Select Page
Vari – Lilek Nafek Xi Mkien: Produzzjoni teatrali fi Spazju Kreattiv

Vari – Lilek Nafek Xi Mkien: Produzzjoni teatrali fi Spazju Kreattiv

Fuq tlieta toqgħod il-borma! Wara sentejn ta’ posponimenti, il-produzzjoni Vari – Lilek Nafek Xi Mkien tibda bl-ewwel rappreżentazzjoni mil-lejla, fi Spazju Kreattiv.

Din il-produzzjoni miktuba mill-pinna ta’ Trevor Zahra u interpretata mid-duo teatrali Carlos Farrugia u Joseph Galea, flimkien ma’ kast brillanti.

VARI – Lilek Nafek xi Mkien huwa xogħol teatrali makabru li fih il-biżgħat tat-tfulija jitħalltu mal-weġgħat tal-adultezza; fejn is-sagru jinbidel f’inkubu, u l-ġrieħi mill-kustat minflok demm li jifdi jnixxu demm li jkexkex. Għal tfajjel żgħir li jimpressjona ruħu malajr, mawra sal-Knisja fil-Ġimgħa l-Kbira tħallilu memorji koroh meta jiltaqa’ mal-istatwa tar-redentur. Huwa u jikber, il-ħolm tiegħu jiġi invadiet minn din il-persuna misterjuża. Imma dan xi jkun: ħolm tat-tfulija jew realtà?

Dan huwa dramm bbażat fuq in-novella Vari ta’ Trevor Żahra li dehret għall-ewwel darba fil-ġabra ta’ novelli Lubien fl-1995 u issa tinsab inkluża wkoll fil-ktieb Xemgħat.

Vari – Lilek Nafek Xi Mkien hija koproduzzjoni ta’ Spazju Kreattiv b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta u l-biljetti huma disponibbli minn www.kreattivita.org.

Dati u Ħinijiet:

Il-Ġimgħa 8 ta’ April 2022, 8 ta’ filgħaxija
Is-Sibt 9 ta’ April 2022, 8 ta’ filgħaxija
Il-Ħadd 10 ta’ April 2022, 7 ta’ filgħaxija
It-Tlieta 12 ta’ April 2022, 8 ta’ filgħaxija
L-Erbgħa 13 ta’ April 2022, 8 ta’ filgħaxija
Il-Ġimgħa 15 ta’ April 2022,10.30 ta’ filgħodu
Is-Sibt 16 ta’ April 2021, 8 ta’ filgħaxija

Kif u x’nagħmel biex inkun ferħana? – Lynn Aquilina

Kif u x’nagħmel biex inkun ferħana? – Lynn Aquilina

Kont qed inħares lejn ommi tqaxxar basla, u ġietni l-idea li nqabbel il-basla mal-ferħ. Bħalma l-basla fiha ħafna saffi biex tqaxxarha u ma’ kull saff nibku xi ftit, hekk ukoll il-ferħ fih is-saffi tiegħu u qatt ma nistgħu nneħħu s-saffi kollha biex inħaffu u nsibu l-ferħ mill-ewwel, għax dan hu proċess li jdum tul ħajjitna kollha.

Ħafna jagħżlu li ma jqaxxruhiex il-basla għax jiddejqu joqogħdu jibku, iżda mbagħad it-togħma tagħha jħobbuha. Forsi, mhux mal-ewwel saff tat-tfulija, imma aktar kemm inqaxxar saffi fil-ferħ, aktar qed insib u naffaċċja element ta’ tbatija fihom. L-akbar tentazzjoni li dejjem titurmentani hi biex ma nkomplix inqaxxar dawn is-saffi ħalli t-tbatija tieqaf. Imma mbagħad insib lili nnifsi f’salib it-toroq, għax vera t-tbatija tieqaf, imma mbagħad nibqa’ ma niskopri qatt x’ inhu l-ferħ vera. L-istess bħal min jagħżel li ma jqaxxarx il-basla, ma jistax ikun jaf x’togħma fiha.

Kull bniedem jaspira, jaħdem u jistinka ħafna biex ikun ferħan f’ħajtu. Iqatta’ parti sostanzjali minn ħajtu jfittex x’jagħmlu kuntent. Ħafna drabi t-tfittxija tiegħu għall-ferħ tieħdu f’toroq u postijiet l-aktar imbegħda minnu nnifsu, bil-konsegwenza li jispiċċa b’vojt kbir, li jitfgħu f’baħar ta’ deżolazzjoni u ansjetà qawwija.

