“Enzo għallimni naħfer…kien speċjali wisq” – Indri Attard

“Enzo għallimni naħfer…kien speċjali wisq” – Indri Attard

Nitkellmu ma’ Indri Attard dwar Enzo Gusman

Indri, għal min ma kienx jafu personali, kif tiddeskrivi lil Enzo?

Enzo kien persuna speċjali ħafna. Min ma jkunx kellmu jista’ jkun li jieħu impressjoni li jrid jgħallem, però li kien perfezzjonist hija veru imma li ssir tafu mill-viċin tibda tifhem kemm it-tali li kien iwassal kellu skop ġenwin.

Kif sirt tafu personali, u kif kienet ir-relazzjoni ta’ bejnietkom?

Sirt nafu għax fl-1994 skoprejtu fuq ir-radju. Ġenninni għal warajh bil-programmi li kien itella’. Ħlift li nsir ħabib tiegħu u kienet faċli. Enzo kien jagħmel ħbieb ma’ kulħadd f’sekonda.

Enzo u l-familja. X’kienet tfisser għalih il-familja?

Enzo kien maqsum min-nofs. Il-maġġorparti taż-żmien jaħdem mid-dlam sad-dlam f’Malta u familtu jgħixu l-Kanada. Wara l-mewt ta’ ommu telaq ħdejn familtu għal kollox. Kien iħobbhom b’mod li ma tispjegahx. Martu Carmen kienet ġojjell għalih. Jitkellem dwarha kontinwament, u uliedu u n-neputijiet għalih kienu n-nifs tiegħu.

X’kont tammira l-aktar f’Enzo?

Enzo kien trasparenti. Kollox mikxuf litteralment. Li jaħseb jgħidu. Però kellu kariżma speċjali u kien kapaċi jikkoreġi żbalji tiegħu stess.

Liema mumenti miegħu l-aktar li tgħożż?

Enzo kien iħobbni daqs li kieku kont ibnu. Ma nistħix ngħid li wara konverżazzjoni fuq it-telefown kien jispiċċa b’I love you. Kont inħobbu ta’ vera u hu kien jaf.

Hemm xi ħaġa li int personali tgħallimt mingħandu?

Tgħallimt inkun xandar li jisma’. Li l-aqwa programm għadni ma ppreżentajtux u li l-lingwa Maltija jixirqilha li tixxandar bl-aħjar mod possibbli. Kultant kont inħossu qed jesaġera u mhux l-ewwel darba li illatikajna.

Hemm xi ħaġa li kien qallek u li baqgħet dejjem f’moħħok?

Impossibbli nsemmi ħaġa waħda. Li hu żgur li nkun f’ħafna sitwazzjonijiet li jġiegħluni niftakar fih.

X’impatt tħoss li għamel f’pajjiżna?

Enzo kien leġġenda. Ħalla impatt qawwi fix-xandir u ħalla impatt qawwi fil-mod kif illum qed napprezzaw iktar il-kantanti Maltin. Enzo kien jeleva ‘l fuq lill-kantanti l-oħra. Jekk tinnota ftit jagħmluha.

Kellek kuntatt miegħu dan l-aħħar?

Iva. Kelli l-privileġġ li nikkomunika permezz ta’ video calls bis-saħħa ta’ martu. Bi prudenza kont inħalli lilhom iċemplu u kif jgħeja jitkellem konna nieqfu. Kont naqsam qalbi u anke bkejna flimkien.

X’tista’ tgħidilna dwar Enzo li forsi ftit nies jafu?

Li għalkemm kien jidher arjuż f’xogħlu kien jibża’ ħafna. Enzo ma kienx konxju tal-popolarità tiegħu u niftakar li fl-2006 waqt li kont qed norganizzalu l-aħħar kunċert tiegħu nipprova nipperswadih li n-nies iriduh. Kien jibża’ li m’għadux jattira n-nies bħal qabel u meta wasal il-waqt kien tani r-raġun. Teatru ippakkjat u kunċert memorabbli. Kien bravu wisq.

Tiftakar xi mument umoristiku li qsamtu flimkien?

