Select Page
Bukkett Fjuri Ħomor (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Bukkett Fjuri Ħomor (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Poġġa t-telefon lura f’postu b’idu tirtogħod mhux ftit.
It-tbissima li kellu fuq fommu kienet tirrifletti mument ta’ sodisfazzjon personali.
Fl-aħħar!
Fl-aħħar kien se jpattihielha!
Kien ilu maħruq. Kien ilu jġemma’ fl-istonku!
U kien propju dak il-ħin li resaq lejn it-tieqa mdaqqsa li kellu fil-kamra tas-salott tal-appartament ċkejken li kien isejjaħ daru u qagħad għal mument iħares lejn il-veduta ta’ blokok kbar mibnija bil-konkos li kellu eżatt faċċata. Hekk biss kien jara. Bini. Aktar bini. U saħansitra aktar bini.
Ħa nifs twil u ħass il-pulmun jimtela’ bis-sodisfazzjon.
Kien ilu jberren kif kellu jsibha. Kif kellu jpattihielha.
Kull ma kien jaf kien isimha.
Agnes Abela.
U li kienet l-iżjed mara antipatka li qatt kien kellem f’ħajtu!
Infaqa’ jidħak. U għal mument kien se jixraq fil-bżieq tiegħu stess.
Issa kien jonqos il-final grandjuż tal-pjan viljakk li kien ħejja! Kien għad fadal l-aħjar parti!
Neil kien jaħdem f’uffiċċju tal-kummerċ bħala persuna li twieġeb it-telefon fuq problemi tal-konsumaturi. Xogħlu ma tantx kien jogħġbu, anzi biex ikun qal kollox kien jisħet is-siegħa u l-mument li kien ikollu joħroġ minn ġol-friex sħun ta’ filgħodu sabiex iħejji ruħu għal ġurnata telefonati ma jaqtgħu xejn fl-uffiċċju fejn kienu jkunu xi għoxrin ruħ, kollha bil-linja tat-telefon tagħhom. Kollha jagħmlu l-istess xogħol. Dahar ma’ dahar. Skrivanija m’oħra. Storbju ma jaqta’ xejn………….
“Ħellow, S u Ġ Limited, fiex nista’ naqdik?” kien dara jgħid l-istess sentenza għal madwar xi tletin darba kull minuta.
Agnes Abela.
Issa ma kinitx se taħrablu. Kemm kienet antipatka!
Kien iltaqa’ magħha fuq il-linja tat-telefon. Qatt ma kien raha minn wiċċha. Li kien jaf fuqha hu li kienet taħdem mad-ditta tal-produtturi li kienu jagħtuhom ix-xogħol. Din Agnes kienet ċemplet l-ewwel darba għall-ħabta ta’ nofs is-sajf u fil-bidu kien ħabat jaħseb li leħinha kien kważi ġentili.
Iżda malli kien infurmaha li l-prodotti li kienu jġibu mingħandhom kienu għadhom kollha hemm u li ħadd ma kien qed jixtrihom, kienet infexxet toffendih u tkellmu ħażin.
Lilu.
Lil Neil Frendo.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Jekk il-Milied mhuwiex żmien sabiħ għalik, m’intix waħdek – Karen Decelis

Jekk il-Milied mhuwiex żmien sabiħ għalik, m’intix waħdek – Karen Decelis

Żmien il-Milied hu l-isbaħ żmien tas-sena għal ħafna nies. Id-dwal, il-mużika, l-ikliet, il-familja; kollha huma raġunijiet li l-Milied iġib ħafna ferħ u eċitament. Però, għal xi wħud, dan iż-żmien hu diffiċli immens.

Għal min tilef lil xi ħadd għażiż, il-Milied jista’ jġib lura memorji ta’ wġigħ. Ikun hemm dawk li jkunu tilfu lill-għeżież waqt iż-żmien tal-Milied, allura dejjem jiftakru fil-mewt f’dan iż-żmien. Ikun hemm ukoll dawk li avolja ma tilfux lill-għeżież waqt il-Milied, xorta jiftakru f’mumenti sbieħ li kienu qattgħu ma’ dik il-persuna waqt dan iż-żmien u jħossu dwejjaq kbar.

Hemm dawk li jħossuhom anzjużi fi żmien il-Milied għax ikun hemm ħafna affarijiet xi jsiru: xiri ta’ rigali, infiq żejjed, tisjir, tindif eċċ. Iħossuhom ma jistgħux ilaħħqu ma’ kollox u jħossuhom overwhelmed.

Ikun hemm ukoll dawk li jħossuhom imdejqin għal diversi raġunijiet: persuni li jixtiequ li għandhom partner, koppji li jixtiequ jkollhom it-tfal, anzjani li jħossuhom waħedhom: dawn iż-żminijiet jafu jfakkruhom fuq id-dwejjaq tagħhom iktar minn żminijiet oħra, speċjalment bil-midja soċjali.

