Select Page
Xerred dan l-artiklu biex tinstab din it-tifla

Xerred dan l-artiklu biex tinstab din it-tifla

Khadia Al Aloush magħrufa bħala Jenna, ta’ 15-il sena, ġiet irrappurtata nieqsa lill-Pulizija.

Il-Pulizija qalet li l-aħħar li dehret kien fl-inħawi tal-Ħamrun u kienet uniformi tal-iskola.

Kull min għandu xi informazzjoni, jista’ jgħaddiha lill-Pulizija, anke b’mod kunfidenzjali fuq in-numri tal -Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija 21 224001 / 119 jew fl-eqreb Għassa tal-Pulizija.

Kont taf li madwar 10 miljun tifla se jkunu f’riskju ta’ żwieġ tat-tfal?

Kont taf li madwar 10 miljun tifla se jkunu f’riskju ta’ żwieġ tat-tfal?

Illum, 11 t’Ottubru, huwa il-Jum Internazzjonali tal-Bniet, li l-għan tiegħu huwa li jitfa’ dawl u jiġġieled l-inġustizzji u l-inugwaljanzi li jiffaċċjaw il-bniet minħabba s-sess tagħhom.

Il-Jum Internazzjonali tat-Tfal Bniet titfa’ l-attenzjoni fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-inġustizzji bħaż-żwieġ tat-tfal u diversi sfidi oħra, bħal sfruttament sesswali, li jkollhom iħabtu wiċċhom il-bniet. Għandhom l-għan ukoll li jimbuttaw l-innovazzjoni tal-edukazzjoni għall-bniet, u t-taħriġ ta’ nisa żgħażagħ b’ħiliet biex jgħinuhom jisbqu fuq il-post tax-xogħol.

Din is-sena, qed jiġi mfakkar l-10 anniversarju tal-Jum Internazzjonali tal-Bniet. Ta’ kull sena , tintgħażel tema għal dan il-jum. Fil-fatt għal din is-sena, it-tema hija: “Żmienna huwa issa, id-drittijiet tagħna, il-futur tagħna”.

L-enfasi hija fuq l-għadd kbir ta’ sfidi mqiegħda quddiem il-bniet biex jilħqu l-potenzjal tagħhom. Dawn l-isfidi marru għal agħar minħabba l-kriżijiet kontinwi tat-tibdil fil-klima, il-COVID-19 u l-kunflitt umanitarju madwar id-dinja. Il-bniet kuljum qegħdin jissieltu ma’ kwistjonijiet relatati mal-edukazzjoni tagħhom, mal-benessri fiżiċi u mentali tagħhom, u li jgħixu ħajja mingħajr vjolenza.

Kien fl-1995, fil-Konferenza Dinjija dwar in-Nisa f’Beijing, li l-pajjiżi adottaw unanimament id-Dikjarazzjoni ta’ Beijing u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni; dan kien l-aktar pjan progressiv li qatt sar għall-avvanz tad-drittijiet mhux biss tan-nisa iżda tal-bniet. Id-dikjarazzjoni ta’ Beijing hija l-ewwel waħda li speċifikament sejħet id-drittijiet tal-bniet.

Fid-19 ta’ Diċembru tal-2011, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-Riżoluzzjoni 66/170 biex iddikjara l-11 ta’ Ottubru bħala l-Jum Internazzjonali tat-Tfal Bniet; dan biex tirrikonoxxi d-drittijiet tal-bniet u l-isfidi uniċi li l-bniet jiffaċċjaw madwar id-dinja.

Kontu tafu, li sfortunatament, sa 10 miljun tifla se jkunu f’riskju ta’ żwieġ tat-tfal?

L-effetti profondi tal-pandemija tal-COVID-19 qed ipoġġu lill-bniet f’riskju ogħla ta’ żwieġ bikri minħabba taħlita ta’ xokkijiet ekonomiċi, għeluq ta’ skejjel u interruzzjonijiet fis-servizzi tas-saħħa riproduttiva.

Kun parti minn din il-ġurnata billi tqajjem kuxjenza dwar u tinvolvi ruħek fil-kampanja kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza li l-bniet jiffaċċjaw madwar id-dinja.

LE GĦAŻ-ŻWIEĠ TAT-TFAL. LE GĦALL-VJOLENZA. DRITT GĦALL-EDUKAZZJONI. DRITT GĦAL XOGĦOL. DRITT GĦAL ĦLAS UGWALI.

BIL-FILMAT: “Ilbieraħ ħallejna din it-tifla tmut bil-għatx” – Peppi Azzopardi

BIL-FILMAT: “Ilbieraħ ħallejna din it-tifla tmut bil-għatx” – Peppi Azzopardi

Ilbieraħ mietet ir-Reġina Eliżabetta II. Imma mietet ukoll tifla li kulma kellha 4 snin.

