Din l-intervista se tlaqqagħna ma’ Maryelene Debono, omm Ella.
Permezz ta’ Maryelene, se niskopru ftit dwar Ella, tifla li minkejja l-isfidi li tiffaċċja ta’ kuljum, tagħmel ħilitha biex tkompli tgħix ħajjitha bl-aħjar mod possibbli.
Kull tant żmien, Ella jkollha titla’ l-Ingilterra għat-terapija sabiex il-kundizzjoni tagħha ma tkomplix tavvanza, u biex tagħmel dan, għandha bżonn l-għajnuna tiegħek li qed taqra din l-intervista.
Iżda qabel, ejjew niskopru ftit dwarha…
Maryelene, kif tiddeskrivi lil Ella?
Ella hija tifla dħulija ħafna, ma tistax ma tħobbhiex, ftit ta’ rasha, u sensittiva ħafna. Għalkemm l-awtiżmu affettwalha ftit il-mod kif titkellem, tifhem xi jkun qed jiġri madwarha u determinata li tasal għal dak li tkun tixtieq. Tħobb ħafna t-tfal u nixtieq li tibda toħroġ ftit ma’ xi ħbieb. Ovvjament ħruġ tal-età tagħha, però sfortunatament, għal xi raġuni li ma nafx, ħafna drabi din tkun problema. Nemmen li din hija stigma li rridu negħlbu. Tħobb tkanta, tpinġi, tgħum u ddoqq il-pjanu
X’inhi l-istorja ta’ Ella?
Ella twieldet qabel iż-żmien. Xahar u ftit ġranet qabel twieldet kienu diġà jafu li Ella għandha kundizzjoni bl-isem ta’ Central Core Disease. Sfortunatament, il-kundizzjoni affettwat lil Ella billi damet ma telqet timxi, imbagħad bdiet taffettwalha daharha, fil-fatt maż-żmien kompla jmur lura.
Żviluppat ukoll hyperlordosis, tbati biex timxi, ma tistax taqbeż, ma tistax tiġri, u allura ssib diffikultajiet fejn issib bankini u tlajja’, għalhekk għandha bżonn l-aċċessibbiltà barra, fit-triq. L-uġigħ ikun ukoll fid-dahar. Jekk Ella tiġi operata, jista’ jkun li jkollha tibda tuża siġġu tar-roti, allura sibna klinika ġol-Ingilterra li tispeċifika fuq problemi serji fid-dahar.
Ella jkun ta’ benefiċċju għaliha li tagħmel terapija intensiva hemmhekk, iżda biex dan iseħħ kellna nitolbu l-għajnuna tal-poplu Malti u nistqarr li kien ta’ għajnuna għalina. Ta’ dan nirringrazzja lil kulħadd.
F’April li ġej irridu nerġgħu mmorru, u għal darb’oħra qed nerġgħu nitolbu għall-għajnuna ta’ min jista’ jgħinna.
X’inhuma l-akbar sfidi li qed taffaċċjaw bħalissa fejn tidħol Ella?
Ella, kif għedtlek għandha paġna Ella’s Endless Battle għax litteralment hija battalja għal kull ħaġa li tagħmel fil-ħajja tagħha minħabba d-diżabilità tagħha, kemm l-awtiżmu kif ukoll l-ADHD u s-CCD. Is-CCD biex ngħidlek hija marda rari ħafna li f’Malta ma hawnx. Taffettwaha bl-uġigħ li jkollha ġo daharha. Trid tilbes ilbies apposta u minħabba s-sensittività tagħha, minħabba l-awtiżmu, tbati. Tkun trid tilgħab il-bandli ma’ tfal oħra u peress li ma tiġrix tispiċċa fuq il-bandla l-ħin kollu.
Għat-taraġ u bankini, qiegħda tbati minħabba l-weakness tagħha. Ella trid taħdem ħafna anke hawn Malta. Immorru terapija privata, inħallas għaliha jiena personali għax tas-CDAU mhux biżżejjed kull 8 ġimgħat. Ella, ħajjitha, hija sfida, anke sempliċiment biex tiġi toħroġ ma’ xi ħbieb imma Ella hija tifla determinta, taħdem ħafna ma’ kull terapista li għandha u ma taqtax qalbha. Tgħid li trid tibqa’ tkanta, fuq saqajha u tiċċaqlaq, u tiżfen.
