“Tkellimx stranġieri, Caroline” (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

“Tkellimx stranġieri, Caroline” (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Caroline bdiet twerżaq. Għamel idejh fuq ħalqha. Ratu jberraq għajnejh lejha, il-kappell li kellu fuq rasu kważi jaqagħlu mal-art bit-taħbit li kienet qiegħda titħabat. Imma kien qed iżommha sew.
Ma kienx se jirnexxilha taħrablu!
Daqqa.
Telaqha.
Xi ħadd kien tah xi daqqa min-naħa ta’ wara ta’ rasu.
Il-mara ta’ fuq ix-xarabank!
Ir-raġel dar iħares lejn ix-xwejħa li kienet qiegħda tħares lejh biċ-ċiera.
“X’int tagħmlilha? Povra tifla?” staqsietu. Kienet għadha kemm tatu daqqa ta’ umbrella fuq rasu.
Ir-raġel twerwer u telaq ‘il bogħod minnhom.
“Kollox sew?” staqsietha x-xwejħa.
“Owkej,” weġbitha t-tifla.
“Ejja għandi, ħalli nċemplu lill-pulizija. Jien noqgħod hawn wara,” qaltilha x-xwejħa. “X’affarijiet dawn!”
Dawru ħarsithom lejn tarf it-triq u raw l-profil tar-raġel tal-kappell jitbiegħed minnhom.
“Grazzi, miss…..” qaltilha t-tifla, hekk kif kienet qiegħda bilqiegħda fuq is-sufan tas-salott tad-dar tax-xwejħa.
Kemm kienet mara twajba! Kienet ċemplet lill-pulizija u issa kienet għadha kemm għamlitilha belgħa te.
Caroline tbissmitilha hekk kif ħarset lejn il-fwar ħiereġ minn ġol-kikkra tat-te li kien hemm fuq mejdina bejniethom.
“Kieku ma kontx inti……”
“Inti għadek żgħira biex toqgħod tiġri waħdek bil-karozza tal-linja,” qaltilha. “Narak ta’ spiss jiena f’tal-linja ġejja u sejra lejn l-iskola.”
“Imma jien m’għandi lil ħadd min jiġi għalija. Nannti issa xiħa ftit.”
Caroline ħassitha tieħu r-ruħ hekk kif bdiet tħares lejn il-wiċċ ġentili tas-sinjura li kienet salvatilha ħajjitha. Dawret ħarsitha lejn il-kamra u ħassitha komda f’din id-dar. Kollox kien sabiħ. Purtieri ffjuriti u rrakkmati, sufani ġodda, tapiti, inkwadri sbieħ……
“Kemm xtaqt kont noqgħod ġo dar sabiħa bħal din,” qaltilha Caroline.
“Ħu t-te għax jiksaħlek!” qaltilha bid-daħqa.
Kien propju dak il-ħin li ħabbat il-bieb.
“Ġie l-pulizija tgħid?” qaltilha l-mara.
Caroline tbissmitilha.
Il-mara qamet bilwieqfa bi ftit tbatija u Caroline semgħetha timxi bilmod lejn il-bieb, tiftħu u titkellem ma’ xi ħadd li kien għadu kemm wasal fil-kamra ta’ maġenbhom.
“Caroline……” għajtitilha x-xwejħa, dak il-ħin. “Isma’……..”
Caroline qamet bilwieqfa minn fuq is-sufan.
Kien eżatt dak il-ħin li ħasset is-suf ta’ jdejha jqum ‘ll fuq u l-kesħa taħkmilha ġisimha kollu.
Din il-mara……..kif kienet taf x’jisimha? Hi ma kinitx qaltilha…….. Ma kinitx qaltilha x’jisimha!
“Ejja Caroline?” reġgħet għajtitilha x-xwejħa.
Caroline ħasset saqajha jogħtru hekk kif fil-bieb ratu. Mhux il-pulizija. Le, mhux il-pulizija kien ġie.
Ir-raġel li kien qed isegwiha ftit ilu daħal ġewwa u għalaq il-bieb warajh.
“Kemm domt ma ġejt……..” gergritlu x-xwejħa minn taħt.
“Intom……?”
“Tkellimx stranġieri, Caroline.” Leħen nannitha beda jidwi madwar il-kamra.
“Għadek trid tieħu t-te,” qaltilha x-xiħa b’leħen trankwill.