Din it-triq ta’ baħħ assolut jien kont bdejt nimxiha, konvinta li xi mkien fil-qrib kont ħa nsib il-ferħ. Ironikament, aktar kemm bdejt nimxi, dan il-vojt fija aktar beda jikber u jikber ġewwa fija. Bdejt nitlef il-fiduċja fija nnifsi u kuljum inħobb ftit inqas. Sakemm ġejt fi stat fejn għidt, ma jistax ikun nibqa’ sejra hekk, bla entużjażmu ta’ xejn lejn il-ħajja.

Ħassejtni bħal dawk li jridu jieklu l-basla għax iħobbuha, imma ma jridux u ma sabux min iqaxxarilhom. B’xi mod jew ieħor ikollhom isibu mezz kif iqaxxruha huma, inkella jibqgħu ma jikluhiex! U anke jien iddeċidejt li nibda nqaxxar dil-basla tal-ferħ, vera li aktar kemm bdejt inneħħi saffi aktar bdejt nibki u kont ħa nerġa’ nieqaf l-aħħar!

Imma, fl-istess ħin ma’ kull saff tal-ferħ bdiet tiġi skolpita mill-ġdid il-persuna tiegħi nnifsi. Persuna pożittiva u libera, li bdiet tikteb l-uġigħ tagħha u kulma tgħaddi minnu u taqsmu mal-oħrajn. Jien stess bdejt niskanta, kif dan kollu beda jħalli effett f’ħajti u f’ħajjet l-oħrajn.

Nista’ ngħid li meta ħriġt minni nnifsi u qaxxart is-saff tal-egoiżmu sibt il-ferħ. L-aqwa arma għall-ferħ vera mhux li nkun kuntenta jien biss, imma li ngħin lill-oħrajn iqaxxru l-basla tal-ferħ ukoll.

Mara tallega li ġiet stuprata minn Diego Maradona meta kellha 16-il sena

Mara tallega li ġiet stuprata minn Diego Maradona meta kellha 16-il sena

Mavys Alvarez, Kubana ta’ 37 sena, li kellha relazzjoni mal-istilla tal-futbol Diego Maradona madwar 20 sena, qed tallega li l-eks plejer tal-Arġentina kien stupraha meta kellha 16-il sena u tgħid li serqilha t-tfulija.

Hija xehdet il-ġimgħa l-oħra quddiem il-qorti tal-Ministeru tal-Ġustizzja Arġentin li qed tinvestiga l-allegazzjonijiet tagħha.

Maradona, meqjus bħala wieħed mill-akbar stilel tal-futbol li qatt kien hawn, miet sena ilu fil-25 ta’ Novembru.

L-allegazzjoni tirrigwarda vjaġġ li Alvarez għamlet lejn l-Arġentina ma’ Maradona fl-2001 meta hu kellu madwar 40 sena u hi kellha 16-il sena.

Alvarez qalet li ltaqgħet mal-istilla tal-futbol għall-ewwel darba ftit qabel il-vjaġġ, meta kien Kuba biex jieħu trattament għall-vizzju tad-droga.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Buenos Aires, Alvarez qalet li Maradona kien stupraha fil-klinika ta’ fejn kien qed joqgħod, filwaqt li ommha kienet tinsab fil-kamra ta’ ħdejhom..

Hija qalet li Maradona għattielha ħalqha u abbużaha, u li dak il-mument serqilha t-tfulija tagħha.

Filwaqt li f’diversi drabi hija ddeskriviet ir-relazzjoni tagħhom bħala kunsenswali, iżda qalet ukoll li Maradona tal-inqas f’okkażjoni waħda sforza lilu nnifsu fuqha.

Alvarez qalet li l-familja tagħha ppermettiet biss ir-relazzjoni tagħha ma’ Maradona, minkejja d-differenza kbira fl-età, minħabba l-ħbiberija ta’ Maradona mal-eks President Kuban Fidel Castro.

Filwaqt li stqarret li ma kinitx faċli għaliha li tiżvela dak li ġara lilha f’pajjiż fejn Maradona hu meqjus bħala idolu, hija ssostni li ddeċidiet li tagħmel dan sabiex tgħin lil vittmi oħrajn b’kull mod li tista’.

L-istilel ta’ Harry Potter jerġgħu jingħaqdu għall-20 sena anniversarju mill-ewwel film

L-istilel ta’ Harry Potter jerġgħu jingħaqdu għall-20 sena anniversarju mill-ewwel film

L-istilel ta’ Harry Potter, Daniel Radcliffe, Emma Watson u Rupert Grint se jkunu qed jerġgħu jingħaqdu ma’ membri oħra tal-kast għal programm televiżiv speċjali li se jsir għall-20 sena anniversarju mill-ewwel film.

