Suldat Russu jeħel għomru l-ħabs talli qatel raġel Ukren

Suldat Russu jeħel għomru l-ħabs talli qatel raġel Ukren

Il-Qorti fi Kyiv ikkundannat suldat Russu għal għomru l-ħabs talli qatel raġel Ukren li ma kienx armat fl-ewwel jiem tal-invażjoni tal-Ukrajna. Il-verdett jimmarka l-ewwel kundanna ta’ suldat għal reati tal-gwerra minn mindu beda l-kunflitt fl-aħħar ta’ Frar.

Vadim Shishimarin, li għandu 21 sena, wieġeb li hu ħati li qatel raġel ta’ 62 sena f’raħal fir-reġjun tal-grigal ta’ Sumy, erbat ijiem wara li bdiet il-gwerra. Huwa xehed li kien spara lir-raġel minn tieqa miftuħa tal-karozza fuq ordni ta’ żewġ uffiċjali għolja.

Shishimarin qal ukoll lill-Qorti li wieħed mis-superjuri tiegħu kien insista li jisparaw lir-raġel Ukren għax dak il-ħin kien qed jitkellem fuq il-mowbajl, u seta’ ta l-post fejn jinsabu lill-armata Ukrena.

Matul il-ġuri, Shishimarin talab lill-armla tal-vittma biex taħfirlu.

Il-Prosekutur Ġenerali tal-Ukrajna Iryna Venediktova qalet li l-uffiċċju tagħha qed jaħdem biex jipproċedi fuq każijiet ta’ reati tal-gwerra kontra 41 suldat Russu għal reati li kienu jinkludu bumbardament ta’ infrastruttura ċivili, qtil ta’ ċivili, stupru u serq. L-investigaturi qed jiġbru wkoll evidenza ta’ reati tal-gwerra possibbli biex jitressqu quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali f’The Hague.

Enable Notifications OK No thanks