Select Page
“Għalija suċċess hu meta jirnexxili nnissel tbissima” – Tania Bartolo

“Għalija suċċess hu meta jirnexxili nnissel tbissima” – Tania Bartolo

Nitkellmu ma’ Tania Bartolo

Tania, wara 6 snin se tkun qed tagħmel ir-ritorn tiegħek fuq il-palk! Kif qed tħossok?

Inhossni ferm eċitata kif ukoll kuntenta li ħa naħdem ma’ nies li qatt ma ħdimt magħhom. Il-palk għalija huwa li dak li jagħmlek attriċi, mhux għax it-televiżjoni le ta imma li tħoss ir-rispons tan-nies miegħek hija xi ħaġa sabiħa immens.

Il-produzzjoni teatrali li se timmarka r-ritorn tiegħek hija Appuntamenti fl-Appartamenti. Għidilna ftit dwarha u dwar il-karattru li se tkun qed tinterpreta.

Iva, kummiedja sabiħa ħafna għall-familja kollha li qed tittella’ minn ACTion Productions u direzzjoni ta’ Sonic Aquilina. Il-karattru li se ninterpreta huwa ta’ Sandra, mart Lino Piccinino, karattru li se jkun qed jinterpretah Sandro Vella. Sandra tkun ftit imqarba u jogħġobh t-tabib Oscar. Sandra tħobb ftit il-fsied. Karattru sabiħ.

Min irid ikun jaf iktar, inħeġġiġkom biex tattendu dan il-weekend, is-Sibt it-12 u l-Ħadd it-13 ta’ Novembru ġewwa Teatru Dun Mikiel Xerri.

X’inhi l-aħħar ħaġa li tagħmel qabel toħroġ fuq il-palk?

L-aħħar ħaġa li nagħmel meta noħroġ fuq il-palk hi li nrodd is-salib u nagħmel ħames minuti waħdi nidħol fil-karattru. U nitlob ukoll lil San Ġinezju u lil Sant Antnin biex isibli l-linji mitlufin!

Dalwaqt se narawk ukoll fuq Ulied il-Lejl tinterpreta karattru ta’ soru. Għidilna ftit dwaru…

Ulied il-Lejl huwa għal qalbi ħafna għax kont mill-bidu nett mas-Sur Charles Stroud insibu locations u dak li jkun hemm bżonn mal-kru wkoll. Illum li l-filming huwa lest kollu nimmissja lil kulħadd għax konna veru qisna familja. Il-parti tas-soru ħdimtha għal qalbi ħafna. Is-soru tkun qalbha tajba però qatt ma tħalli lil ħaddieħor jgħaddiha biż-żmien. Ma nistax niżvela aktar imma l-karattru tiegħi tas-soru koka se nibdew narawh mis-sitt episodju.

Id-direttur ta’ Ulied il-Lejl, Charles Stroud, faħħar pubblikament is-sehem tiegħek fis-serje, mhux biss bħala attriċi iżda wkoll għall-għajnuna tiegħek minn wara l-kwinti. L-ewwel nett, xi tgħidilna dwar Charles Stroud? U kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek minn wara l-kwinti? X’sehem kellek?

Charles Stroud huwa bniedem ta’ dixxiplina u meta jidderieġi xi ħaġa jkun jaf x’inhu jagħmel. Kienet l-ewwel darba li ħdimt miegħu daqshekk mill-viċin u ma jiddispjaċini xejn għax nitgħallem ħafna minnu. Inzertajna li t-tnejn inħobbu l-epoka. Ix-xogħol ta’ wara l-kwinti huwa xogħol iebes u ta’ strapazz għax meta tkun trid tibda sett mill-bidu nett huwa ta’ taħbil il-moħħ. Charles ħadem ħafna ħafna u bl-għajnuna wasalna wkoll. Is sehem tiegħi kien li nsib il-locations, narmaw is-sett u peress li jiena għandi xi ftit props għen ftit ukoll. Grazzi tmur ukoll għas-sapport li nsib mir-raġel għax dejjem ikun hemm għalija.

Wara dawn il-proġetti, se nkomplu narawk fuq produzzjonijiet teatrali u televiżivi? Hemm xi pjanijiet oħra?