Hawn huma xi suġġerimenti li persuni jistgħu jagħmlu biex inaqqsu d-dwejjaq tagħhom f’dawn il-festi.

  • Ara li tirrikonoxxi l-emozzjonijiet tiegħek. Jekk għadu kif miet xi ħadd, jekk qed tħossok waħdek; aċċetta li d-dwejjaq qiegħdin hemm. Billi żmien il-Milied, ma jfissirx li għandek tkun kuntent il-ħin kollu. Agħti ċans lilek innifsek biex tibki u tesprimi lilek innifsek.
  • Sib l-għajnuna. Jekk qed tħossok iżolat, fittex għajnuna mingħand familja, ħbieb, NGOs lokali, jew komunitajiet reliġjużi.
  • Agħmel xi ħaġa ta’ ġid. Taf tħossok kuntenta tagħmel xi xogħol volontarju jew tgħin lil ħaddieħor. Agħti donazzjoni lil karità, ċempel lil xi ħadd li taf li qiegħed waħdu.
  • Ippjana minn qabel. Jekk taf li tħossok anzjuż bl-affarijiet li trid tixtri, l-ikel li trid issajjar, id-dekorazzjonijiet li trid tagħmel, ibda ppjana minn qabel. Tista’ tagħmel lista tal-affarijiet kollha li trid tagħmel. Din il-ħaġa tgħinek biex ma jkollokx ansjetà estrema fl-aħħar.
  • Tgħallem għid ‘le’. M’hemmx għalfejn tagħmel kull ħaġa li ġejt mistieden tagħmel. L-iktar ħaġa importanti hi s-saħħa mentali tiegħek.
  • Sib il-pożittiv f’ħajtek. Għandek affarijiet sbieħ f’ħajtek. Sib ħin biex tirrifletti u ssib x’inhuma.
  • Illimita l-ħin fuq il-midja soċjali. In-nies jitfgħu affarijiet sbieħ biss fuq il-midja soċjali. Jekk qed tħossok waħdek u vulnerabbli, jaf ma tkunx idea tajba li tara dawn l-affarijiet.
  • Sib ħin għalik. Iddedika ħin għalik. Sib attivitajiet li tħobb tagħmel: mur mixja, kul bil-qis, ara li jkollok biżżejjed ħin ta’ rqad, agħmel attività fiżika, agħmel eżerċizzji bħal meditazzjoni u yoga.

Il-Milied huwa żmien partikolari ħafna. Ftakar dejjem li m’intix waħdek u kulħadd ikun għaddej minn emozzjonijiet u ħsibijiet diversi. Dejjem fittex l-għajnuna, sib ħin biex tirrifletti, agħmel eżerċizzju u ffoka fil-pożittiv.

Min huma t-Tfal li jidhru fl-Istatwa tal-Prinċipessa Diana?

Min huma t-Tfal li jidhru fl-Istatwa tal-Prinċipessa Diana?

L-1 ta’ Lulju, jimmarka għeluq is-60 sena tal-Prinċipessa Diana, u proprju f’dan il-jum, il-familja rjali mmarkat l-okkażjoni bl-inawgurazzjoni tant mistennija tal-istatwa tagħha fil-palazz ta’ Kensington.

L-istatwa turi lil Diana b’dirgħajha madwar żewġt itfal, j bit-tieled wieħed jidher fl-isfond. Ċertament li dawn it-tfal qanqlu kurżità lil xi wħud dwar l-identità tagħhom.

Fi stqarrija, il-Palazz qal li d-deċiżjoni li jiġu inklużi t-tfal fl-istatwa kienet mod kif tonora l-abilità speċjali ta’ Diana li tibni rabta ma’ tfal u żgħażagħ.

“L-istatwa għandha l-għan li tirrifletti l-affezzjoni, l-eleganza u l-enerġija ta’ Diana, il-Prinċipessa ta’ Wales, minbarra x-xogħol tagħha u l-impatt li kellha fuq tant nies,” tgħid l-istqarrija. “Il-figura tal-Prinċipessa Diana hija mdawra minn tlett itfal li jirrapreżentaw l-universalità u l-impatt ġenerazzjonali tax-xogħol tagħha. Il-figura u l-istil tal-libsa tagħha kienu bbażati fuq l-aħħar perjodu ta’ ħajjitha hekk kif kisbet il-fiduċja fir-rwol tagħha bħala ambaxxatriċi għal kawżi umanitarji u timmira li twassal il-karattru u l-kompassjoni tagħha.”

Diana ħadmet mill-qrib ma’ nista’ karitajiet orjentati lejn iż-żgħażagħ, u kienet patruna tal-isptar tat-tfal Great Ormond Street f’Londra. Il-premju Diana, li ġie stabbilit fl-1999, jonora speċifikament liż-żgħażagħ li jaħdmu biex itejbu l-ħajja ta’ ħaddieħor. Din il-karità twaqqfet biex tonora t-twemmin ta’ Diana li ż-żgħażagħ għandhom il-poter li jibdlu d-dinja.

Enable Notifications    OK No thanks