Kien iħobb jidħak iżda l-maġġoranza tal-ħin konna nkunu qed nitkellmu dwar affarijiet serji. Hemm ċajt li ma kienx ikun tajjeb għal fuq il-palk u allura kien jibqa’ bejnietna.

X’inhu l-aħħar messaġġ tiegħek dwar Enzo?

Enzo għallimni naħfer. Enzo weġġgħuh nies b’mod gravi fuq livell li bniedem komuni kien jaħsibha ħafna drabi jekk jaħfirx. Enzo kien speċjali wisq, ma rridx nagħtih titli minn issa, inħalli ż-żmien isajru l-bajtar.

Filmat: Jitnieda l-vidjow mużikali tal-kanzunetta ‘Lil Binti’ ta’ Mark Spiteri Lucas

Filmat: Jitnieda l-vidjow mużikali tal-kanzunetta ‘Lil Binti’ ta’ Mark Spiteri Lucas

Ftit tal-ħin ilu fuq il-programm The Entertainers, fuq NET TV, ġie mniedi l-vidjow mużikali tal-kanzunetta Lil Binti ta’ Mark Spiteri Lucas. Kanzunetta li hija ddedikata lil bintu Greta u li pparteċipa biha fil-Festival Mużika Mużika.

skoperta.net tkellem ma’ Mark Spiteri Lucas dwar it-tnedija tal-vidjow kif ukoll dwar l-esperjenza tiegħu b’din il-kanzunetta daqshekk sentimentali għalih, li kiteb u kkompona huwa stess..

Għidilna ftit dwar kif nibtet l-idea li toħloq il-kanzunetta Lil Binti..

Bla ħsieb… Qomt darba fost l-oħrajn filgħodu eżattament qabel ma tlaqt lejn ix-xogħol. Kien qed isir il-ħin biex nitlaq. Imma ppersistejt biex dik l-idea ta’ tliet versi u melodija mexxejja niktibha u nirrekordjaha fuq il-mobile bit-tama li niżviluppaha f’kanzunetta. Hekk għamilt. Bil-mod il-mod bdejt inħażżeż, inżid, innaqqas u l-bqija sa ma twieldet il-kanzunetta LIL BINTI.

Din il-kanzunetta hija miktuba għat-tifla tiegħek Greta. X’kienet ir-reazzjoni tagħha meta semgħetha għall-ewwel darba?

Domt ftit ma semmajthielha. Għaliex jien bniedem li qabel ma nkun mija fil-mija konvint minn biċċa xogħol u tkun finali ma nsemmagħhiex. Imma appena kienet lesta u daqqejtielha fuq il-pjanu u kantajt il-versi magħha, ħadet gost u spiċċat tgħallmitha bl-amment, apparti mill-fatt li kienet ivvintat korjografija għal magħha (Greta tħobb tiżfen ħafna) u kultant żmien kienet titlobni biex indoqqielha!

Minkejja li ma kinitx waħda mill-finalisti, din il-kanzunetta misset il-qlub ta’ ħafna. Sodisfatt bir-rispons li kellek s’issa?

Ħafna sodisfatt bir-rispons. Sintendi diżappuntat bir-riżultat fuq bażi personali. Madankollu l-fatt li rnexxielha tqanqal emozzjonijiet varji fil-qlub ta’ mijiet ta’ nies, għalija kienet xi ħaġa li mlietni b’kuraġġ liema bħalu. Dejjem għidt, anke matul il-ġranet tal-festival, li LIL BINTI ma ktibthiex għalija, imma ktibtha biex issir l-innu tal-imħabba bejn il-ġenituri u l-ulied. L-ulied mal-qalb kif jgħidu.. Nassigurak li f’perjodu qasir ta’ żmien LIL BINTI saret il-kanzunetta tal-poplu.

Xi tfisser għalik din il-kanzunetta u x’fissret għalik li ipparteċipajt f’festival b’kanzunetta daqstant sentimentali?

