L-użu tal-maskra se jibqa’ obbligatorju biss fl-isptarijiet u d-djar tal-anzjani

L-użu tal-maskra se jibqa’ obbligatorju biss fl-isptarijiet u d-djar tal-anzjani

F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbar li se jitneħħew il-kumplament tar-restrizzjonijiet tal-Covid-19 ħlief għal xi eċċezzjonijiet, id-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mit-2 ta’ Mejju, l-użu tal-maskra se jibqa’ obbligatorju biss fl-isptarijiet, kliniċi mediċi u djar tal-anzjani.

Dan ifisser li l-ħlief għal dawn il-postijiet imsemmija, l-użu tal-maskra fuq ġewwa mhux se jibqa’ obbligatorju. Madanakollu huwa rrakkomanda li tibqa’ tintlibes il-maskra fuq mezzi ta’ trasport.

Dr Fearne spjega wkoll li għalkemm mit-Tnejn l-użu tal-maskra fl-iskejjel mhux se jibqa’ obbligatorju, madanakollu dan ma jfissirx li hija pprojbita u għalhekk tista’ tibqa’ tintlibes sakemm ma jkunx hemm regoli oħra mill-amministrazzjoni tal-iskola.

Mit-Tnejn se tonqos il-kwarantina u mix-xahar id-dieħel se titneħħa għal kollox

Mit-Tnejn se tonqos il-kwarantina u mix-xahar id-dieħel se titneħħa għal kollox

F’konferenza tal-aħbarijiet dwar l-IVF, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mit-Tnejn li ġej il-kwarantina għal min hu mlaqqam kompletament u jkun f’kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi se tonqos minn sebat ijiem għal ħamest ijiem.

Ħabbar ukoll li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, mis-7 ta’ Marzu, il-kwarantina se titneħħa għal kollox għal dawk li jkunu f’kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi. Mis-7 ta’ Marzu wkoll, għal dawk li jkunu mlaqqma kompletament u jkunu pożittivi, il-kwarantina se tonqos minn għaxart ijiem għal sebat ijiem u fis-seba’ ġurnata jsir rapid test biex wieħed ikun ċert li huwa negattiv.

Mis-7 ta’ Marzu, dawk it-tfal li jkunu f’kuntatt ma’ persuni pożittivi, u huma mlaqqma biż-żewġ dożi mhux se jkun hemm il-bżonn li joqogħdu kwarantina.

Dwar imwiet u funerali marbuta mal-Covid-19, il-Ministru Chris Fearne qal li b’mod immedjat, iż-żmien li fih irid isir il-funeral ta’ persuna li tkun tilfet ħajjitha waqt li kienet pożittiva għall-Covid-19, ġie estiż minn 24 siegħa għal 48 siegħa.

Huwa fakkar li l-għan huwa li għall-bidu tas-sajf ikunu tneħħew il-maġġoranza tal-miżuri li qiegħdin fis-seħħ bħalissa.

Mit-Tnejn li ġej se jitneħħew aktar restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19

Mit-Tnejn li ġej se jitneħħew aktar restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19

Aktar kmieni llum, id-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mit-Tnejn li ġej sal-bidu tas-sajf se jitneħħew il-maġġoranza tar-restrizzjonijiet tal-Covid-19 li qiegħdin fis-seħħ.

Filwaqt li fakkar l-aħbar li mill-aħħar ta’ April u bidu ta’ Mejju se jkunu jistgħu jibdew isiru l-festi fil-bliet u l-irħula b’mod responsabbli imma wkoll b’mod li jixbah ħafna lil dak li konna mdorrijin bih fis-snin li għaddew, kif ukoll l-aħbar li l-Karnival se jsir f’Mejju bl-istess mod, il-Ministru Chris Fearne ħabbar li minn nhar it-Tnejn li ġej 7 ta’ Frar se jiġi estiż il-ħin tal-viżitaturi fl-isptar Mater Dei.

Minn nhar it-Tnejn ukoll se titneħħa l-miżura tal-ammont ta’ nies miġbura f’residenza privata. Sal-lum kien limitat sa 4 households, issa se titneħħa kompletament.

Ħabbar ukoll li mit-Tnejn li ġej il-Gvern Malti se jibda jagħraf iċ-ċertifikati tat-tilqim mill-Ġordan u l-Maldivi.