Xi sfidi qed tiffaċċja int bħala omm, li minbarra Ella, għandek ukoll wild ieħor?
Mela, jiena ma niddejjaqx ngħid, jien wheelchair user u single mother, inrabbihom waħdi. Ħuha ż-żgħir għandu l-awtiżmu wkoll. Sfortunatament jiena għandi bżonn terapija għalija personali wkoll. Jien irrid inżomm ruħi f’saħħti għalihom, ngħix għalihom. Tista’ tgħid iġennuni imma mingħajrhom ma ngħix. Huma ħajti. In-nifs tiegħi. L-imħabba ta’ ħajti. Tfal bħal dawn imħabba jagħtuk. Niffaċċja ħafna problemi bl-aċċessibbiltà u problemi ta’ flus. Ġieli qgħadt bil-ġuħ jiena, litteralment, biex nagħti lilhom, u nħallas it-terapiji minn buti. Kull min għandu tfal bħal tiegħi jaf x’qed ngħid.
Ġieli niffaċċja xi insulti, xi kelma żejda imma nħalliha tgħaddi mal-oħrajn. Jiena mara li batejt mit-tfulija tiegħi minħabba mard u minn kull aspett tista’ tgħid. B’sagrifiċċju u bl-imħabba naslu. Għandi l-għajnuna ovvjament tal-mamà u tal-papà u tal-carer tiegħi li qisha t-tieni omm tat-tfal tiegħi. Tħobbhom ħafna. Jien ngħid din. Dak li ma tridx jagħmlu lilek, tagħmlux lil ħaddieħor.
X’għajnuna għandkom bżonn bħalissa?
Ovvjament għajnuna finanzjarja. Meta tkun ħa tieħu kura barra minn Malta, din tqum ħafna flus u ovvjament anke għal hawn Malta. Jiena ngħix bil-pensjoni tad-diżabbiltà biss. M’iniex xi sinjura għax hawn min darba qalli “ara tajjeb tieħu l-flus u ma tagħmel xejn.”
Jiena 24/7 ħajti ddedikata mat-tfal. Kif għedtlek huma ħajti imma bħalissa kull min jixtieq jgħin napprezza ħafna. Kull qatra tgħodd. Ella tgħidli kollox jgħaddi ma.
Kull min jixtieq jgħin jista’ jagħti donazzjoni fuq dan in-numru:
BOV APP: 99864524
X’inhu l-messaġġ tiegħek għal min qed jaqra din l-intervista?
Nixtieq inwassal messaġġ fi kliem Ella. Qed nikteb jien minflokha. “Jekk jogħġobkom għinuni ħalli nkompli nagħmel it-terapija tiegħi ħalli nkompli nkanta fuq saqajja u niżfen mal-kor. Ma rridx immur lura. Ħa nkompli nagħmel li nħobb. Nixtieq nagħmel ħbieb ġodda.“
Bħala ommha, il-messaġġ tiegħi hu għall-għajnuna finanzjarja ħa nkompli t-terapija. Ovvjament però nixtieq ngħaddi dan il-messaġġ. Jien omm u qalb ta’ omm ġieli tibki fis-skiet u tbati fis-skiet. Ma għandi ħajja faċli xejn imma ferħana b’dak kollu li għandi. Meta taraw tfal bħal Ella u ħuha u jiġu jilagħbu mat-tfal tagħkom, jekk jogħġobkom ħalluhom jilagħbu magħhom. Din l-omm li qed taqra dan il-messaġġ tiegħi. Nixtieqha tpoġġi lilha nnifisha minfloki. Kieku inti wliedek imorru jilagħbu mat-tfal, niġi jien u nkeċċihom jew ma nħallihomx jew inħalli lit-tfal iwarrbuhom jew ġieli jidħku fil-każ ta’ Ella. Ħeġġuhom anki biex joħorġu magħhom, dawn it-tfal Jafu jħobbu u jieħdu gost avolja jkollhom bżonn l-għajnuna.
Hemm bżonn kbir li naħdmu aktar fuq l-inklużjoni mhux biss bil-kliem imma bil-fatti, għaliex sfortunatament għadna lura ħafna f’kull qasam, inkluż fil-qasam tal-edukazzjoni. Ma nistgħux nimxu ‘l quddiem jekk ma nipprattikawx bil-fatti l-inklużjoni. Li niddiskutu huwa tajjeb ħafna iżda huwa importanti li naġixxu, għaliex diġà qegħdin tard wisq.
