Dak Li Nsejt (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Dak Li Nsejt (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Iżda fl-istess ħin, dak il-ħsieb li kont insejt xi ħaġa warajja l-uffiċju, kien qed jiekolni minn ġewwa.
Qbadt u qomt bilwieqfa, erġajt lebbitt il-kowt miegħi, ġbidt il-basket għal ma’ spallejja u tlaqt inħaffef ‘il barra f’nifs wieħed.
Kelli bilfors immur.
Ridt immur nara.
Ħassejt li kont insejt xi ħaġa importanti.
Ħaffift tul it-triq kollha.
Għaġġilt u ħassejt nifsi kważi jinqata’. Ridt nilħaq il-bini miftuħ qabel ma’ dawk tas-siġurtà kienu jitilqu lejn id-dar.
U wasalt.
Wasalt quddiem il-bini tax-xogħol.
Mingħajr ebda ħsieb ieħor, ġrejt b’kemm kelli saħħa ‘l ġewwa. Dawk iż-żewġt irġiel ta’ qabel kienu għadhom hemm.
Ma ħaristx lejhom. Ġrejt lejn il-lift u tlajt fis-sular lejn l-uffiċju tiegħi.
Ridt insib dak li kont insejt.
Għax ma kontx se nħossni komda qabel ma nkun naf eżatt…………..
U dak il-ħin, eżatt malli wasalt quddiem l-uffiċju tal-ħġieġ tiegħi, ħassejtni ninqata’ mill-art bil-qata’.
Qabditni r-rogħda………….
Indunajt.
Naf x’kont insejt warajja.
Lili nnifsi.
Rajtni hemm, mixħuta mal-art b’għajnejja miftuħin beraħ u ħalqi mbexxaq.
Dak li nsejt warajja kont jien.
Il-flixkun tal-pirmli qawwija kien għadu f’idi, vojt. Kont blajthom kollha, waħda waħda. Ġisem bla ħajja. Ġisem bla ruħ.
Kont qiegħda naħseb fih.
André.
U dak il-ħin indunajt.
Indunajt li l-ħajja hija sabiħa.
U jien kont tlift iċ-ċans li ngħixha.

Il-Papa Franġisku jħassar il-laqgħa mal-Patrijarka Ortodoss Russu

Il-Papa Franġisku jħassar il-laqgħa mal-Patrijarka Ortodoss Russu

Il-Papa Franġisku qal li l-laqgħa tiegħu ppjanata f’Ġunju mal-Patrijarka Ortodoss Russu Kirill ġiet imħassra għax f’dan iż-żmien “tista’ twassal għal ħafna konfużjoni.”

Kirill kien appoġġja l-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna, fejn ix-xahar li għadda allega li l-parati tal-gay pride kienu parti mir-raġuni għall-invażjoni.

Alleat għal żmien twil tal-President Russu Vladimir Putin, Kirill huwa figura reliġjuża ewlenija fir-Russja, fejn ir-reliġjon Ortodossa Russa hija meqjusa bħala parti integrali mill-identità tal-pajjiż.

Meta tkellem mal-gazzetta Arġentina La Nacion, il-Papa Franġisku qal li r-relazzjoni tiegħu ma’ Kirill kienet “tajba ħafna”.

Il-Papa qal li ddispjaċih li l-Vatikan kellu jissospendi t-tieni laqgħa mal-Patrijarka Kirill, li kienet skedata għal Ġunju f’Ġerusalemm iżda qal li l-laqgħa f’dan il-mument tista’ twassal għal ħafna konfużjoni.

Mistoqsi dwar l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna, il-Papa Franġisku wieġeb li lest li jagħmel minn kollox biex iwaqqaf il-gwerra.


Mistoqsi għaliex qatt ma semma pubblikament lir-Russja jew lil Putin, il-Papa qal li Papa qatt ma jitkellem dwar kap ta’ stat, u anqas dwar pajjiż, li huwa superjuri għall-kap ta’ stat.

Il-Papa qal ukoll li l-Vatikan jista’ jkollu rwol fin-negozjati għall-waqfien mill-gwerra.

Id-direttur tal-uffiċċju tal-istampa tal-Vatikan Matteo Bruni qal li l-Papa Franġisku qed inaqqas l-attivitajiet tiegħu minħabba diffikultajiet mediċi. Minħabba wġigħ f’irkopptu tal-lemin, kellu bżonn joqgħod bilqiegħda waqt li kien qed jaqra l-messaġġ tiegħu tal-Għid u jiċċelebra l-quddiesa tal-velja tal-Għid.

Barbie tonora s-70 sena tar-Reġina fit-tmexxija Rjali b’pupa ġdida

Barbie tonora s-70 sena tar-Reġina fit-tmexxija Rjali b’pupa ġdida

F’għeluq is-96 sena, ir-Reġina Eliżabetta II qed tiġi onorata b’pupa ġdida ta’ Barbie bix-xebh tagħha biex timmarka s-70 sena tagħha fit-tmexxija Rjali.

Liebsa libsa ivory b’sash blu u mżejna b’medaljuni żgħar u żigarelli, il-figura għandha wkoll tiara bbażata fuq dik li libset ir-Reġina f’jum it-tieġ tagħha.