Mill-14 ta’ Frar, dawk il-persuni li jkollhom ċertifikat tat-tilqim validu u jkunu ġejjin minn pajjiż li huwa kklassifikat bħala dark red, il-perjodu ta’ kwarantina li jeħtieġu li jagħmlu se jonqos minn 14 għal 10 ijiem.

Il-kwarantina ta’ dawk li jkunu ġejjin minn barra biex jaħdmu f’Malta u għad m’għandhomx permess ta’ residenza f’Malta issa tista’ tibda ssir f’residenza fissa minflok f’lukanda. Il-lukanda se tkun qed tintuża biss għal dawk li jiġu Malta għal perjodu qasir u m’għandhomx residenza fissa.

B’effett immedjat, it-tfal kollha ta’ bejn il-5 u l-11-il sena li jkollhom iċ-ċertifikat tat-tilqim biż-żewġ dożi se jkunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr il-ħtieġa tat-test tal-PCR.

Ħabbar ukoll li mill-21 ta’ Frar se tiġi indirizzata l-mod ta’ kif issir il-kwarantina. Jekk is-sitwazzjoni attwali tibqa’, il-kwarantina ta’ dawk li jkollhom kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi se tonqos minn 7 għal ħamest ijiem.

Dan se jkun japplika wkoll għal tfal li jkunu mlaqqma u jkollhom lil xi ħadd pożittiv fil-klassi.

Mill-1 t’April, in-numru ta’ persuni bilqiegħda f’tieġ se jibqa’ l-istess, dak ta’ 500 persuna mlaqqma kompletament iżda se jkun jista’ jsir ukoll b’persuni bilwieqfa sa massimu ta’ 300 persuna mlaqqma kompletament.

Jekk is-sitwazzjoni tibqa’ sejra kif inhi issa, fix-xhur li ġejjin se jkomplu jitneħħew aktar restrizzjonijiet fuq avvenimenti organizzati u night clubs.

Il-Ministru Chris Fearne fakkar li minn nhar it-Tnejn li ġej iċ-ċertifikat tat-tilqim mhux se jibqa’ obbligatorju għar-ristoranti, snackbars u każini.

Il-Papa Franġisku mistenni jżur Malta fil-bidu t’April

Il-Papa Franġisku mistenni jżur Malta fil-bidu t’April

Rapporti żvelaw li l-Papa Franġisku huwa mistenni li jżur Malta fil-bidu t’April.

Huwa rrappurtat li ż-żjara tiegħu mistennija li ssir s-Sibt it-2 u l-Ħadd it-3 t’April.

Sorsi qalu li l-Vatikan informa lill-President George Vella u lill-Prim Ministru Robert Abela u t-tnejn li huma aċċettaw id-dati.

Din iż-żjara kellha ssir fl-2020 iżda l-Papa ppospona l-vjaġġ minħabba l-pandemija.

Jiġu eliminati Shauna u Jimmy fl-ewwel Live Show ta’ X Factor Malta

Jiġu eliminati Shauna u Jimmy fl-ewwel Live Show ta’ X Factor Malta

Ilbieraħ bdiet l-aktar fażi mistennija u eċitanti ta’ X Factor Malta, dik tal-Live Shows.

Fl-ewwel Live Show ġew eliminati tnejn minn 12-il kontestant.

Il-vjaġġ ta’ X Factor Malta waqaf ilbieraħ għal Shauna Vassallo, mill-kategorija ta’ Ivan Grech, li ġabet l-inqas ammont ta’ voti mit-televoting, u għal Jimmy, mill-kategorija ta’ Ira Losco, li ġie wkoll eliminat.

Is-sing-off bejn Jimmy u l-grupp Beyond qajmet kontroversja fost is-segwaċi ta’ X Factor Malta. Ħafna esprimew l-opinjoni tagħhom fuq il-midja soċjali, dik li skont huma Jimmy ma kellux jiġi eliminat.

L-10 kontestanti finalisti se jkunu qed jipparteċipaw fit-tieni Live Show nhar il-Ħadd it-23 ta’ Jannar, fejn it-tema se tkun dik ta’ Retro.

Dawn huma l-prestazzjonijiet kollha tal-ewwel Live Show ta’ X Factor Malta:

Enable Notifications OK No thanks