Select Page
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Pfizer jgħid li l-vaċċin kontra l-Omicron se jkun lest f’Marzu

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Pfizer jgħid li l-vaċċin kontra l-Omicron se jkun lest f’Marzu

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Pfizer Albert Bourla qal li l-vaċċin kontra l-varjant Omicron se jkun lest f’Marzu, u l-kumpanija diġà bdiet timmanifattura d-dożi.

Bourla qal li l-vaċċin se jimmira wkoll lejn il-varjanti l-oħra li qed jiċċirkolaw. Qal li għadu mhux ċar jekk hemmx bżonn vaċċin kontra l-Omicron jew le, jew kif se jintuża, iżda Pfizer se jkollha xi dożi lesti peress li xi pajjiżi jriduha lesta kemm jista’ jkun malajr.

Żied jgħid li t-tama hija li dan il-vaċċin ikun jista’ joffri protezzjoni aħjar, partikolarment kontra l-infezzjonijiet għaliex il-protezzjoni kontra l-isptarijiet u l-mard sever hija waħda raġonevoli bħalissa, bil-vaċċini attwali sakemm wieħed jieħu wkoll it-tielet doża.

Il-WHO tgħid li fix-xahrejn li ġejjin aktar minn nofs l-Ewropej se jkunu infettati bl-Omicron

Il-WHO tgħid li fix-xahrejn li ġejjin aktar minn nofs l-Ewropej se jkunu infettati bl-Omicron

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qed tbassar li aktar minn nofs in-nies fl-Ewropa se jkunu infettati bil-varjant Omicron fix-xahrejn li ġejjin jekk l-infezzjonijiet ikomplu bir-rata attwali.

Waqt konferenza stampa, id-direttur reġjonali Hans Kluge wissa li l-varjant Omicron qed jirrappreżenta mewġa oħra mill-punent għal-lvant madwar ir-reġjun Ewropew.

Huwa qal li b’din ir-rata, qed jiġi mbassar li aktar minn 50 fil-mija tal-popolazzjoni fir-reġjun se tkun infettata bl-Omicron fis-6 sa 8 ġimgħat li ġejjin.

Ir-reġjun Ewropew tal-WHO jinkludi 53 pajjiż u territorju inklużi diversi fl-Asja Ċentrali. Kluge qal li 50 minnhom irrappurtaw każijiet tal-varjant Omicron.

Skont il-WHO, 26 minn dawk il-pajjiżi irrappurtaw li aktar minn wieħed fil-mija tal-popolazzjoni tagħhom kienu qed jirriżultaw pożittivi għall-Covid-19 kull ġimgħa, u li aktar minn seba’ miljun każ ġdid ġew irrappurtati fl-ewwel ġimgħa tal-2022 fir-reġjun.

B’referenza għad-dejta miġbura matul l-aħħar ftit ġimgħat, Kluge qal li l-varjant ġie kkonfermat li huwa aktar trażmissibbli u l-mutazzjonijiet li għandu jippermettulu jaderixxi maċ-ċelloli umani b’mod aktar faċli, u jista’ jinfettaw anke lil dawk li jkunu ġew infettati jew imlaqqma qabel.

Madankollu, Kluge saħaq ukoll li l-vaċċini approvati jkomplu jipprovdu protezzjoni tajba kontra mard sever u mewt, inkluż għall-Omicron.

Minkejja rapporti ta’ numru kbir ta’ każijiet mingħajr sintomi u proporzjon aktar baxx ta’ dħul fl-isptarijiet għal każijiet tal-Omicron, il-WHO qalet li għadu kmieni wisq biex il-virus jitqies bħala wieħed endemiku, jiġifieri virus ħafif li jaqbdek regolarment bħall-influwenza.

“Ma nistgħux inlaqqmu lil kulħadd fid-dinja kull 6 xhur” – Xjenzat tal-vaċċini ta’ Oxford

“Ma nistgħux inlaqqmu lil kulħadd fid-dinja kull 6 xhur” – Xjenzat tal-vaċċini ta’ Oxford

Espert ewlieni li għen biex jinħoloq il-vaċċin Oxford-AstraZeneca qal li l-għoti tal-booster lil kulħadd fid-dinja diversi drabi fis-sena mhuwiex fattibbli.