Peppi Azzopardi jikteb poeżija u jibda billi jħabbrilna dan, u jtemm billi jgħidilha biex ma nibqgħux siekta.

“Nibku t-telfa tar-Reġina, ta’ sitta u disgħin.

Ħallietna kollha mbikkmin.

U t-tifla ta’ 4 snin, li mietet ftit ilu fid-dgħajsa,

Għax karrbet għall-għajnuna,

U bqajna għaddejjin.

It-tifla riedet tixrob, u għax mhijiex Maltija,

Sqijnieha l-apatija.

Id-dgħajsa fiż-żona Maltija ta’ salvataġġ,

U ħallejna lit-tifla tmut bil-għatx.

U l-Gvern jibqa’ jittama, li nbiddu t-twemmin tagħna,

U flok inkunu Nsara, inħarsu xi mkien ieħor,

Għax qajla jimpurtana.

U napprovaw tmexxija,li lil ħutna li jaħarbu

Mill-gwerra u t-tortura,

Flok jagħtihom il-kura,

Bla qalb jibagħthom lura.

Issa żżejjed.

U please għal din it-tifla, tagħmlux minuta silenzju.

Ilna silenzjużi biżżejjed.”

Raġel fl-Istati Uniti mixli li stupra tifla ta’ 10 snin li wara għamlet abort

Raġel fl-Istati Uniti mixli li stupra tifla ta’ 10 snin li wara għamlet abort

Raġel fl-Istati Uniti ġie mixli li stupra tifla ta’ 10 snin li mbagħad kellha tivvjaġġa minn Ohio lejn l-Indiana biex tagħmel abort minħabba r-restrizzjonijiet il-ġodda dwar l-abort.

Sigħat wara d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema, il-leġiżlaturi f’Ohio pprojbixxew l-abort minn wara 6 ġimgħat tqala, mingħajr l-ebda eċċezzjoni għall-vittmi ta’ stupru jew inċest.

Għalkemm fl-Indiana għaddejjin sforzi biex jiġi ristrett l-aċċess għall-abort, s’issa l-proċedura għadha legali.

Skont rapporti, it-tifla kellha 6 ġimgħat u tlett ijiem tqala.

L-għajdut tal-każ ġibdu attenzjoni nazzjonali u internazzjonali, b’xi mexxejja politiċi tal-Istati Uniti jirreferu għalih f’konverżazzjonijiet dwar projbizzjonijiet tal-abort.

Gerson Fuentes, li għandu 27 sena, ġie arrestat nhar it-Tlieta, skont id-dokumenti tal-pulizija u l-qorti ta’ Columbus. Huwa ġie akkużat bi stupru kriminali ta’ minorenni taħt it-13-il sena, skont il-Qorti Muniċipali tal-Kontea ta’ Franklin. L-ewwel dehra tiegħu fil-qorti kienet l-Erbgħa.

Il-Pulizija ġiet infurmata għall-ewwel darba dwar it-tqala tat-tifla lejn l-aħħar ta’ Ġunju permezz ta’ referenza minn dipartiment lokali tas-servizzi tat-tfal li saret minn omm it-tifla stess.

Skont rapporti minn midja internazzjonali, Fuentes ammetta mal-awtoritajiet li stupra lit-tifla f’mill-inqas żewġ okkażjonijiet.

It-tifla ta’ 10 snin għamlet abort fit-30 ta’ Ġunju, fil-klinika ta’ Indianapolis. Bħalissa qed jiġi ttestjat id-DNA ta’ Fuentes kif ukoll ħut it-tifla.

Il-każ kien irrappurtat għall-ewwel darba fl-1 ta’ Lulju bi ftit dettalji. Madankollu bosta ddubitaw kemm din l-istorja kienet vera sakemm ġiet ikkonfermata mill-pulizija u l-qorti.

Fuentes irid jerġa’ jidher quddiem il-qorti fit-22 ta’ Lulju. Jekk jinstab ħati, jista’ jeħel għomru l-ħabs

“L-imħabba ta’ missier mhix inqas minn tal-omm. Il-qalb ta’ missier tħobb kif taf hi u b’kemm għandha saħħa.” – Clive Piscopo

“L-imħabba ta’ missier mhix inqas minn tal-omm. Il-qalb ta’ missier tħobb kif taf hi u b’kemm għandha saħħa.” – Clive Piscopo

Dan il-jum, bħal kull okkażjoni sinifikanti oħra, iqanqal diversi sentimenti għal kull individwu, kemm pożittivi kif ukoll negattivi.

Fl-ewwel Jum il-Missier tiegħu, Clive Piscopo qasam esperjenza personali li għaddew minnha hu u l-mara tiegħu Claire, iżda mill-perspettiva ta’ missier.