Qatt ma nista’ ngħid le Roberta. Hemm ħsieb għal xi ħaġa għas-sena d-dieħla imma s’hawn nista’ nasal. Nitkellmu fil-futur.

Kieku kelli ngħidlek li għandek opportunità li tieħu sehem f’serje televiżiva barranija li tixtieq int, liem tkun? U liem karattru tagħżel li tinterpreta?

Jekk tiġi opportunità għal serje televiżiva barranija naraw meta tasal. Però kieku kelli nagħżel naħseb nagħżel Il Segreto. Kull parti naċċetta għax nemmen li la tkun attur jew attriċi, tistudja l-karattru u tidħol għall-isfida, imma l-parti ta’ Pepa l-iktar li kont inħobb għax kien karattru tal-ġenn.

X’inhi d-definizzjoni ta’ suċċess għalik?

Is-suċċess għalija hu li kull parti li ninterpreta nwasslu lill-pubbliku mill-qalb. Meta niltaqa’ ma’ persuni u jgħiduli proset, għalija dak huwa suċċess għax inkun wassalt fid-djar tan-nies dak li jkun irid id-direttur mingħandi. Għalija, li nnissel tbissima fuq wiċċ dawk in-nies li jkunu għaddejjin minn xi sitwazzjoni diffiċli huwa suċċess ukoll.

Tmut l-istilla ta’ Murder, She Wrote Angela Lansbury

Tmut l-istilla ta’ Murder, She Wrote Angela Lansbury

Mietet fl-età ta’ 96 sena, l-attriċi Angela Lansbury, li rebħet fama internazzjonali bħala l-istilla tas-serje tal-kriminalità tat-televiżjoni Amerikana Murder, She Wrote.

L-attriċi nominata tliet darbiet għall-Oscar kellha karriera twila mifruxa fuq tmien deċennji, fiċ-ċinema, it-teatru u t-televiżjoni.

Hija mietet waqt l-irqad ħamest ijiem biss qabel għeluq is-97 sena, qalet il-familja tagħha fi stqarrija.

Angela Lansbury ħadet sehem f’bosta films, fosthom Gaslight fl-1944, The Picture of Dorian fl-1945 u The Manchurian Candidate fl-1962. It-tliet rwoli li kellha f’dawn il-films kisbu nominazzjonijiet għall-Academy Award.

Kważi seba’ deċennji wara l-ewwel film tagħha, hija ngħatat Oscar onorarju għall-kisba ta’ ħajjitha fl-età ta’ 88 f’Novembru 2013. Ir-rebbieħa tal-Academy Awards Geoffrey Rush u Emma Thompson taw ġieħ lil Lansbury fiċ-ċerimonja.

Films oħrajn li ħadet sehem fihom huma, “National Velvet” (1944), “The Dark At the Top of the Stairs” (1960), “Bedknobs and Broomsticks” (1971) u “The Mirror Crack’d” (1980).

Hija kienet interpretat ukoll il-karattru ta’ Mrs Potts fil-film tant popolari ta’ Disney, Beauty and the Beast.

Lansbury rebħet ukoll ħames Tony Awards.

Minkejja li kienet għalqet it-80 sena, Lansbury baqgħet ferm attiva. Fil-fatt hija dehret fuq Broadway fl-2012 f’The Best Man ma’ James Earl Jones.

Lansbury kisbet suċċess kbir f’Murder, She Wrote. Is-serje, li damet bejn l-1984 u l-1996, ġabitilha 11 mit-18-il nomina tagħha għall-Emmy. Madankollu, qatt ma rebħet il-premju.

L-istilla, li kienet tgħix Los Angeles, iżżewġet lill-attur Richard Cromwell fl-1945 iżda ż-żwieġ tagħhom dam inqas minn sena. Fl-1949, iżżewġet lil Peter Shaw, li sar il-maniġer tagħha u kellhom żewġt itfal, Anthony u Deirdre, flimkien mat-tifel li diġà kellu hu. Shaw miet fl-2003.

“It-triq tkun twila, iżda emmen fik innifsek u agħmel l-ewwel pass” – Redeemer Galea

“It-triq tkun twila, iżda emmen fik innifsek u agħmel l-ewwel pass” – Redeemer Galea

Nitkellmu ma’ Redeemer Galea

Min hu eżattament Redeemer Galea?

