by skoperta.net | 26/Mar/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Ir-Russja qalet li se tiffoka l-invażjoni tagħha fl-Ukrajna fuq il-“liberazzjoni” tal-Lvant u b’hekk indikat possibilità ta’ bidla fl-istrateġija tagħha.
Il-ministeru tad-difiża qal li l-għanijiet ewlenin tal-ewwel stadju tal-gwerra huma kompluti.
L-invażjoni tar-Russja dehret immirata biex taħkem bliet ewlenin tal-Ukrajna u twaqqa’ l-gvern. Madanakollu, kellhom jiffaċċjaw ġlieda akbar milli huwa mifhum li kienu qed jistennew.
Intant, il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy appella lir-Russja biex tagħraf il-ħtieġa għal taħdidiet serji għall-paċi.
by Sylvana Zarb | 17/Dec/21 | Arti, Varjetà
It-tieni wirja ġewwa Art by the Seaside (65, Triq il-Mina tax-Xatt, Isla) bdiet fit-12 ta’ Diċembru u għandha sa nhar l-Erbgħa 22 ta’ Diċembru.
Din il-wirja ġġib l-isem ta’ Christmas Collective Art Exhibition fejn fiha wieħed isib varjetà ta’ xogħlijiet ta’ arti, miġbura minn tnax-il artist.
Tajjeb illi nibda billi nsemmi lil Joan Burlo u Dave Calleja, pittriċi u skultur tal-ħadid, rispettivament. Għalihom din hija l-ewwel darba li qiegħdin jesibixxu xogħolhom għall-pubbliku. Filwaqt li l-għaxar artisti l-oħra esibixxew xogħolhom drabi oħra.
Interessanti immens kif għalkemm kull biċċa xogħol hi differenti mill-oħra, u anke tidher versitilità minn biċċa xogħol għall-oħra tal-istess artist, xorta waħda nħoloq spazju ferm mill-isbaħ. Malli tidħol tħoss li tixtieq tara kollox f’daqqa, sakemm taqbad tiffoka kamra, kamra sabiex tapprezza kull biċċa xogħol.
L-ambjent ta’ Art by the Seaside jgħinek tħossok trankwilla f’dar mgħammra b’attenzjoni professjonali sabiex kull pittura, skultura ma titfix jew ittellef l-attenzjoni minn biċċa xogħol oħra.
Dawn huma wħud mix-xogħlijiet li wieħed isib waqt il-Christmas Collective Art Exhibition ġewwa Art by the Seaside, ibqgħu ċerti li hemm iktar x’wieħed jara u japprezza. Nissuġġerixxi wkoll li tagħtu titwila għax jaf issibu dak ir-rigal tal-Milied li jonqoskom tixtru; minn artisti lokali b’xogħlijiet uniċi.
Bħala ħinijiet tal-ftuħ; din se tkun miftuħa:
• Is-Sibt mill-10.30 sas-13.30 u mit-15.00 sat-20.30
• Il-Ħadd mill-10.30 sas-13.00 u mill-16.30 sat-20.30.
• Filwaqt li mit-Tnejn sal-Ġimgħa: mis-18:00 sat-20:30.
Għandha miftuħa sa nhar l-Erbgħa 22 ta’ Diċembru. Tajjeb li wieħed isewgwi l-paġna ta’ Facebook ta’ Art by the Seaside | Facebook u anke l-event: Christmas Collective Art Exhibition għal iktar dettalji u aġġornamenti.
by Karen Decelis | 02/Sep/21 | Riflessjonijiet, Varjetà
Tmiem ta’ relazzjoni tista’ tkun waħda mill-iktar esperjenzi diffiċli li persuna tesperjenza f’ħajjitha. Huwa siewi li persuni jkunu jafu x’jistgħu jagħmlu biex jgħinu lilhom infushom f’dan il-mument iebes.
Meta tieqaf minn relazzjoni, jaf joħorġu ħafna weġgħat u emozzjonijiet negattivi. Apparti li tkun qed tibki t-telfa tar-relazzjoni tiegħek, jista’ jkun li tkun qed tħossok konfuża, waħdek u mbeżża’ fuq il-futur. Tmiem ta’ relazzjoni jaf tfisser tibdil komplet f’ħajtek. Jaf trid tbiddel darek, relazzjonijiet mal-familja u ħbieb tal -ex partner, bidla fir-rutina u responsabilitajiet. Tmiem ta’ relazzjoni tfisser ukoll li trid tibki mhux biss ir-relazzjoni imma t-tamiet u l-ħolm li kellek ma’ dik il-persuna.
X’tista’ tagħmel biex tħossok aħjar?
- Importanti ħafna li tesprimi kif tkun qed tħossok. Għid lilek innifsek “bħalissa qed nħossni mdejjqa” jew “bħalissa vera qed inħossni rrabjata”. Meta tieqaf relazzjoni jaf tħoss emozzjonijiet diversi. Hemm min iħoss relief qawwi, ikun hemm min iħossu xxukkjat, jew ma jkunx jista’ jemmen x’għadu kif ġara. Hemm min iħossu miċħud, muġugħ, tradut, imbeżża’, imbarazzat u mdejjaq. Importanti ħafna li tara x’qed tħoss. Dan jgħinek biex tifhem lilek innifsek. Importanti ħafna li taċċetta kif qed tħossok. Hawn min iħassar u wara ġimgħa jħossu tajjeb, hawn min jgħaddu xhur, jekk mhux snin biex jiġu f’tagħhom. Agħti ċans lilek innifsek. Aċċetta kif tkun qed tħossok. Emozzjonijiet ta’ dwejjaq, rabja, ansjetà, għajja, frustrazzjoni u konfużjoni huma esperjenzati minn ħafna nies. Aċċetta dawn l-emozzjonijiet u agħti lilek innifsek ċans u permess li ma tkunx kuntenta għal xi żmien.