L-aħbar ħarġet eżattament 20 sena wara li ħareġ l-ewwel film fl-Istati Uniti, Harry Potter And The Sorcerer’s Stone, fis-16 ta’ Novembru tal-2001.

It-trio se jingħaqad mad-direttur tal-films Amerikan Chris Columbus biex jiddiskuti l-films u jesplora fil-fond il-ħolqien tagħhom.

Se jingħaqdu wkoll Helena Bonham Carter, Robbie Coltrane, Ralph Fiennes, Jason Isaacs, Gary Oldman, Imelda Staunton u Tom Felton, li lkoll interpretaw karattri ewlenin fis-sensiela.

Madanakollu, il-kreatriċi ta’ Harry Potter, l-awtriċi JK Rowling, ma jidhirx li se tkun qed tingħaqad magħhom għal dan l-anniversarju. Dan wara li s-sena li għaddiet għamlet xi kummenti kontroversjali dwar il-komunità trans, b’uħud fil-komunità LGBTIQ jakkużawha bi transfobija.

Għall-ewwel darba, il-kast leġġendarju se jerġa’ lura fejn bdiet il-maġija. Harry Potter 20th Anniversary: Return To Hogwarts se jkun qed jixxandar għall-ewwel darba fl-1 ta’ Jannar 2022 fuq il-pjattaforma ta’ streaming HBO Max.

Se nkunu qed naraw il-kast jirritorna għas-settijiet oriġinali tal-boarding school ta’ Hogwarts li dehru fl-ewwel film ta’ Harry Potter.

Din l-edizzjoni televiżiva speċjali hija waħda minn diversi avvenimenti tal-20 anniversarju ppjanati minn Warner Bros.

Intant, Emma Watson qasmet il-memorji tagħha ta’ Hogwarts u l-film fuq il-midja soċjali. Hija qalet li Harry Potter kien id-dar tagħha, il-familja tagħha u d-dinja tagħha, u li Hermoine tibqa’ l-karattru fittizju favorit tagħha ta’ kull żmien.

Daniel Radcliffe qal li Harry Potter għandu post importanti fit-tfulija ta’ ħafna nies, u għadhom iħossuhom protettivi ħafna fuqu.

Il-Jum Dinji Kontra t-Tħaddim tat-Tfal

Il-Jum Dinji Kontra t-Tħaddim tat-Tfal

Il-Jum Dinji Kontra t-Tħaddim tat-tfal huwa osservat fit-12 ta’ Ġunju ta’ kull sena madwar id-dinja.

L-għan ta’ din il-ġurnata huwa li tqajjem kuxjenza dwar il-prattika illegali tat-tħaddim tat-tfal li sfortunatament għadha tirrenja, kif ukoll aktar għarfien dwar il-ħidma kontinwa biex dan jinqered kompletament madwar id-dinja.

It-tħaddim tat-tfal għadu jeżisti u t-tfal, l-aktar minn familji foqra, huma mġiegħla jaħdmu f’kundizzjonijiet perikolużi minkejja li jiffaċċjaw sfruttament fiżiku, mentali, u soċjali minn min iħaddem. Dawn it-tfal jiġu mċaħħda milli jgħixu t-tfulija tagħhom waqt li ħafna jitilfu wkoll l-opportunità li jattendu l-iskejjel.

Din il-ġurnata ġiet osservata għall-ewwel darba fl-2002 mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti.

Skont l-aħħar rapport mill-ILO u l-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF), it-tħaddim tat-tfal żdied għal 160 miljun mad-dinja kollha.

Din is-sena, it-tema tal-Jum Dinji Kontra t-Tħaddim tat-tfal hija: ‘Act Now: End Child Labour’. Minħabba l-pandemija tal-Covid-19 u l-kriżi globali, kien hemm żieda drastika fit-tħaddim tat-tfal madwar id-dinja minħabba nies li qed jiffaċċjaw problemi ta mpjiegi.

Minn rapporti ħareġ li l-progress jew it-titjib li sar qabel il-pandemija, issa naqas. Għalhekk, aktar minn qabel, hekk kif il-pajjiżi resqin bil-mod lejn normalità ġdida, huwa importanti li titqajjem kuxjenza u t-tħaddim tat-tfal jitwaqqaf kompletament.

Enable Notifications    OK No thanks