Select Page
Pfizer u BioNTech jibdew jittestjaw vaċċin speċifiku għall-Omicron fuq in-nies

Pfizer u BioNTech jibdew jittestjaw vaċċin speċifiku għall-Omicron fuq in-nies

Pfizer u BioNTech bdew it-testijiet kliniċi għall-vaċċin speċifiku għall-Omicron.

L-istudju se jevalwa l-vaċċin għas-sigurtà, it-tollerabilità u l-livell ta’ rispons immuni, kemm bħala doża primarja kif ukoll bħala doża tal-booster f’madwar 1,420 adult f’saħħtu ta’ bejn it-18 u l-55 sena.

Il-possibilità li l-Omicron jikkawża infezzjoni anke f’nies imlaqqma hija akbar minn dik ta’ varjanti oħra, iżda għadu mhux ċar jekk hux se tibda tingħata tilqima speċifika għalih.

Fost il-kwistjonijiet li r-regolaturi qed jevalwaw huma li wħud mill-ewwel postijiet li ffaċċjaw żieda qawwija fil-każijiet tal-Omicron diġà qed jaraw il-mutant jonqos, u m’hemm l-ebda mod biex tkun taf jekk il-varjant li jista’ jkun hemm wara l-Omicron hux se jixbah l-Omicron jew ikun totalment differenti.

“Neħħejtulna d-dritt għal-libertà! Se ġġibuna priġunieri ġo djarna stess!” – Stephanie Chircop

“Neħħejtulna d-dritt għal-libertà! Se ġġibuna priġunieri ġo djarna stess!” – Stephanie Chircop

Permezz ta’ post fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, il-preżentatriċi u kantanta Stephanie Chircop, esprimiet il-ħsibijiet u t-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni preżenti relatata mal-pandemija tal-Covid-19 f’Malta.

Fil-post tagħha, Stephanie staqsiet għaliex l-awtoritajiet spiċċaw jiġġieldu u jippersistu man-nies biex jieħdu t-tilqima, u staqsiet għaliex, fi kliemha, bl-istess argument, ma jiġux projbiti s-sigaretti li jagħmlu ħsara biss.

Hija sostniet li dan kollu qed isir minħabba l-flus. “Spiċċajna ngħixu ġo dinja fejn qed noqtlu lil xulxin minħabba l-flus.”

Stephanie ikkritikat b’mod qawwi ċerti deċiżjonijiet li qiegħdin jittieħdu mill-awtoritajiet. Qalet li l-poplu qed jaċċetta li jitnaqqru d-drittijiet tal-bniedem.

Filwaqt li semmiet il-pjan li qed jissemma biex persuni fi kwarantina jkunu jistgħu jivvutaw, hija staqsiet għaliex allura persuni li jkunu pożittivi għall-Covid ma jitħallewx iduru bil-karozza.

Saħqet li qed jittieħdu d-drittijiet għal-libertà, tal-għażla u tal-moviment u li dan kollu qed isir skapitu tal-vulnerabbli u l-innoċenti.

“Se ġġibuna priġunieri ġo djarna stess! Nies, qumu minn hemm! Iktar qed jimirdu nies b’mard mentali milli bil-Covid! Però aħna għandna s-setgħa li nbiddlu dan kollu! Flimkien niġbdu ħabel wieħed!”

Stqarret li s-soltu qatt ma tikkumenta b’dan il-mod u li dejjem iġġib rispett lil kulħadd iżda ma tiflaħx issofri aktar inġustizzji u tkun xhud ta’ inġustizzji li qed isiru.

Stephanie ħeġġet lin-nies biex iqumu u jitkellmu, u jagħmlu xi ħaġa dwar dan kollu li qed jiġri.

Talbet ukoll lill-awtoritajiet kollha kkonċernati biex ma jħallux lill-pajjiżna jegħreq.

“Intom min intom, aħsbu f’uliedkom u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin! Jien ma nibża’ minn ħadd! Minn Alla biss nibża’! Imma uliedi bla vuċi u min hu vulnerabbli wkoll! Aħsbu b’imħabba, empatija u tolleranza u agħmlu l-għażliet ġusti.”

Iżrael se jibda jagħti t-tieni doża tal-booster lil persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena

Iżrael se jibda jagħti t-tieni doża tal-booster lil persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena

L-Iżrael se jibda joffri r-raba’ doża tal-vaċċin tal-Covid-19 lil persuni li għandhom 60 sena jew aktar, u jsir l-ewwel pajjiż fid-dinja li jagħti t-tieni doża tal-booster b’mod wiesa’ biex jiġġieled il-varjant Omicron.