- Importanti ħafna li tiffoka fuqek innifsek. Meta nkunu f’relazzjoni, speċjalment waħda li tkun twila, hu faċli li ninsew lilna nfusna. Dan hu żmien li int tiffoka fuqek innifsek: terġa’ ssib l-affarijiet li huma importanti għalik, tesplora affarijiet ġodda li jafu jogħġbuk, tibda passatemp ġdid, tmur lura għal xi ħaġa li kont tagħmel qabel ma dħalt fir-relazzjoni. Forsi ma tkunx l-iktar ħaġa ideali li tidħol f’relazzjoni ġdida mill-ewwel. Agħti ċans lilek innifsek tibki r-relazzjoni li għaddiet u proċessa l-emozzjonijiet tiegħek sew qabel tidħol f’relazzjoni ġdida.
- Tgħaddix minn dan iż-żmien waħdek. Aqsam ħsibijietek ma’ nies li tafda. Ibqa’ attiva soċjalment. Ħafna drabi, id-dwejjaq li jaqbdek wara li tkun ħassart, tant ikun kbir li tispiċċa tingħalaq fik innifsek u toqgħod ġewwa. Importanti li tfittex is-sapport ta’ ħbieb, familja. Prova toqgħodx ħafna waħdek f’dan iż-żmien.
- Mur għand counsellor jew professjonist ieħor biex tipproċessa minn xiex għaddejt. Int ma tliftx biss il-partner, tlift ukoll persuna ma’ min taqsam l-esperjenzi, forsi tlift sapport finanzjarju. Tlift xewqat u pjanijiet tal-futur. Agħti lilek innifsek ċans biex tipproċessa dan kollu. Persuna professjonali taf tgħinek ukoll forsi tara x’tista’ titgħallem minn din l-esperjenza. Forsi għandek bżonn titkellem fuq x’ġara u jaf tieħu xi ħaġa mit-telf tar-relazzjoni. Jew forsi tista’ tara jekk hemmx xebh bejn din ir-relazzjoni u relazzjonijiet ta’ qabel. Forsi tista’ ssib pattern li għamilt f’kull relazzjoni u tkun tista’ taħdem fuqek innifsek.
- Importanti ħafna li f’dan iż-żmien tieħu ħsieb tiegħek innifsek. Agħmel attivitajiet li jikkalmawk: qatta’ ħin ma’ nies li tħobb, isma’ l-mużika, aqra ktieb, mur xi lezzjonijiet ta’ xi ħaġa li togħġbok pereżempju; yoga, gardening, kant etc. Daħħal lilek innifsek f’rutina strutturata biex tagħti lilek innifsek sens ta struttura u normalità. Prova ddurx għal vizzji bħal alkoħol, ikel eċċessiv eċċ. Sib affarijiet ġodda li jafu jagħtuk pjaċir. Hawn min isiefer waħda tajba, jew jibda passatemp ġdid. U l-iktar importanti – kul sew, agħmel eżerċizzju fiżiku, u orqod sew.
It-tmiem ta’ relazzjoni jaf ikun żmien diffiċli ħafna. Ara li dejjem ikollok is-sapport li għandek bżonn u qatt tistħi titlob l-għajnuna!
Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net
by Matthaeus Grasso | 06/May/21 | Saħħa, Varjetà
🌲🤗 L-isfida ta’ din il-ġimgħa hija relatata ma’ “tree-hugging” 🙂
🌞 Le, mhux se nkunu qed ngħannqu s-siġar fil-verità, għalkemm jekk trid, tista’ wkoll 😀 Imma … kemm tqatta’ ħin barra kuljum?
🏞 Kont taf li meta tqatta’ ħin fil-kwiet u fin-natura – speċjalment qalb is-siġar – tista’ ttejjeb saħħtek? Anke 5 minuti biss jagħmlu differenza kbira.
🌴 L-isfida tagħna din il-ġimgħa hija li nqattgħu total ta’ 35 minuta (jiġifieri 5 minuti biss kuljum!) Madwar siġar jew qalb il-kampanja. Tista’ tagħmilhom f’daqqa jekk meħtieġ, imma break qasir kuljum jista’ jgħin lil ġismek aħjar. 🙂
🌳 Hawn taħt għandek lista ta’ benefiċċji li tista’ tgawdi minnhom sempliċiment għax tqatta’ l-ħin qalb is-siġar, skont diversi studji:
⭐ Issaħħaħ is-sistema immunitarja tiegħek
🌞 Tikseb aktar enerġija
🤗 Tbaxxi l-livell tal-pressjoni fid-demm
🙃 Tnaqqas l-istress
🥰 Tgħin biex ikollok burdata aħjar
🧐 Tgħin biex tiffoka aħjar f’dak li tkun qed tagħmel
🤠 Tgħin biex tħaffef il-proċess ta’ rkupru
😴 … u anke tgħin biex torqod aħjar!
🌲🌞 Li toħroġ barra biex tgawdi n-natura f’nofs il-ġurnata tax-xogħol tiegħek għal ftit minuti biss jista’ jagħtik perspettiva ġdida li tgħinek tkompli taħdem matul il-kumplament tal-ġurnata!
⤵️⤵️⤵️ Se tingħaqad magħna? Għidilna fil-kummenti! U, aqsam magħna ritratt tal-aktar post favorit tiegħek li hu mdawwar bis-siġar!
Kowċ tal-Fitness
Xjentist tal-Eżerċizzju u l-Isport