Select Page
Il-Lejl Li Kienet Għamlet ix-Xita (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Il-Lejl Li Kienet Għamlet ix-Xita (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Ma kienx jaf għala iżda malli ra t-tbissima fuq wiċċha, ħass qalbu tħabbat mija mija u kien jaf li kieku ltaqgħu taħt ċirkostanzi differenti, kien jistaqsiha toħroġ miegħu. Imma hekk beża’ li jgerrixha.
U telqu flimkien. Jimxu taħt umbrella waħda. Hi mgeddsa fil-ġakketta tiegħu u hu mitluf jitkellem magħha.
Sakemm waslu fit-triq ta’ fejn qaltlu li kienet toqgħod hi, kien diġà qalilha l-istorja ta’ ħajtu, irrakkuntalha fid-dettal dwar xogħlu u l-karozzi li kien biddel u anke fuq in-nisa li kellu qabel!
“Jien se nħallik………..” qaltlu.
Waqfu bilwieqfa quddiem xulxin, Axel għadu jżomm l-umbrella f’idu.
“Ħadt gost nitkellem miegħek,” qalilha.
Axel isserja. Qatt ma kien ħassu daqshekk komdu jitkellem ma’ xi ħadd. Kien ħa grazzja magħha. Iva, il-mod ta’ kif kienet ħarset lejh tul it-triq, ta’ kif tbissmet u kompliet miegħu hu u jirrakkontalha u kif kellmitu………………
“Ħudha, grazzi,” qaltlu hi u tibda tinża’ l-ġakketta minn fuqha.
“Le!” waqqafha. “Ma tarax! Tieħu riħ!”
Infaqgħu jidħqu.
“Isma……….għada ejja għaliha, ejja u ħudha lura.”
“Niġi. Niġi żgur.”
Għal mument ħarsu f’għajnejn xulxin u Axel kien jaf li f’dan il-preċiż mument kienu qalu ħafna affarijiet lil xulxin mingħajr ma lissnu kelma waħda. Ma kienx hemm bżonn kliem. Kienu skambjaw mument intimu bejniethom li ma kien ifisser xejn u fl-istess ħin kien ifisser ħafna.
“Narak għada, Nadia!” qalilha.
Rasset il-ġakketta tiegħu magħha u telqet tiġri.
Axel baqa’ hemm bilwieqfa. Jitbissem.
“X’int tagħmel hawn fix-xita qisek baħnan?” sema’ s-subkonxju jerġa’ jgħidlu.
Nadia.
Kemm xtaq jerġa’ jaraha!
Kemm kien ħerqan li jasal għada ħalli jmur għandha bl-iskuża tal-ġakketta!
U telaq iħaffef lejn daru jkanta xi melodija ma tagħmilx sens.
U l-għada tgħidx kemm ħaseb fuqha xħin kien qiegħed ix-xogħol!
Fuq din l-imbierka Nadia!
U kellu seba’ mitt sena sakemm jagħlaq il-bieb tal-uffiċċju u jitlaq lejn darha.
U fil-fatt hekk għamel.
Daħal fil-karozza, saq lejn Triq Dolores u sab id-dar il-kbira li kienet eżatt fil-kantuniera. Għajnejh xegħlu malli ra isem id-dar.
“Dar il-Friefet,” qal b’leħen għoli, hekk kif ipparkja malajr u bla ma qagħad jaħli l-ħin telaq jiġri lejn ir-rixtellu, fetħu u beda jdoqq il-qanpiena.
Stenna.
Beda’ jisma’ l-passi ġejjin minn wara l-bieb.
Infetaħ.

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Agħti d-demm u żomm id-dinja tħabbat – Il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm

Agħti d-demm u żomm id-dinja tħabbat – Il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm

Dan il-jum jipprovdi opportunità biex isejjaħ għal azzjoni lill-gvernijiet u lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jipprovdu riżorsi adegwati u jwaqqfu sistemi biex iżidu l-ġbir tad-demm minn donaturi volontarji tad-demm.

Id-demm u prodotti tad-demm u t-trasfużjoni tagħhom huma aspetti sinifikanti tal-kura u s-saħħa pubblika. Kuljum, isalvaw miljuni ta’ ħajjiet u jtejbu s-saħħa u l-kwalità ta’ ħajja ta’ diversi pazjenti.

Il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm huwa osservat fl-14 ta’ Ġunju biex ifakkar l-anniversarju ta’ Karl Landsteinerli, li kien xjenzat kbir li rebaħ il-Premju Nobel għall-iskoperta kbira tiegħu tas-sistema tal-grupp tad-demm ABO. Ġie ċċelebrat għall-ewwel darba fl-2004 biex ixerred l-għarfien dwar il-ħtieġa għal donazzjonijiet regolari tad-demm u l-ħtieġa tiegħu li jsalva l-ħajjiet.

It-trasferiment ta’ demm jew komponenti ta’ demm mid-donatur fiċ-ċirkolazzjoni tad-demm tar-riċevitur iservi bħala operazzjoni li ssalva l-ħajja għaliex dan ikun qed jissostitwixxi ċ-ċelloli tad-demm jew prodotti tad-demm mitlufa minħabba telf ta’ demm jew minħabba depressjoni tal-mudullun.

L-islogan tal-Jum Dinji tad-Demm 2021 huwa “Agħti d-demm u żomm id-dinja tħabbat”. Huwa jenfasizza l-kontribuzzjoni essenzjali li jagħtu d-donaturi tad-demm biex id-dinja tibqa’ tħabbat billi ssalva l-ħajjiet u ttejjeb is-saħħa ta’ ħaddieħor.

Dan il-jum huwa wkoll sejħa biex aktar persuni madwar id-dinja jagħtu d-demm regolarment u jikkontribwixxu għal saħħa aħjar.

Enable Notifications    OK No thanks