“Ilni noħroġ ma’ waħda 3 xhur u għadni m’għidtilhiex li jien trans”

“Ilni noħroġ ma’ waħda 3 xhur u għadni m’għidtilhiex li jien trans”

Li tgħid lill-maħbuba ġdida tiegħek li inti persuna transġeneru għall-ewwel darba tista’ tkun tal-biża’ u ta’ sfida kbira. Wieħed jista’ jibża’ li jiġi miċħud jew diskriminat minn persuna daqshekk importanti għalih. Madanakollu, huwa importanti ħafna li tiftakar li int, bħala individwu trans, għelibt ħafna ostakli sabiex tkun tista’ tesprimi l-ġeneru verament tiegħek. Huwa importanti ħafna għas-saħħa mentali tiegħek li int tkun imdawwar minn nies li jissapportjawk. Iżda hija kruċjali immens li int ikollok l-appoġġ minn dik il-persuna li hemm il-potenzjal li tibni ħajtek magħha.

Kull tip ta’ relazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-fiduċja u r-rispett bejn iż-żewġ partijiet. Jekk wieħed iżomm għalih xi ħaġa kruċjali bħal din għal żmien twil tista’ tkisser il-fiduċja li s-sieħba tiegħek għandha lejk.

Huwa importanti li l-individwu trans jispjega d-differenza bejn l-identità tal-Ġeneru u l-Orjentazzjoni Sesswali. Li tifhem id-differenza bejn dawn it-tnejn tista’ verament tgħin lis-sieħba tiegħek tipproċessa din l-informazzjoni.

Kif wieħed jagħraf il-kunċett tiegħu nnifsu, pereżempju jekk hux ta’ mara, ta’ raġel, ta’ ftit mit-tnejn jew l-ebda, huwa l-identità tal-ġeneru tal-persuna. L-identità tal-ġeneru tal-individwu tista’ tkun l-istess jew differenti mis-sess ġenetiku li wieħed jitwieled bih. Filwaqt li l-orjentazzjoni sesswali tal-individwu hija dak is-sess li wieħed huwa attirat fiżikament lejh.

Għalhekk, jekk individwu jgħaddi mill-proċess ta’ trasformazzjoni tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali tagħhom ma tiġix affettwata u allura jistgħu xorta jkunu attirati lejn l-istess individwi jew lejn l-istess sess. Dan jista’ jkun ta’ serħan il-moħħ għas-sieħba tiegħek.

Ċerti affarjiet li jistgħu jgħinuk:

Ħu nifs fil-fond.

Din mhijiex xi ħaġa faċli iżda xi ħaġa li tista’ tqajjem sentimenti ta’ ansjetà kbira. Wieħed jista’ jkun beżgħan ħafna dwar kif il-persuna l-oħra se tirreaġixxi. Wieħed għandu jieħu nifs il-ġewwa fil-fond u jitkellem mill-qalb. Jekk trid tifforma pedament sod ibbażat fuq il-fiduċja u eventwalment l-imħabba mas-sieħba l-ġdida tiegħek, għandek tibda billi tkun onest magħha u miegħek innifsek. Afda fiha u li fl-aħħar mill-aħħar dak li ġej mill-intenzjonijiet twajba dejjem jirranġa ruħu.

Kun lest twieġeb xi mistoqsijiet.

Jista’ jkun li s-sieħba tiegħek ma tantx tkun taf ħafna dwar il-komunità tal-LGBTQ+, allura probabbilment ikollha xi mistoqsijiet. Huma jkunu qed jistaqsu, mhux biex jippruvaw iċekknuk jew iwaqqgħu l-identità tiegħek iżda għax ikunu jridu jitgħallmu aktar dwar l-esperjenzi tiegħek u jifhmu minn xiex tkun għaddejt. Huwa importanti wkoll li int tinkoraġġixxi lis-sieħba tiegħek biex teduka lilha nnifisha iktar fuq dan is-suġġett.

Kun ċert li għandek nies li jissaportjawk.

Kemm jekk huwa terapista jew xi ħbieb tal-qalb, kun żgur li s-sistema ta’ sapport tiegħek ma tinkludix lit-tfajla tiegħek biss. Tkun kemm tkun ta’ appoġġ it-tfajla tiegħek, ma tistax tgħinek f’kollox. Huwa bżonn li hi wkoll ikollha s-sistema ta’ sapport tagħha.