Ir-raba’ doża se tkun disponibbli wkoll għall-istaff mediku li ħa l-aħħar tilqima tiegħu mill-inqas erba’ xhur ilu, qal il-Prim Ministru Naftali Bennett f’konferenza stampa nhar il-Ħadd.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-Iżrael approva t-tieni doża tal-booster għal persuni vulnerabbli, kif ukoll residenti ta’ djar tal-anzjani u pazjenti fis-swali ġerjatriki.

UE: Iċ-ċertifikat tal-vaċċin irid jiġġedded kull 9 xhur

UE: Iċ-ċertifikat tal-vaċċin irid jiġġedded kull 9 xhur

Il-Kummissjoni Ewropea adottat regoli relatati maċ-ċertifikati tat-tilqima tal-Covid-19.

Iċ-ċertifikat tat-tilqima jrid jiġġedded kull 9 xhur, preċiżament wara 270 ġurnata.

L-għan ta’ dan huwa li jiggarantixxi li l-miżuri tal-ivvjaġġar ikomplu jiġu kkoordinati, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew wara l-aħħar laqgħa tiegħu li saret fis-16 ta’ Diċembru.

Ir-regoli l-ġodda se jiżguraw li r-restrizzjonijiet ikunu bbażati fuq l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli hekk kif ukoll kriterji oġġettivi.

Il-Kummmisjoni Ewropea qalet li ċ-ċertifikat diġitali tal-Covid-19 kien suċċess, għaliex ikompli jiffaċilita l-ivvjaġġar sikur għaċ-ċittadini madwar l-Unjoni Ewropea matul dawn iż-żminijiet tal-pandemija.

S’issa, inħarġu 807 miljun ċertifikat fl-UE. Iċ-ċertifikat diġitali stabilixxa standard globali b’madwar 60 pajjiż u territorju madwar ħames kontinenti ssieħbu mas-sistema s’issa.

Ir-regoli l-ġodda għall-ivvjaġġar ġewwa l-UE jarmonizzaw ir-regoli differenti madwar l-Istati Membri. Dan il-perjodu ta’ validità jqis il-gwida taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, li tirrakkomanda t-teħid tal-booster sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tlestija tal-ewwel sensiela ta’ tilqim.

Aktar kmieni dan ix-xahar, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci ħabbret li fiż-żmien li ġej il-booster se jkun inkluż fuq iċ-ċertifikat tal-vaċċin mal-kumplament tad-dożi.

Il-Kummissjoni Ewropea tawtorizza l-ħames vaċċin kontra l-Covid-19

Il-Kummissjoni Ewropea tawtorizza l-ħames vaċċin kontra l-Covid-19

Il-Kummisjoni Ewropea awtorizzat il-ħames vaċċin kontra l-Covid-19 bl-isem ta’ Novavax, għal persuni minn 18-il sena ‘l fuq.

Id-deċiżjoni tiġi hekk kif ħafna nazzjonijiet Ewropej għaddejjin bil-ġlieda tagħhom kontra ż-żidiet fl-infezzjonijiet u fost tħassib dwar it-tixrid tal-varjant il-ġdid omicron.

Il-kumpanija tan-Novavax tgħid li qed tittestja kif il-vaċċin se jaħdem kontra l-omicron, u bħal manifatturi oħra bdiet tifformula verżjoni aġġornata li tipproteġi aktar kontra l-varjant f’każ li eventwalment ikun meħtieġ.

Ħafna dwar l-omicron għadu mhux magħruf, inkluż jekk jikkawżax sintomi inqas severi. Ix-xjentisti jgħidu li l-Omicron jinfirex saħansitra aktar faċli minn varjanti oħra tal-Covid-19, inkluż id-delta, u huwa mistenni li jsir dominanti f’xi pajjiżi sal-bidu tas-sena d-dieħla.

Xjentisti qed jgħidu li s’issa studji qed juru li min hu mlaqqam għandu bżonn ukoll il-booster biex ikun aktar protett mill-omicron, imma anki mingħajr il-booster, it-tilqima xorta għandu joffri protezzjoni qawwija kontra sintomi severi u mewt.

It-tilqima Novavax tingħaqad ma’ dawk Pfizer-BioNTech, Moderna, Johnson & Johnson u AstraZeneca bħala l-vaċċini awtorizzati mill-UE.

L-UE ordnat 100 miljun doża ta’ Novavax b’għażla ta’ 100 miljun aktar. Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-ewwel dożi huma mistennija li jaslu kmieni fl-2022. L-istati membri tal-UE ordnaw madwar 27 miljun doża għall-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.

Enable Notifications    OK No thanks