Din is-sena, Clive iħossu fortunat li mhux biss, bħal ma għamel matul dawn l-aħħar 38 sena, qed jiċċelebra lil missieru imma wkoll, flimkien ma’ missieru qed jiċċelebra dan il-jum bħala missier.

Filwaqt li għal Clive, din hija okkażjoni perfetta biex juri l-gratitudni tiegħu lejn missieru u dak kollu li għamel miegħu u għall-familja tagħhom, huwa wkoll mument opportun biex jirrifletti fuq x’tip ta’ missier jista’ jkun hu.

Huwa qal li fil-fond ta’ qalbu jixtieq li jkun papà tajjeb għat-tifla tagħhom, Nora, u li ssir tħobbu mqar nofs dak li hu jħobb lil missieru, iżda fuq kollox, ix-xewqa ta’ Clive hija li jkun kapaċi jrabbi tifla b’qalbha tajba f’dinja li taf tkun vera krudili.

Clive u Claire semmew lit-tifla tagħhom, Nora, għaliex l-isem ifisser dawl. Huwa stqarr li ta’ kuljum, iħares lejn bintu u jittama li tkun dawl f’mumenti mudlama.

Minkejja li Clive ftit li xejn jaqsam mill-ħajja personali tiegħu fil-pubbliku, f’dan il-jum qasam ftit min-niket u l-uġigħ li għaddew minnu hu u Claire, iżda fuq kollox hu bħala missier, bit-tama li jkun ta’ konsolazzjoni, imqar għal persuna waħda.

Sena ilu, Clive u Claire tilfu tarbija, li għalkemm kienu għadhom ma ltaqgħux magħha, kienu qed jistennewha bi ħġarhom. Clive spjega kemm kien diffiċli għalih lI l-għada li tilfu t-tarbija kellu joħroġ għax-xogħol b’mod normali u jipprova jitbissem bħas-soltu minħabba li kienu jafu biss ftit nies minn xiex kienu għaddejjin.

Clive qal li dawn ix-xhur għenuh jifhem ftit aktar il-weġgħa ta’ missirijiet li tilfu lil uliedhom, ta’ missirijiet li uliedhom ma jkellmuhomx u ta’ dawk l-irġiel li jixtiequ ħafna li jsiru missirijiet.

“Tgħallimt bl-esperjenza li l-qalb ta’ missier tħoss ukoll. U tħoss ħafna. U mhix imħabba sekondarja jew inqas minn tal-omm. Il-qalb ta’ missier tħobb kif taf hi u b’kemm għandha saħħa.”

Clive Piscopo

Sfortunatament, sal-lum għadna ngħixu f’soċjetà fejn l-irġiel għadhom ma jħassuhomx daqshekk liberi u komdi li jitkellmu dwar esperjenzi u emozzjonijiet li jgħaddu minnhom fi żminijiet diffiċli.

Waqt li kien għaddej minn din l-esperjenza tant diffiċli, Clive irrealizza li ma kienx jaf raġel wieħed li għadda mill-istess esperjenza, ma kien sema’ qatt raġel jitkellem fuq miscarriage.

“Ma kontx naf fuq min nista’ ndur biex nistaqsih jekk hux normali li filli mingħalik li tkun sew u f’sekonda tkun trid tibki. Donnu aħna l-irġiel ma nitkellmux fuqhom dawn l-affarijiet. Mhux għax, kif forsi nagħtu l-impressjoni, ma nħossux. Imma għax is-soċjetà m’għalmitniex nitkellmu fuqhom. Kienu jgħidulna biex ma nibkux biex ma nkunux sissy. Li l-emozzjonijiet tan-nisa. Li raġel irid ikun b’saħħtu, bil-muskoli, ma jibża minn xejn, xejn ma jista’ għalih, u l-kumplament.”

Clive Piscopo

Clive qal li llum li sar missier, ma jridx li lit-tifla tiegħu jgħallimha hekk. Iħoss li għandu jgħallimha li missier huwa bniedem tad-demm u l-laħam li hu wkoll iħoss ħafna, u forsi xi kultant, bħal kulħadd, anki hu jaqta’ qalbu, imma mbagħad, għax iħobb, jagħmel l-aħjar li jista’.

“Għalhekk, fl-ewwel Jum il-Missier tiegħi, nixtieq nagħti viżibilità speċjali lil dawn l-irġiel u missirijiet li batew u jbatu fis-skiet. M’intomx waħedkom. U jekk tafu lil xi ħadd li għadda minn esperjenza simili, illum għidilhom: M’intomx waħedkom. Forsi dan huwa l-ewwel eżempju li nista’ nagħti lil binti.”

Clive Piscopo

Enable Notifications OK No thanks