Nixtieq ngħaddi messaġġ ieħor fuq id-dipartimenti tat-terapiji tat-tfal u l-iSpeech Department, is-CDAU, hemm bżonn li jittranġa. Appuntament kull 6 ġimgħat mhux biżżejjed, kull 8 ġimgħat mhux biżżejjed terapija għal Ella. Okay nagħmlu d-dar imma jiena m’iniex professjonista.
Apparti minn hekk hemm lista twila, lilna bagħtu għalina wara sentejn, sadanittant ma stajtx inħalliha b’xejn u kellna nħallsu. Jekk jogħġobkom ħudu ħsieb. Aħna l-ġenituri bħalissa nħallsu ħafna flus għalihom. Aktar u aktar xi ħadd bħali li jien ukoll ġieli jkolli bżonn nitla’ l-Ingilterra għalija, minħabba li għandna kundizzjoni rari li Malta m’hawnx.
Ella għandha paġna fuq Facebook bl-isem ta’ Ella’s Endless Battle fejn hemmhekk naqsmu l-esperjenza tagħna.
Jekk jogħġobkom ftakru f’Ella fit-talb tagħkom u ħa nkun tosta, ftakkru fiha finanzjarjament. Grazzi lil kulħadd.
Fi żmien ftit ġimgħat oħra, se jibda jkun possibbli li priġunieri li qed jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ikunu jistgħu jibdew jiltaqgħu u jqattgħu ftit ħin ma’ wliedhom f’binja apposta fil-Marsa, ‘il bogħod mill-ħitan tal-istess faċilità taħt il-ħarsien ta’ professjonisti soċjali.
Din il-binja hija waħda adattata biex tilqa’ tfal f’ambjent ferm aktar rilassat iżda fejn xorta waħda se jkun assigurat l-aqwa u l-ogħla livell ta’ sigurtà. Din l-inizjattiva se tkun qed titwettaq mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza b’kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl.
F’sessjoni ta’ informazzjoni mal-mezzi tax-xandir, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri stqarr kif għal ħafna snin kien kien hemm l-idea li jkun hemm post aħjar fejn il-ġenituri li qed jiskontaw sentenza jiltaqgħu mat-tfal tagħhom għaliex wieħed jifhem li l-esperjenza ta’ ħabs mhux il-post ideali għat-tfal.
“Nifhmu li ħafna drabi jkun xokk għat-tfal li jaraw lil xi ħadd mill-ġenituri tagħhom fil-ħabs u huwa għalhekk qed nimplimentaw din l-idea flimkien mal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl”, saħaq il-Ministru. Il-Ministru Camilleri spjega kif ħabsijiet oħra madwar l-Ewropa għażlu li tkun parti mill-istess faċilità, iżda hawnhekk ittieħdet id-deċiżjoni li jkun post lil hinn mill-faċilità.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl George Busuttil qal li wara l-esperjenza ta’ proġett ieħor li għaddej, dak tal-Locked Out, li huwa proċess ta’ terapija u għajnuna lill-qraba u tfal ta’ priġunieri, il-fondazzjoni riedet tagħmel il-pass li jmiss. “Se nkunu qed nużaw ftit logħob, ambjent iktar kwiet u aktar ta’ dar, biex permezz ta’ interazzjoni diretta u attenzjoni minn professjonisti li se jkunu hawn waqt is-sessjonijiet, se naraw li jsiru laqgħat tajbin bejn it-tfal u l-ġenituri,” spjega Busuttil.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni sostna li permezz ta’ dan il-proġett se jaraw li t-tfal iżommu kuntatt dirett u adegwat mal-ġenituri u bl-istess mod anke l-ġenituri jżommu kuntatt tajjeb mat-tfal. Dan se jwassal sabiex meta tasal dik il-ġurnata li ż-żewġ partijiet jingħaqdu flimkien fil-ħajja ta’ kuljum ikun hemm diġà ħidma fuq ir-relazzjoni tagħhom.
