
Ma tistax aktar taħsel idejk u tinħasel b’ilma sħun f’postijiet pubbliċi ta’ Belt fil-Ġermanja
Il-belt Ġermaniża ta’ Hanover waqqfet milli tipprovdi ilma sħun fil-postijiet pubbliċi kollha u minflok qalbet għal ilma kiesaħ biss minħabba l-kriżi tal-gass Russu.
Hija l-ewwel belt kbira li tfiet l-ilma sħun wara li r-Russja naqqset b’mod drammatiku l-provvista tal-gass tal-Ġermanja.
Il-Ġermaniżi qalulhom jistennew miżuri kbar ta’ tnaqqis tal-gass u ħlasijiet żejda fuq il-kontijiet tal-enerġija tagħhom.
L-UE qablet li tnaqqas id-domanda għall-gass Russu din ix-xitwa bi 15%.
Fi sforz biex tiffranka l-enerġija, il-belt tat-Tramuntana tal-Ġermanja ta’ Hanover iddeċidiet li l-ilma sħun mhux se jibqa’ disponibbli għall-ħasil tal-idejn f’bini pubbliku, jew fid-doċoċ fil-pixxini, swali tal-isports u gyms.
Funtani pubbliċi qed jintfew ukoll biex jiffrankaw l-enerġija, u mhux se jkun hemm dwal ta’ billejl fuq bini bħal mużewijiet.
Is-Sindku Belit Onay qal li l-għan kien li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija tal-belt bi 15% b’reazzjoni għal “nuqqas imminenti tal-gass” li ħoloq sfida sinifikanti għall-ibliet il-kbar.
Ir-regoli japplikaw ukoll għat-tisħin. Bini pubbliku mhux se jkollu tisħin minn April sal-aħħar ta’ Settembru ta’ kull sena, b’temperaturi tal-kamra limitati għal massimu ta’ 20C għall-bqija tas-sena, b’xi eżenzjonijiet.
Il-belt qed tipprojbixxi wkoll air conditioners, heaters u radjaturi portabbli.
Dawn il-miżuri huma konformi ma’ avviżi minn Berlin il-ġimgħa li għaddiet, hekk kif il-Ġermanja tfittex biex tibni r-riżervi tagħha qabel ix-xitwa. Bliet oħra, bħal Augsburg fil-Bavarja, diġà introduċew il-miżuri tagħhom stess bħat-tifi tal-funtani pubbliċi.
Il-mira ta’ tnaqqis ta’ 15% f’Hanover taqbel mal-mira tal-UE kollha li titnaqqas id-dipendenza fuq il-gass Russu.
U nhar il-Ħamis, il-Ġermanja kkonfermat li soprataxxa tal-gass ippjanata fuq il-klijenti tista’ tkun ferm ogħla milli kien mistenni qabel, biex tipprova tiżgura li l-kumpaniji tal-enerġija ma jfallux fix-xhur li ġejjin. “S’issa ma nistgħux ngħidu kemm se jiswa l-gass f’Novembru, iżda l-aħbar xejn sabiħa hi li żgur huma ftit mijiet ta’ ewro għal kull dar,” qal il-Ministru għall-Ekonomija Robert Habeck.
Xi rapporti qalu li l-imposta tista’ tiswa lill-familji €500 żejda fis-sena.
Il-Ġermanja ilha tiddependi fuq il-gass Russu għall-bżonnijiet tal-enerġija tagħha iżda dan l-aħħar akkużat lir-Russja li naqqset il-provvisti tal-gass bħala ritaljazzjoni għas-sanzjonijiet tal-UE dwar il-gwerra fl-Ukrajna, xi ħaġa li r-Russja tiċħad.
Il-provvisti tal-gass Russu issa jammontaw għal madwar kwart tal-ħtiġijiet tan-nazzjon, meta mqabbla ma’ aktar min-nofs qabel il-gwerra.