Jien Redeemer Galea, għandi 35 sena u naħdem bħala delivery person ma’ kumpanija li tqassam affarijiet bħal prodotti tax-xagħar, make up u affarijiet essenzjali għall-ħasil tad-dar. Għandi għal qalbi ħafna l-Belt u dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Belt għax jien Belti. Ovvjament inżomm mal-belt u bħala tim barrani nżomm mal-Juventus… miżżewweġ lil Marilyn u għandi tifel li jismu Keiren, li ghandu 14-il sena, li wkoll qed jimxi fuq l-istess passi tiegħi tad-drama għax iħobbha ħafna u diġà kellu diversi opportunitajiet. Ftit nies jafu li jien illum il-ġurnata eks pizzar, għaliex għamilt madwar 14-il sena naħdem bħala pizzar.

Kieku mhux attur, fejn insibuk?

Bla dubju ta xejn kieku plejer tal-futbol. Min jafni, jaf kemm għandi għal qalbi l-futbol u kemm inħobb nilagħbu mal-ħbieb u anke ma’ min ma nafx, kif ikolli ċans nipprova nagħti daqqtejn f’logħba futbol 5 a side jew 7 aside. U ejja ngħidu li bħala plejer inġaħġaħha mhux ħażin!

Ħdimt ħafna xogħol televiżiv, però ħdimt ukoll ammont mhux ħażin ta’ xogħol teatrali. X’tippreferi taħdem? Teatru jew televiżjoni? U għalfejn?

Bla kantunieri ta’ xejn, nippreferi t-teatru u iva, kif għedt int, kelli ħafna produzzjonijiet teatrali li nista’ ngħid li tlift il-count ta’ x’kelli. Biex inġiblek eżempju, medda ta’ bejn 4 u 7 produzzjonijiet teatrali fis-sena tul dawn l-aħħar 15-il sena tal-anqas!! Dik il-ħaġa li għandek in-nies miegħek, hija xi ħaġa li ma nistax nispjegaha. In-nies qegħdin hemm preżenti quddiemek, jekk qegħdin jieħdu gost bik qed tinduna u jekk qed iddejjaqhom qed tinduna wkoll. Apparti minn hekk tħossok grat aktar għax dawn ikunu nqalgħu minn djarhom biex ġew jarawk. Mill-banda l-oħra, it-televiżjoni jagħtik aktar popolarità, dak fatt….in-nies jagħżlu huma li jdaħħluk ġo djarhom u kif dejjaqthom idawwru l-istazzjon. Illum il-ġurnata t-tnejn ma tantx ngħaddi mingħajrhom, iżda kieku kelli nagħżel, nagħmel it-teatru.

Rajnik f’diversi partijiet, liem hi l-aktar waħda favorita tiegħek?

Jekk qed nitkellmu televiżjoni hemm diversi, iżda żgur ma nistax ma nsemmix Għeruq, li jmur lura madwar 16 jew 17-il sena ilu. Kien il-bidu tiegħi fuq it-televiżjoni, bil-karattru ta’ Bennard meta kien żagħżugħ, grazzi lil Hermann Bonaci u Simon Curmi. Iżda ovvjament il-karattru ta’ Karl fid-drama division 7 kien bumm kbira għalija u n-nies baqgħu jsemmuhuli ..mertu ta’ Jason Zerafa li emmen fija.

Xi pjanijiet hemm għal Redeemer fejn tidħol drama?