F’intervent ukoll waqt l-istess attività, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Robert Brincau sostna li l-Aġenzija qed turi tabilħaqq kemm temmen fi proċess tajjeb ta’ rijabilitazzjoni. Huwa spjega kif l-għan ewlieni huwa li fi ftit ġimgħat oħra jibdew l-ewwel viżti wara li jkun tlesta x-xogħol kollu li fadal mil-lat ta’ sigurtà u sorveljanza.
“Se naraw li nibdew bi ftit priġuniera, li sintendi jkunu eleġġibli, wara li jsir l-assesjar neċessarju b’mod intern u b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl u l-professjonisti”, qal Robert Brincau filwaqt li spjega kif se tiżdied aktar is-sorveljanza fil-Faċilità biex jitnaqqsu l-abbużi filwaqt li qabel kull sessjoni se jiġi assigurat li jsir l-iċċekjar u l-verifika kollu meħtieġ mhux biss fil-binja iżda anke fil-madwar.
Dan l-aħħar, sar moda il-“minimaliżmu”; nies bhal Marie Kondo saru sinjuruni bil-pariri tagħhom dwar kif għandna ngħixu ħajja bla xkiel żejjed.
Il-helwa hi li għad hawn min jaħseb li iżjed ma jkollok affarijiet, iżjed se tkun kuntent; ngħidu aħna, li jekk tant għandek flokkijiet roża li ma tafx liema wieħed se tilbes, mela allura m’għandekx għalfejn tkun frustrata, imma ferħana.
Nibqgħu fuq l-eżempju tal-flokkijiet roża; xi ħadd, xi darba, qallek kemm jixraqlek ir-roża; u dan il-kumment ħoloq kalamita fik, li tiġbdek lejn kull flokk roża li tara. Imma… għid is-sewwa, minn għoxrin flokk roża, mhux dejjem l-istess tlieta, erbgħa, tilbes?
Issib ruħek toħroġ wieħed minn dawk l-oħrajn, tħares lejh, u tgħid, u le, l-iskullatura ma tantx togħġobni… jew, dan it-ton ta’ roża ma jmurx mad-dublett li kont biħsiebni nilbes illum… jew dan il-flokk għandu riħa ta’ gwardarobba daqskemm ilni ma nilbsu… jew dan qasir wisq biex nilbsu fuq qalziet… jew sħana wisq biex nilbes qmis taħtu, u jekk nilbsu waħdu, ixewwek…
L-eżempju tal-flokkijiet roża nistgħu nwessgħuh għal dak kollu li għandna. Meta nimtlew bl-affarijiet, tant li l-kxaxen bilkemm jingħalqu, u kollox sotto-sopra, forsi nindunaw li jkun wasal iż-żmien li nnaqqsu ftit.
Imma, ikun aħjar li ma tibdiex, biex ma tasalx f’din l-estremità.
Apprezza l-affarijiet żgħar għax dawn iżjed siewja mill-kbar.
Eħles mill-kotba tal-iskola, għax żgur mhux se terġa’ tistudja minn fuqhom.
Ftakar li iżjed ma takkumula affarijiet, iżjed għandek xi tnaddaf.
Ftakar li kull ma takkwista “xomm u erfa’” jista’ ma jibqax tajjeb meta tiġi biex tużah.
Ftakar li ma nixtrux affarijiet bil-flus biss, iżda b’kemm sigħat ħdimna biex qlajnihom.
Għandek fuqhiex tara l-floppy discs u VHS tapes kollha li għandek? U jekk iva, għandek ħin għalihom?
Ixtri inqas, u agħti l-ħin u l-flus tiegħek lil mi n għandu bżonnhom iżjed minnek.
Ix-xiri la hu terapija, la hu passatemp, u lanqas hu soluzzjoni għall-problemi.
Iżjed faċli li qatt ma tibda drawwiet ħżiena, milli twaqqafhom.
Iżjed ma tixtri, iżjed tkun tixtieq affarijiet ġodda, u aħjar milli għandek.
Kemm tilbes żraben differenti f’xahar wieħed? Il-bqija kollha żejda.
Kollha se taqrahom dawk il-gazzetti u l-pubblikazzjonijiet l-oħrajn li tixtri kull nhar ta’ Ħadd?
Li għandek tagħti, agħtih f’ħajtek, biex tferrah lil dak li jkun, issa.
Mhux kemm rekkint li jgħodd, iżda dak li tagħmel b’dak li għandek.
