħanin.

Li jfakkarni li l-ħażin m’għandux l-aħħar kelma.

Għalkemm jista’ jkun li neħħa dak kollu li hu tajjeb u bnin.

Ngħix qalb ħafna niket u tbatija.

Kif nista’ nsib ftit armonija?

Biex din il-qalb issib ftit mistrieħ

U d-dwejjaq u li hemm tinsieh.

Inħares u nitpaxxa bl-isbuħija tal-fjuri.

B’ilwienhom jagħtu l-ħajja ġdida l-unuri.

F’dan l-istaġun sabiħ tar-rebbiegħa

Nistaqsi lili nnifsi kif fuq l-imrar tal-ħajja nista’ noħroġ rebbieħa

Mingħajr ma nitlef il-kuraġġ biex b’hekk inkun dejjem ħabbrieka.

Tispikka l-lingwa tas-sinjali fl-interpretazzjoni ta’ Claudia waqt Mużika Mużika

Tispikka l-lingwa tas-sinjali fl-interpretazzjoni ta’ Claudia waqt Mużika Mużika

Fost it-talent mużikali Malti li smajna u segwejna f’dawn l-aħħar jiem, ċertament spikkat l-interpretazzjoni ta’ Claudia Faniello tal-kanzunetta tagħha, Ġmielek.

Minbarra l-vuċi unika u impekkabbli ta’ Claudia Faniello fl-interpretazzjoni stupenda tal-kanzunetta Ġmielek, b’kitba ta’ Joe Julian Farrugia u kompożizzjoni ta’ Philip Vella, spikkat il-lingwa tas-sinjali.

Permezz tal-lingwa tas-sinjali, li hi xi ħaġa li m’aħniex imdorrijin naraw fejn tidħol mużika, Claudia wasslet messaġġ importanti ħafna ta’ inklużjoni.

Il-komunikazzjoni hija parti kruċjali mill-inklużjoni, u proprju f’dawk il-mumenti, permezz tal-kanzunetta tagħha, Claudia tesprimi l-valur ta’ kull individwu u tikkomunika ma’ dawk li jużaw il-lingwa tas-sinjali

Dan jirrifletti wkoll fil-messaġġ li twassal il-kanzunetta Ġmielek, li tittratta dwar kif għandna nagħrfu l-ġmiel ta’ xulxin, mhux biss dak ta’ barra, imma ħafna aktar ta’ ġewwa.

Li ma niġġudikawx u nwarrbu lil dawk li f’għajnejna jidhru differenti iżda li nagħrfu l-ġmiel ta’ xulxin. Ġmielek tagħti tama partikolarment lil dawk li qed ibatu fis-silenzju, tbatija kkawżata mill-uġigħ li f’diversi ċirkostanzi tal-ħajja u mis-solitudni, għaliex twassal il-messaġġ li jekk inħarsu lejn xulxin bla preġudizzji, nagħrfu l-valur ta’ xulxin u nistgħu nkunu l-leħen għal min m’għandux.

Claudia kellha kontribut biex tinkiteb din il-kanzunetta, dan minħabba li kif saħqet diversi drabi, kien hemm żminijiet fejn hi stess iffaċċjat sfidi personali fil-passat u kien hemm drabi fejn hi wkoll kienet tħossha waħedha.

Kont taf li Claudia kellha kliem miktub fuq il-libsa?

Jikkumplimenta l-messaġġ tal-kanzunetta Ġmielek, kien il-kliem li Claudia kellha miktub fuq il-mant tal-libsa; “Għalik li tħossok waħdek, kun af li m’intix

Ġmielek ġiet ikklassifikata fit-tielet post bi 88 punt.

Ir-rispons dwar din il-kanzunetta fuq il-midja soċjali kien wieħed qawwi, u żgur li se tkun waħda li se tibqa’ tissemma’ u inkluża fil-ħidma għal soċjetà ħafna aktar inklużiva.