Il-Professur Andrew Pollard, id-direttur tal-Oxford Vaccine Group u kap tal-kumitat tar-Renju Uniti dwar it-tilqim u l-immunizzazzjoni, qal li mhuwiex sostenibbli jew affordabbli li jitlaqqam kulħadd fid-dinja kull 4 sa 6 xhur.

Pollard enfasizza wkoll il-ħtieġa li wieħed jimmira lejn dawk vulnerabbli aktar milli jamministra dożi lil kulħadd minn 12-il sena ‘l fuq.

Żied jgħid li huwa meħtieġ aktar studju biex jiġi aċċertat jekk, meta u kemm-il darba dawk li huma vulnerabbli se jkollhom bżonn dożi addizzjonali.

Huwa qal ukoll li jaħseb li hemm bżonn ta’ aktar evidenza qabel ma tiġi offruta t-tieni doża tal-booster lill-pubbliku ġenerali fir-Renju Uniti, li bħalissa qed jingħata l-ewwel doża tal-booster.

L-Awstrija tippjana li timmulta lil dawk li jirrifjutaw li jitlaqqmu sa €3,600 kull 3 xhur

L-Awstrija tippjana li timmulta lil dawk li jirrifjutaw li jitlaqqmu sa €3,600 kull 3 xhur

Il-Gvern tal-Awstrija mmexxi mill-konservattivi ta dettalji dwar il-pjan tiegħu li jagħmel il-vaċċini tal-Covid-19 obbligatorji. Dan se japplika għal nies minn 14-il sena ‘l fuq u dawk li jirrifjutaw milli jitlaqqmu jeħlu multi li jitilgħu sa 3,600 ewro kull tliet xhur.

Madwar 68 fil-mija tal-popolazzjoni tal-Awstrija hija kompletament imlaqqma kontra l-Covid-19, waħda mill-inqas rati fl-Ewropa tal-Punent. Ħafna Awstrijaċi huma xettiċi dwar il-vaċċini, opinjoni mħeġġa mill-Partit tal-Ħelsien tal-lemin estrem, it-tielet l-akbar partit fil-parlament.

Hekk kif kien hemm żieda kbira fl-infezzjonijiet tliet ġimgħat ilu, il-gvern ħabbar ir-raba’ lockdown nazzjonali u qal li se jagħmel it-tilqim obbligatorju għal kulħadd, l-ewwel pajjiż tal-Unjoni Ewropea li jagħmel dan.

Il-mandat tal-vaċċin, li jrid jiġi approvat mill-parlament, għandu jibda fi Frar u jdum sa Jannar tal-2024. Żewġ partiti tal-oppożizzjoni jappoġġjawh, u dan jindika li l-mandat għandu jgħaddi faċilment.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea tappella għal diskussjoni dwar tilqim obbligatorju

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea tappella għal diskussjoni dwar tilqim obbligatorju

Fi Brussell, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen qalet li tħoss li huwa l-waqt li l-Unjoni Ewropea tiddiskuti kif tista’ tinkoraġġixxi u potenzjalment taħseb dwar tilqim obbligatorju, għalkemm l-istati membri individwali biss jistgħu jagħmlu l-vaċċin obbligatorju.

L-Awstrija diġà qalet li se tagħmel il-vaċċini tal-Covid-19 obbligatorji fi Frar li ġej, il-Ġermanja qed taħseb biex tagħmel l-istess u l-Greċja qalet li se tagħmel il-vaċċin obbligatorju għal persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena.

Filwaqt li jistgħu jgħaddu ġimgħat biex ix-xjentisti jifhmu eżatt kemm l-Omicron huwa infettiv u reżistenti għat-tilqim attwali, ħafna pajjiżi għadhom jemmnu li l-vaċċin attwali huwa l-aħjar arma kontra l-pandemija u qed ikomplu għaddejjin bil-proċess tat-tilqim.

Mill-Erbgħa, kull adult fl-Italja sar eliġibbli għall-booster tal-Covid, li qabel kien qed jingħata biss lil dawk li għandhom aktar minn 40 sena.

Pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea, l-Ingilterra u n-Norveġja kienu diġà wiegħdu l-booster lill-adulti kollha qabel l-aħħar ta’ Jannar u l-Għid rispettivament.

Enable Notifications OK No thanks