Ir-Reġina wirtet it-tron mal-mewt ta’ missierha r-Re Ġorġ VI fis-6 ta’ Frar tal-1952. Hija

Dan jimmarka wkoll l-iktar monarka li għexet għal daqstant snin. Monarki oħrajn li għexu l-iktar kienu r-Reġina Victoria u Ġorġ III, li għexu sa 81 sena, u kienu l-uniċi monarki li waslu sat-80.

Skont ċifri tal-Uffiċċju għall-Istatistika Nazzjonali, ir-Reġina hija waħda minn madwar 124,000 persuna fil-grupp tal-età bejn il-95 u d-99 fir-Renju Unit, kważi tliet kwarti minn dawn huma nisa.

Il-pupa ta’ Barbie se tinbiegħ fil-ħwienet ta’ Londra Harrods, Selfridges u Hamleys qabel iċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali tal-Ġublew tal-Platinum fil-bidu ta’ Ġunju.

“M’iniex nistaħba u ma nibża’ minn ħadd” – Zelenskyy

“M’iniex nistaħba u ma nibża’ minn ħadd” – Zelenskyy

Il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy tella’ filmat tiegħu fl-uffiċċju tiegħu fi Kyiv it-Tnejn filgħaxija, l-ewwel darba li deher hemm minn meta bdiet l-invażjoni fl-24 ta’ Frar.

Ninsab fi Kyiv. Fl-uffiċċju tiegħi. M’iniex nistaħba. U ma nibża’ minn ħadd.”

President tal-Ukrajna

Fid-diskors tiegħu, Zelenskyy qal li huma ma jibżgħux mill-armi u mit-tankijiet tal-gwerra, għaliex jinsabu fuq in-naħa tal-verità.

Huwa qal li jinsab determinat li pajjiżu jirbaħ din il-gwerra u ladarba dan iseħħ, jerġgħu jibnu kollox mill-ġdid u jagħmlu l-bliet li qed jiġu meqruda fl-invażjoni aħjar minn kull belt fir-Russja.

Huwa ta indikazzjoni wkoll li fit-tielet rawnd ta’ taħdidiet li sar ilbieraħ reġa’ ma ntlaħaqx ftehim għaliex filwaqt li qal li jixtieq jgħid li dak kien it-tielet u l-aħħar rawnd, huwa saħaq li se jkomplu jitkellmu u jinsistu biex jintlaħaq il-ftehim mixtieq għall-paċi.

Bukkett Fjuri Ħomor (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Bukkett Fjuri Ħomor (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

“Għidilha li jiena………..jiena jisimni Neil Frendo………u rrid inkellimha urġenti!”
“Jiġifieri inti gdibtli ismek?” qaltlu dik, iżżebbeġ għajnejha aktar minn qabel. “Isma’ sinjur………….” kompliet tgħidlu. “Jew se titlaq ‘il barra, inkella se jkolli nċempel lis-sigurtà għalik!”
U kien baqa’ bil-kurżità…………
Imma issa kien ħasibha b’mod tassew ġenjali!
“Bukkett fjuri ħomor…………” kien qal fuq il-linja tat-telefon ftit qabel. “Fjuri ħomor iridu jkunu!”
“Neil?” staqsih tal-ħanut.
Kien jafu sew. Billi l-ħanut ta’ Cedric tal-fjuri kien biswit l-uffiċċju fejn kien jaħdem, ta’ sikwit kien jgħaddi minn hemm u jgħaddi ħinijiet twal ipaċpaċ miegħu. Kont tista’ ssejħilhom ftit inqas minn ħbieb kbar.
“Jien hu!” qallu Neil, jikxef snienu. Issa jew bin-nervi, jew bl-eċitament jew bis-sodisfazzjon, wieħed ma setax jgħid!
“La trid tibgħatilha bukkett fjuri ħomor, naqdik sieħbi!” wieġbu l-ieħor, idawwar ħarstu madwar il-ħanut u jara x’kien għad fadal. “Indirizz?”
U Neil malajr tah id-dettalji kollha li kellu fuqha.
“Illum stess. Sa siegħa oħra jkunu għandha!” wieġbu.
U issa kien qed iħares ‘il barra mit-tieqa, jaħseb eżatt li l-pjan tiegħu kien se jirnexxi.
Ħaġa waħda biss kienet qiegħda tinkwetah.
Issa jekk Agnes tħalli l-fjuri warajha fl-uffiċċju?
Xengel rasu, għadda jdejh minn ġo xagħru u telaq jiġri jħaffef ‘il barra minn daru, jaqbad iċ-ċwievet tal-karozza u jħaffef kemm seta’.
U ftit ħin wara, kien qiegħed hemm, ipparkjat eżatt faċċata l-bini fejn kienet taħdem is-sinjura Agnes Abela.
Għalkemm kien dam ħafna jfittixha fuq il-midja soċjali, xejn ma kien sab fuqha!
Neil ħares lejn l-arloġġ u nduna li kienu saru l-ħamsa u kwart eżatt! Bdew ħerġin il-ħaddiema minn ġol-bini.
U dak il-ħin, qalbu għamlet tikk!
Mara twila, b’xuxa ħamranija, liebsa libsa pulita kienet għadha kemm ħarġet minn dak il-bini li kien qed jissorvelja, b’bukkett tal-fjuri f’idejha!
Il-fjuri ma kinux ħomor!
Din il-mara kellha bukkett fjuri bojod! Ħassu konfuż!

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Enable Notifications OK No thanks