Studji sabu li meta individwu jistqarr ma’ xi ħadd għall-ewwel darba informazzjoni bħal din tista’ tqajjem sentimenti ta’ xokk u konfużjoni għas-sieħba tiegħu. Ir-riċerka minn Platt u Bolland (2018), sabet xi konsiderazzjonijiet komuni għall-imsieħba ta’ individwu trans. Xi wħud huma, konsiderazzjonijiet b’intimità fiżika, sesswali u emozzjonali, tħassib dwar is-sigurtà, it-tibdil fil-orjentazzjoni sesswali, kif ukoll apprezzament ġdid għall-ispettru tal-ġeneru.

Studji juru li l-imsieħba ta’ individwi trans jerġgħu jikkunsidraw l-identitajiet sesswali tagħhom stess kif ukoll ir-relazzjoni intima tagħhom. Skont ċerti studjużi dan il-proċess jgħidulu ‘co-transitioning’. Dawn il-partners jistgħu jużaw dan il-proċess biex jikbru fir-relazzjoni u jifhmu iktar il-ġeneru tagħhom stess. F’din ir-riċerka jenfasizzaw l-importanza ta’ komunikazzjoni diretta u onesta dwar dawn il-bidliet li jistgħu jseħħu fir-relazzjoni.

Il-komunikazzjoni tista’ ttejjeb il-funzjonament tal-koppja kif ukoll l-esperjenzi sesswali ta’ bejniethom. Komunikazzjoni tajba hija dejjem kruċjali għar-relazzjoni b’saħħitha, anke jekk din għadha fil-bidu.

Biex nikkonkludu, huwa importanti li tiftakar li tibqa’ kalm u li dejjem tesprimi s-sentimenti tiegħek tajjeb mas-sieħba tiegħek. Agħti s-sieħba tiegħek il-ħin li għandha bżonn biex taġġusta u tipproċessa din l-informazzjoni.

Ma jimpurtax kif is-sieħba tiegħek tirreaġixxi għal din l-aħbar iżda ftakar li int bħala individwu trans għelibt bosta ostakli biex tgħix verament kif tħossok l-iktar kuntent. Kun kburi bik innifsek, dawwar lilek innifsek b’nies li jappoġġjawk u afda li fl-aħħar mill-aħħar kollox jitranġa għall-aħjar.

Daqsxejn ta’ Nostalġija ma’ Ronald Saliba

Daqsxejn ta’ Nostalġija ma’ Ronald Saliba

Nitkellmu ma’ Ronald Saliba

Magħruf l-aktar bħala attur, iżda int proprju l-kittieb tas-sensiela Nostalġija li bdiet tixxandar mid-29 ta’ Marzu. Minn fejn u kif ġiet l-ispirazzjoni biex tibda tikteb din is-sensiela?

Kitba għat-televiżjoni kienet ilha ddur ġo moħħi għal ħafna snin. Imbagħad, fl-2019 wasal ż-żmien li kull filgħaxija bdejt nikteb xi ħaġa. Il-karattri kien ilhom snin twal jissawru ġo moħħi. Imbagħad dawn il-karattri kollha sabu ruħhom fl-istorja. Il-ħsieb kien li nagħmel madwar 39 episodju. Imma l-ewwel lestejt 17 biss. Il-ħsieb kien li jekk jintlaqgħu tajjeb, imbagħad, inkompli bl-episodji l-oħra. Ġara mbagħad li ġie l-lockdown ta’ Marzu 2020. U allura ħadt l-okkażjoni u komplejt 18-il episodju oħra.

X’tista’ tgħidilna dwar Nostalġija?

Il-ġrajja sseħħ fi tlett irħula. Ħal-Kbir huwa r-raħal ewlieni fejn iseħħu dawk il-ġrajjiet li jseħħu daż-żmien. Bil-kunflitti bejn il-kappillan, il-każin tal-banda, il-partiti politiċi u n-nies tar-raħal fejn insibu nies twajba u nies anqas twajba. F’Ħal-Waħdu insibu karattri interessanti. Dawn kollha bil-laqam, jitkellmu bl-aċċent, u kliemhom kollu idjomi. F’Ħal-Ħieles, għalkemm qed jgħixu llum, minn jeddhom jixtiequ li jibqgħu jgħixu ħielsa mill-iżvilupp.