Probabbli iżjed tuża labra tal-ħajta minn labra tas-suf.
Tħossokx obbligata li żżomm ir-rigali li taqla’, jekk ma jgħoddux għalik.
Tħossx li għandek timla’ kull armarju u kull kexxun li għandek fid-dar.
Tinsiex li r-reklami qegħdin hemm biex iħajruna nixtru ħwejjeġ li m’għandniex bżonnhom.
Tixrtrix affarijiet bil-ġenn, jew għax irħas, jew għax tistħi tgħid le “daqskemm ħadu paċenzja bik”; dak xogħolhom.
X’jiswa li tqatta’ nofs ħajtek takkwista l-affarijiet, u n-nofs l-ieħor teħles minnhom?
Fil-klinika qed niltaqa’ ma’ ħafna problemi tas-saħħa mentali relatati ma’ ansjetà u telf ta’ direzzjoni bħala riżultat mill-pandemija.
Ilna kważi sentejn għaddejjin mill-pandemija u bħala umani qed insibuha diffiċli kultant inkomplu nissieltu mal-ħajja minħabba l-inċertezzi li qed ngħixu fihom. Hemm min jgħid imnalla ġiet dil-pandemija ghax ħadt pawża u hemm min il-pandemija ħaditlu lil xi ħadd li jgħożż jew qalbitlu ħajtu ta’ taħt fuq. Kollha qed nesperjenzaw il-pandemija b’mod uniku u differenti u għalhekk huwa tajjeb li nitkellmu dwar dak li ghaddejjin minnu.
Bil-vaċċin primarjament qed nieħdu ħsieb is-saħħa fiżika tagħna li hija importantissima. Però għad m’għandniex xi ħaġa bħal vaċċin li tipproteġina għas-saħħa mentali tagħna. Minħabba ċerti esperjenzi ta’ iżolazzjoni, biża’ u inċertezza li għaddejna minnhom wassal li tmajna is-saħħa mentali tagħna. Hemm min għandu trawma u għadu għaddej minnha tort tal-pandemija. Hemm min qed isibha diffiċli jqum filgħodu u jmur ix-xogħol. Hemm min qed iħoss l-ansjetà u ma jafx minn fejn hi ġejja. Dawn jistgħu jkunu sintomi għaliex wieħed ikun għaddej minn bidla. L-ebda bidla mhi faċli.
Ħaġa importantissima li rridu nagħmlu biex nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħna hi li nirrealizzaw minn xiex għaddejjin u nitolbu għas-sapport. Dan jista’ jkun billi nitkellmu ma’ xi ħadd li jifhimna u jagħtina xi parir, xi ħadd tal-familja, kollegi jew ħbieb. Meta nitkellmu ma’ xi ħadd, speċjalment jekk huwa xi ħadd professjonali jista’ jservi ta’ gwida ta’ kif nistgħu nieħdu ħsieb tagħna nfusna u nirregolarizzaw l-emozzjonijiet tagħna.
Kultant tkun xi ftit diffiċli li nafdaw lil ħaddiehor bil-problemi u l-ħsibijiet tagħna għax forsi nibżgħu li ma jifhmuniex. Propju minħabba l-importanza tas-sapport soċjali u professjonali qed jinħolqu gruppi żgħar ta’ terapija onlajn fejn inti tista tikseb is-sapport mill-kumdità ta’ darek. L-għan ta’ dawn il-gruppi hu li jkun hemm spazju fejn tista’ titkellem u tiftaħ qalbek ma’ counsellor u tiltaqa’ ma’ nies li għaddejjin minn sitwazzjoni simili. Kultant li nkunu nafu li m’aħniex waħedna tgħin ħafna wkoll.
Issieħeb ma’ dawn il-gruppi billi tikkuntattja lil Willingness fuq 79291817 jew fuq info@willingness.com.mt biex tieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħek aħjar.
L-Ingliżi jgħidu li l-qtates għandhom disa’ ħajjiet, imma aħna l-Maltin ngħidu li għandhom biss sebgħa.
Kien x’kien, waħda mill-affarijet li żżomm il-qtates b’saħħithom hija dik il-mjaw karatteristika tagħhom, li l-ħoss tagħha għandu l-unità tal-frekwenza ta’ minn 22 sa 45 hertz, li jintuża ħafna waqt it-terapija. Jingħad li dawn il-vibrazzjonijiet huma fenomenu, għax jistgħu jtaffu d-dipressjoni, ifejqu xi mard, u jirrestawraw u jirriġeneraw xi tessuti tal-ġisem.