Hemm diversi… ħafna u ħafna pjanijiet ma’ Mixta Drama. Li nista’ ngħid hu li fik Clayton, sibt ħija ieħor li naħdmu id f’id f’kull proġett li hemm. Apparti minn hekk, qed naħdem fuq żewġ dramas għat- televiżjoni, wieħed Iċ-Ċaqqufa, li se tagħmel ir-ritorn tagħha, fejn jien għandi karattru impenjattiv ħafna, u mbagħad hemm xi ħaġa għas-sena d-dieħla li għalissa ma nistgħu niżvelaw xejn. Fejn jidħol teatru nista’ ngħid li mimli daqs bajda! Għandi żewġ proġetti bħala attur, l-ewwel waħda f’Novembru li ġej, It-tieġ ta’ Karmena Abdilla, b’karattru impenjativ ħafna fejn ser inkun qed ninterpreta t-tifel ta’ Karmena, Ninu. Għal Diċembru/Jannar hemm il-pantomima. Imbagħad għal Marzu, id-dramm tal-passjoni fuq kitba u direzzjoni tiegħi stess, u għal Mejju se terġa’ titla l-kummiedja Skaduti, mill-pinna ta’ David Rizzo fejn ser naħdmu fuqha flimkien ma’ Christopher Barbara. Id-direzzjoni ser tkun tiegħi u ta’ David. Imbagħad hemm xi ħaġa kbira fil-pipeline. Xi ħaġa li qed naħdem ma’ kumpanija oħra b’saħħitha li se ttella’ proġett teatrali u jien ġejt fdat bil-kitba u d-direzzjoni ta’ dan il-proġett, imma aktar informazzjoni toħroġ ‘il quddiem. Tistgħu ssegwu dak kollu li jien għaddej minnu fuq il-paġna personali ta’ Facebook tiegħi – GALEA Redeemer.

Sezzjoni Vi jew Va

Serje jew Film – Serje

Ktieb jew e-Book – Ktieb

Sajf jew Xitwa – Xitwa

Filgħodu jew Filgħaxija – Filgħaxija

Kelb jew Qattus – Qattus

Iċċempel jew tibgħat messaġġ – Inċempel

Instagram jew Facebook – Facebook

Tonfoq jew Tfaddal – Infaddal

Torqod fuq ix-xellug jew fuq il-lemin tas-sodda – Xellug (Jekk qed tħares lejn is-sodda)

Te jew Kafè – It-tnejn

Iced Coffee jew Kafè jaħraq – Kafè jaħraq

Pizza jew Burger – Pizza (eks pizzar hux!)

Għaddi messaġġ għall-udjenza ta’ Skoperta.

Il-messaġġ tiegħi hu wieħed sempliċi li dejjem nisħaq fuqu jien….emmen fik innifsek, agħmel l-ewwel pass. It-triq tkun twila, iżda biex tasal trid tibda minn dak l-ewwel pass. Qabel nagħlaq nixtieq ngħid grazzi lil dawk kollha li nsib waraja meta jfaqqas xi proġett ġo moħħi. Grazzi tas-sapport tagħkom!

Iħallina t-Triccas

Iħallina t-Triccas

Tħabbret il-mewt ta’ Jesmond Tedesco Triccas magħruf bħala t-Triccas.

Huwa kien magħruf għan-namra tiegħu mat-teatru u l-mużika. Matul il-karriera tiegħu huwa interpreta bosta karattri differenti f’musicls bħal ‘Scrooge’. Filwaqt , fil-karriera mużikali tiegħu huwa magħruf għall-ħidma li wettaq mal-grupp mużikali Freeway.

Aħna nsellmu l-memorja ta’ Triccas u nagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-familja kollha.

Tmut l-attriċi Karmen Azzopardi

Tmut l-attriċi Karmen Azzopardi

F’post fuq Facebook, Mario Philip Azzopardi ħabbar il-mewt tal-attriċi veterana Karmen Azzopardi fl-età ta’ 88 sena.

Karmen hija meqjusa bħala waħda mill-ikoni tat-televiżjoni u t-teatru Malti. Hija ħadmet ma’ awturi kbar bħal Francis Ebejer.

Ħadmet ukoll f’diversi produzzjonijiet televiżivi li baqgħet sinonima magħhom.

Karmen Azzopardi mhux biss hija waħda mill-aqwa atturi ta’ Malta iżda meqjusa bħala waħda li mill-esperjenza professjonali tagħha kienet tgħin lil atturi oħrajn ikomplu jevolvu f’dan il-qasam.

Ċertament, Karmen hija maħbuba minn ħafna u se tibqa’ fil-qalb tal-Maltin u l-Għawdxin, partikolarment dawk li għandhom għal qalbhom it-teatru Malti.

F’isem it-tim ta’ skoperta.net, insellmu l-memorja ta’ Karmen Azzopardi u nagħtu l-kondoljanzi lill-familja, il-ħbieb u dawk kollha qrib.

Enable Notifications OK No thanks