Din il-kanzunetta tfisser il-ħsus u l-emozzjonijiet tiegħi bħala missier li forsi mhux dejjem, bħal ħafna missirijiet oħra wara kollox, ikolli ċ-ċans li nesprimihom bil-fomm, imma li permezz ta’ dil-kanzunetta rnexxieli norqomhom u llaħħamhom f’kanzunetta li tmiss il-qlub tal-ħafna. Il-fatt li pparteċipajt f’festival ta’ dan il-kalibru b’kanzunetta daqstant sentimentali wriet ukoll li wara kollox kanzunetti sempliċi b’lirika ħierġa mill-qalb kapaċi tintgħoġob ukoll. Mhux bilfors trid kanzunetta-splużjoni biex tqanqal lill-pubbliku.

Ritratt: Darrin Zammit Lupi

Kif ġiet l-idea li jitnieda vidjow mużikali għal din il-kanzunetta?

L-idea tal-vidjow ilha tberren f’moħħi minn qabel ma għaddiet għall-festival. Sintendi l-festival Mużika Mużika u r-rispons tal-pubbliku Malti u Għawdxi għall-kanzunetta kompliet saħħitli dan il-ħsieb. Ridt li din il-kanzunetta jkollha l-element viżwali wkoll. Ridt li binti għada pitgħada, meta tikber u forsi jien u hi ‘’nkunu ‘l bogħod minn xulxin’’ tħares lura u tħossha kburija li xi darba fi tfulitha missierha esprima s-sentimenti tiegħu lejha f’dil-kanzunetta u rnexxielu jbikki, jferraħ, iqanqal demgħa jew tbissima lill-bosta nies. Dak nemmen li huwa l-iskop tal-arti.

X’tgħidilna dwar il-preparamenti u l-produzzjoni ta’ dan il-vidjow? Sibtu xi sfidi partikolari fiċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom?

Sintendi fiċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom tkun naqra limitat x’tista’ tagħmel. Imma b’xi mod irnexxielna. Ħdimna vidjo personali ħafna u sempliċi ħafna, żewġ ingredjenti li huma l-qofol tal-kanzunetta Lil Binti. Ridt ukoll nitbiegħed mill-idea ta’ Mark Spiteri Lucas idoqq il-pjanu. In-nies jafuni hekk le?! U l-istess ħsieb wettaqtu, u jkolli ngħid li niżel tajjeb man-nies, waqt il-festival. Nixtieq nirringrazzja fost l-oħrajn lil Marlon Polidano li pproduċa l-vidjo u li flimkien ma’ Ludwig Galea kienu responsabbli għad-direzzjoni artistika tiegħu.

Liem xena mill-vidjow hija l-aktar għal qalbek?

Ma tantx irrid niżvela ħalli l-qarrejja ta’ Skoperta jsegwu l-vidjow.. Imma għoġbitni l-idea li fil-vidjow ħallatna filmati ta’ meta t-tifla kienet għadha iżgħar ħafna. Jogħġobni wkoll it-tmiem tal-vidjow… Arawh u tkunu tafu…

X’messaġġ tixtieq li jasal għand kull min jisma’ Lil Binti?

Mhux ħa nirrepeti b’daqshekk. Il-messaġġ huwa wieħed ċar. Prattikament kien u għadu l-motto tiegħi f’dan il-vjaġġ imsejjaħ LIL BINTI. Din il-biċċa xogħol ma ħloqthiex għalija waħdi, biex noqgħod nitpaxxa biha jien. Kitbtha biex kull min għandu għal qalbu lil uliedu jista’ jidentika ruħu magħħa. Ktibtha biex anke min m’għandux ulied jew għad irid ikollu, jerġa’ jixxennaq għall-imħabba u l-fsied li rċieva darba.

X’messaġġ tgħaddi lill-pubbliku Malti u Għawdxi?

Komplu kkunsmaw il-kanzunetta Maltija bi lsienna għax tirrifletti r-ruħ Maltija bil-ħsus u l- emozzjonijiet magħġuna magħha. Apparti minn hekk, ibqgħu segwu dak kollu li ħa jkun qiegħed naħdem fuqu billi tfittxu Mark Spiteri Lucas fuq il-midja soċjali.

Enable Notifications OK No thanks