Ġieli ktibt produzzjonijiet oħrajn qabel?

Bdejt nikteb ta’ 13-il sena. Novelli għar-Rediffusion. Wara ktibt drammi, kummiedji, fares, thrillers. Imma dejjem għall-palk. U għalkemm tnejn minnhom ġew irranġati għat-televiżjoni, NOSTALĠIJA hija l-ewwel kitba li nibtet u nkitbet għat-televiżjoni.

Kif bdiet il-karriera tiegħek ta’ attur?

Qatt ma kont miġbud li nitla’ fuq il-palk. F’moħħi kelli biss il-kitba. Imma darba kont qiegħed nidderieġi produzzjoni ta’ Carmel Gauċi b’kitba ta’ Ġorġ Peresso bl-isem ta’ L-INFERN JISTA’ JISTENNA. Ġara li min kien qiegħed jagħmel il-parti prinċipali ma setax ikompli (fl-aħħar ġimgħa) u kelli nidħol minfloku jien. Xi ħadd mill-Bonaci Brothers kien qiegħed jara din il-produzzjoni u tħajjar jagħtini parti f’Ipokriti. U minn hemm ma waqaft qatt.

Liema produzzjonijiet tħoss li għenuk l-aktar biex tevolvi bħala attur?

Kollha kemm huma. Meta kont nikteb u nidderieġi, kont nitgħallem il-ħin kollu. Kelli x-xorti li dejjem idderiġejt atturi kbar u ta’ esperjenza. U minnhom kont titgħallem il-ħin kollu.

Liema karattri li interpretajt tħoss li l-aktar ħallew impatt?

L-aktar li ħalla impatt kien il-karattru ta’ Philip f’Ipokriti. Mhux biss għax kien l-ewwel wieħed; imma aktar għax ma kienx ‘straight character’. Kien ‘rounded character’ fejn il-karattru żvolġa fuq ħafna episodji sakemm fl-aħħar spiċċa bniedem mitluq u dipress. Niftakarni nara l-film ‘Rainman’ ta’ Dustin Hoffman. Sigħat sħaħ nifli kull mossa li jagħmel. U tgħallimt ħafna minnu. Imma mbagħad, l-aktar karattru li ħadt gost nagħmel kien il-karattru ta’ Ċensu fid-Dar tas-Soru.

Liema kien l-aktar karattru diffiċli li interpretajt? U għaliex?

Il-parti ta’ Ġesù fil-passjoni tradizzjonali. Ħafna jaħsbu li dan huwa karattru interessanti. Għalija ma kienx. Huwa karattru fejn m’hemm xejn fejn l-attur jista’ jimraħ. Fejn żball żgħir huwa fatali.

Diffiċli ħafna kien il-karattru ta’ Frank Foster fil-farsa ta’ Alan Ayckbourn ‘How the Other Half Loves’. Żewg atti l-ħin kollu fuq il-palk. Traduzzjoni ta’ Frank Tanti għal Maleth. Is-sett maqsum f’żewgt idjar matul il-palk kollu. U trid toqgħod attent li ma tmissx xi biċċa għamara mid-dar l-oħra. Żewg familji jitkellmu fl-istess waqt imma ħadd mhu konxju mill-koppja l-oħra.

Kemm tħoss li sar progress f’dan il-qasam matul is-snin?

Sar progress kbir. Kemm fl-istil u anke fil-forma. Xorta nħoss, iżda, li dan l-aħħar qiegħed ikun hemm wisq produzzjonijiet; ma naħsibx li għandna diretturi, atturi, kitbiet etc.. biex jissodisfaw l-ammont kbir ta’ produzzjonijiet li qiegħdin isiru għat-televiżjoni. Bir-riskju li jitbaxxa l-livell. Fl-istess waqt, sfortunatament, niżel ħafna l-ammont ta’ produzzjonijiet teatrali li huma l-bażi għall-atturi biex wara jkomplu bit-televiżjoni.

Liema memorji ma’ atturi li m’għadhomx magħna huma l-aktar għal qalbek?