L-UE tagħti 500 miljun ewro oħra lill-Ukrajna għal tagħmir militari

L-UE tagħti 500 miljun ewro oħra lill-Ukrajna għal tagħmir militari

L-Unjoni Ewropea approvat 500 miljun ewro addizzjonali għal tagħmir militari għall-Forzi Armati Ukreni.

Rappreżentant tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin qal li l-ġimgħat li ġejjin se jkunu deċiżivi u huwa kruċjali li l-UE tkompli żżid l-appoġġ militari lill-Ukrajna biex tiddefendi t-territorju u l-popolazzjoni tagħha u tiġi evitata aktar tbatija.

Il-500 miljun ewro se jiffinanzjaw tagħmir protettiv, tagħmir militari, fjuwil u kits għall-ewwel għajnuna.

Il-President, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni jikkundannaw l-attakki fuq l-Ukrajna

Il-President, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni jikkundannaw l-attakki fuq l-Ukrajna

Il-President George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ikkundannaw l-attakki fuq l-Ukrajna li bdew proprju dalgħodu.

Fi stqarrija, il-President George Vella esprima tħassib tiegħu u wassal l-appoġġ tiegħu lill-Gvern u lill-poplu Ukren.

Huwa qal li dan li qed iseħħ jirrappreżenta theddida mhux biss għall-poplu Ukren iżda wkoll għall-istabbiltà Ewropea u globali. Appella wkoll għal waqfien immedjat tal-attakki u irtirar tal-forzi militari mill-Ukrajna u għar-rispett tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

Il-Prim Ministru qal li minkejja li Malta se tibqa’ konsistenti favur in-newtralità u l-paċi, wieħed ma jistax jibqa’ sieket meta jkun hemm attroċitajiet, tbatija u mwiet.

Qal li t-tensjoni fl-Ukrajna u l-intelliġenza dwar il-possibbiltà ta’ attakk militari ilha tippersisti, iżda x-xeni li qed naraw bħalissa huma ta’ swied ta’ qalb. Qal li l-attentat ta’ invażjoni ta’ partijiet mill-lvant tal-Ukrajna u li qed jiġu rrappurtati eqreb lejn il-punent f’Kyiv, dejjem xtaqna li ma narawx bħalhom.

Huwa qal li bħala nazzjon għandna dover li nitkellmu u nsemmgħu l-vuċi tagħna u filwaqt li nkunu ċari u nwasslu messaġġ ta’ paċi kull fejn hemm tensjonijiet, imma rridu nikkundannaw dawn it-tip ta’ gwerer.

Żied jgħid li l-appell tal-Gvern Malti li anke l-miżuri li se jittieħdu mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar mill-aħħar iwassal għall-paċi u l-ordni, madanakollu se jibqa’ jagħti l-appoġġ u juri solidarjetà mal-Ukrajna. Dan filwaqt li jikkundanna kwalunkwe aggressjoni jew theddida fuq l-integrità u s-sovranità territorjali ta’ dan l-istat.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ikkundannaw l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna u qal li din tmur kontra l-integrità territorjali Ukrena li Malta tinsisti li tiġi rispettata.

Huwa saħaq li Malta trid tappoġġja bis-sħiħ l-isforzi Ewropej permezz ta’ sanzjonijiet ekonomiċi.

Esprima wkoll it-tħassib tiegħu li l-edukazzjoni tat-tensjoni fir-reġjun permezz tal-aggressjoni Russa fit-territorju Ukren toħloq impatti lil hinn mir-reġjun. Għaldaqstant saħaq li jeħtieġ koordinament fuq livell Ewropew biex l-effetti ikollhom l-anqas impatt fuq għajxien tal-Ewropej u tal-Maltin b’mod partikolari.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li dan hu mument ikrah ħafna, delikat I ta’ theddida għall-istabbiltà fl-Ewropa u madwar id-dinja, u għaldaqstant filwaqt li għandna nuru solidarjetà mal-poplu Ukren u nosservaw in-newtralità tagħna, irridu nwasslu l-messaġġ li azzjonijiet li jpoġġu f’riskju l-integrità u s-sovranita ta’ pajjiż mhumiex aċċettabbli.