Jista’ jkun ukoll li jibqgħu b’saħħithom minħabba li t-temperatura tal-ġisem tagħhom hija ta’ minn 2-3 gradi ogħla mit-temperatura tagħna.
Leġġenda antika tgħidilna li l-qtates idumu ħajjin għax huma l-ħolqa bejn din id-dinja u l-eternità, u għaldaqstant l-allat huma grati lejhom, u jħalluhom jgħixu f’din id-dinja iżjed minn annimali oħrajn. Dan isir billi wara li jmutu, jiġu rinkarnati, sakemm wara d-disa’ darba, jibqgħu mal-allat għal dejjem ta’ dejjem.
Kien hemm żmien, iżda, li billi l-għajnejn tal-qtates ileqqu fid-dlam, kienu meqjusin bħala annimali malinni, jew saħanistra, sħaħar li kienu jsiru qtates kif jaqa’ d-dlam.
Imma… u din hija l-imma… il-proverbju jgħidilna li l-qattus miet għax kien kurjuż.
Issa jekk il-kurżità hija ħażina għal annimal daqshekk fabbli u gustuż… u li għandu iżjed minn ħajja waħda… kif inhu l-qattus, mela kemm hi ħażina iżjed għalina l-bnedmin, il-kurżità?
Issib min hu sindikajr – dejjem moħħu f’ħaddieħor, u dejjem jistaqsi dwar ħwejjeġ li mhumiex affari tiegħu.
Aħna nafu li jekk trid iżżomm sigriet, m’għandek tgħidu lil ħadd, lanqas lil xi ħadd li tgħidlu biex ma jgħid lil ħadd. Imma dawn in-nies għandhom il-ħabta jindagaw bil-fin, u jiskopru dak li suppost jinżamm mistur, b’tali mod li int lanqas biss tkun taf li ftaħt qalbek magħhom, u, iżjed u iżjed, li tajthom xi dettalji fuq ħaddieħor, li int ma kellek l-ebda dritt tikxifhom.
Li jkollok kurżità xjentifika jew filosofika li toħloq riċerka, ma fiha xejn ħażin. Iżda meta jkollok vizzju li qisek qed tinterroga lil xi ħadd, meta tistaqsi waħda f’waħda, bl-iskuża li “jekk ma tkunx taf kollox ma tkunx tista’ tgħin”, hawn naraw in-nuqqas tas-sinċerità.
Billi titkixxef sal-inqas dettal trivjali, għax issib lil xi ħadd debboli u vulnerabbli, ma tkunx qed tgħin, iżda tfixkel, għax ara kemm se jinkwieta dak li jkun, iżjed tard, meta jiftakar li kixef kollox – jafdak kemm jafdak. U int? Eh, tiftaħar li inti fdata… “…għax taf x’qaltli Joanna, u qaltli biex ma ngħid lil ħadd, imma lilek se ngħidlek għax naf li fommok mitbuq…” u hawn, tirrakonta minn xiex għaddiet dik il-mara li fdatek bis-sigrieti tagħha.
Il-kurżità mhux biss lill-qattus toqtol iżda anki l-ħbiberiji li jkunu ilhom snin.
We use cookies on our website to give you the most relevant experience by remembering your preferences and repeat visits. By clicking “Accept”, you consent to the use of ALL the cookies.
This website uses cookies to improve your experience while you navigate through the website. Out of these cookies, the cookies that are categorized as necessary are stored on your browser as they are essential for the working of basic functionalities of the website. We also use third-party cookies that help us analyze and understand how you use this website. These cookies will be stored in your browser only with your consent. You also have the option to opt-out of these cookies. But opting out of some of these cookies may have an effect on your browsing experience.
Necessary cookies are absolutely essential for the website to function properly. This category only includes cookies that ensures basic functionalities and security features of the website. These cookies do not store any personal information.
Any cookies that may not be particularly necessary for the website to function and is used specifically to collect user personal data via analytics, ads, other embedded contents are termed as non-necessary cookies. It is mandatory to procure user consent prior to running these cookies on your website.