Charles Thake, Karmenu Gruppetta u Ġemma Portelli. Ma’ Charles Thake għaddejt snin twal intellgħu xi tlett produzzjonijiet fis-sena fl-Istitut Kattoliku u fit-Teatru Manoel. Ma’ Karmenu Gruppetta kelli x-xorti li naħdem fil-kummiedja ‘Appuntamenti fl-Appartamenti’. Karattru uniku u inimitabbli. Saqajh mal-art u twieled attur. Ma’ Ġemma Portelli għamilt sena niltaqgħu darbtejn fil-ġimgha fil-produzzjoni televiżiva popolari F’Baħar Wieħed.

X’jagħmlek attur tajjeb?

Attur tajjeb irid ikun ‘partikolari’ filwaqt li jibqa’ ‘kredibbli’.

Teatru jew televiżjoni? U għaliex?

Bla dubju ta’ xejn, teatru. L-ewwel nett għax tista’ tiżviluppa l-karattru aktar aħjar għax ix-xeni qiegħdin isiru fi ftit sigħat. U t-tieni għandek l-udjenza miegħek li tagħtik l-enerġija li ma tagħtihilekx it-televiżjoni.

Irrakkuntalna praspura li għamilt relatata mar-reċtar.

Aktar minn praspura aktar ngħidilha traġedja. Konna qiegħdin nagħmlu l-passjoni u jien kont qiegħed nagħmel il-parti ta’ Kristu. Wieħed mill-qassisin il-kbar fettillu jobżoqli bis-serjetà. Kif dħalna fil-kwint, jien qlajt il-labra li kienet qiegħda żżomli l-biċċa li kelli fuq il-malja li kelli taħt biex inniggżu biha. Fi ftit mumenti kelli nerġa’ noħroġ fuq il-palk inġorr is-salib. Erġajt għamilt il-labra imma m’għamilthiex sew. Il-konsegwenza kienet li eżatt f’nofs il-palk din l-imbierka biċċa bdiet nieżla. Xi ħadd beda jgħajjat minn bejn il-kwinti u spiċċajt nagħfas is-salib mal-biċċa biex ma taqax. Mur ara ‘l Kristu sejjer għal kruċifissjoni bil-malja.

‘Il bogħod mill-karriera tiegħek f’dan il-qasam, min hu Ronald Saliba?

Illum pensjonant. Il-mara tiegħi Rita u għandna tifla waħda Sarah. Illum ukoll għandna neputi li jismu Ronald ukoll. B’hekk ħajjtina mimlija sewwa.

Kif tiddeskrivi t-tfulija tiegħek? U liem memorji tgħożż l-aktar?

Sabiħa ħafna. Mid-dar għall-iskola, għall-Museum, nistudjaw u nilagħbu fit-triq mingħajr biża’ li ttajjarna karozza. Ngħożż ħafna il-ħarġiet ma’ tal-Mużew fis-sajf għall-baħar. U aktar tard il-ġimgħat camping ma’ żgħażagħ oħra f’Dar il-Fekruna.

Liema kienu l-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek?

L-isbaħ meta twieldet it-tifla tiegħi Sarah kif ukoll meta ħames snin ilu Sarah welldet lin-neputi Ronald. L-agħar kienet il-mewt ta’ missieri George li kien għalija ħabib qabel missier.

X’jispirak l-aktar?

Kull kelma li nisma’ u kull karattru li nara. Sirt nieqaf naħseb fuq kull ma nisma’ w nara.

Xi tqis li kienu l-kisbiet tiegħek?

Li wasalt fejn u kif ninsab illum. Tant, illi kieku kelli nerġa’ nibda mill-bidu nerġa’ nagħmel kull m’għamilt.

Fejn u kif jirnexxilek issib il-kuntentizza?

Fuq mejda tal-ikel għal xi ikla tajba jew għal xi kafè mal-familja u ħbieb.

X’messaġġ tgħaddi lil dawk li għadhom fil-bidu tal-qasam tar-reċtar?

Fittxu li tibdew mill-palk. U itilgħu fejn u kemm jgħidilkom il-produttur. Mhux dejjem tkun tajjeb jew ħażin daqs kemm taħseb int. Ħalli lil ħaddieħor jara fik il-ħiliet tiegħek.

Enable Notifications OK No thanks