Kif u x’nagħmel biex inkun ferħana? – Lynn Aquilina

Kif u x’nagħmel biex inkun ferħana? – Lynn Aquilina

Kont qed inħares lejn ommi tqaxxar basla, u ġietni l-idea li nqabbel il-basla mal-ferħ. Bħalma l-basla fiha ħafna saffi biex tqaxxarha u ma’ kull saff nibku xi ftit, hekk ukoll il-ferħ fih is-saffi tiegħu u qatt ma nistgħu nneħħu s-saffi kollha biex inħaffu u nsibu l-ferħ mill-ewwel, għax dan hu proċess li jdum tul ħajjitna kollha.

Ħafna jagħżlu li ma jqaxxruhiex il-basla għax jiddejqu joqogħdu jibku, iżda mbagħad it-togħma tagħha jħobbuha. Forsi, mhux mal-ewwel saff tat-tfulija, imma aktar kemm inqaxxar saffi fil-ferħ, aktar qed insib u naffaċċja element ta’ tbatija fihom. L-akbar tentazzjoni li dejjem titurmentani hi biex ma nkomplix inqaxxar dawn is-saffi ħalli t-tbatija tieqaf. Imma mbagħad insib lili nnifsi f’salib it-toroq, għax vera t-tbatija tieqaf, imma mbagħad nibqa’ ma niskopri qatt x’ inhu l-ferħ vera. L-istess bħal min jagħżel li ma jqaxxarx il-basla, ma jistax ikun jaf x’togħma fiha.

Kull bniedem jaspira, jaħdem u jistinka ħafna biex ikun ferħan f’ħajtu. Iqatta’ parti sostanzjali minn ħajtu jfittex x’jagħmlu kuntent. Ħafna drabi t-tfittxija tiegħu għall-ferħ tieħdu f’toroq u postijiet l-aktar imbegħda minnu nnifsu, bil-konsegwenza li jispiċċa b’vojt kbir, li jitfgħu f’baħar ta’ deżolazzjoni u ansjetà qawwija.

Din it-triq ta’ baħħ assolut jien kont bdejt nimxiha, konvinta li xi mkien fil-qrib kont ħa nsib il-ferħ. Ironikament, aktar kemm bdejt nimxi, dan il-vojt fija aktar beda jikber u jikber ġewwa fija. Bdejt nitlef il-fiduċja fija nnifsi u kuljum inħobb ftit inqas. Sakemm ġejt fi stat fejn għidt, ma jistax ikun nibqa’ sejra hekk, bla entużjażmu ta’ xejn lejn il-ħajja.

Ħassejtni bħal dawk li jridu jieklu l-basla għax iħobbuha, imma ma jridux u ma sabux min iqaxxarilhom. B’xi mod jew ieħor ikollhom isibu mezz kif iqaxxruha huma, inkella jibqgħu ma jikluhiex! U anke jien iddeċidejt li nibda nqaxxar dil-basla tal-ferħ, vera li aktar kemm bdejt inneħħi saffi aktar bdejt nibki u kont ħa nerġa’ nieqaf l-aħħar!

Imma, fl-istess ħin ma’ kull saff tal-ferħ bdiet tiġi skolpita mill-ġdid il-persuna tiegħi nnifsi. Persuna pożittiva u libera, li bdiet tikteb l-uġigħ tagħha u kulma tgħaddi minnu u taqsmu mal-oħrajn. Jien stess bdejt niskanta, kif dan kollu beda jħalli effett f’ħajti u f’ħajjet l-oħrajn.

Nista’ ngħid li meta ħriġt minni nnifsi u qaxxart is-saff tal-egoiżmu sibt il-ferħ. L-aqwa arma għall-ferħ vera mhux li nkun kuntenta jien biss, imma li ngħin lill-oħrajn iqaxxru l-basla tal-ferħ ukoll.

Enable Notifications OK No thanks