Id-dramm Kull Ġieħ u Glorja lura fuq il-palk wara 22 sena!

Id-dramm Kull Ġieħ u Glorja lura fuq il-palk wara 22 sena!

L-istorja ta’ Kull Ġieħ u Glorja sseħħ f’żewġ lokalitajiet u f’żewġ żminijiet differenti. Il-personaġġi ta’ din l-istorja huma kollha fil-qasam reliġjuż – is-sorijiet tal-klawsura li ħajjithom iddur ma’ dak li kif jgħidu huma stess “dak li jipposjedi lil qlubna” u t-tmexxija ekkleżjastika tal-affarijiet straordinarji tal-Vatikan.

Malta: F’kunvent tas-sorijiet tal-klawsura, tal-Ulied Foqra tal-Qalb ta’ Marija fil-bidu tas-snin sebgħin. F’dan il-kjostru enormi li jesa’ ‘il fuq minn mitejn soru, issa baqa’ biss tlett sorijiet. Madre Marija Liliana, Swor Maria Anna u Swor Maria Lorenzina, t-tlieta mdaħlin fiż-żmien. Ħajjithom issa kienet saret diffiċli, bejn in-nuqqas ta’ saħħa u bejn li n-nuqqas ta’ sorijiet, quddiemhom tfaċċaw ħafna problemi li ma’ setgħux jiġu evitati. Madanakollu, id-Djoċesi Maltija ta’ dak iż-żmien ma’ setgħetx tħalli dan il-kjostru miftuħ, għalhekk kien intbgħat, Dun Giovanni Zammit biex jgħarraf lill-Madre dwar id-deċiżjoni li ttieħdet. Deċiżjoni li ma’ kinitx riversibli .. dik li jingħalaq għal kollox dan il-kjostru. Swor Marija Liljana ppruvat minn kollox biex iddawwar din id-deċiżjoni, iżda l-perseveranza ta’ Dun Giovanni Zammit, saċerdot żagħżugħ b’ambizzjonijiet kbar, ma ta l-ebda tama lill-Madre biex din il-klawsura tibqa’ miftuħa.

Ruma: Il-Vatikan. Tletin sena wara, fl-uffiċju tal-Kardinal Rubini, fil-Vatikan kien hemm stennija għall-Arċisqof Malti Dun Giovanni Zammit li ngħata l-parir li jmur Ruma, wara li bagħat fax, fuq każ ta’ mirakli, li kienu qed isiru bl-interċessjoni ta’ soru midfuna fil-klawsura tal-Ulied Foqra tal-Qalb ta’ Marija. Il-mezzi tal-komunikazzjoni kienet qed taffettwa d-Djoċesi u l-poplu beda jinġabar madwar il-monasteru fejn kienet midfuna din is-soru. Waqt li jkun qiegħed jirrankonta l-istorja ta’ din il-Madre nindunaw, li kien propju hu, l-Monsinjur Giovanni Zammit li kien ta l-ordni li jagħlaq dan il-monasteru.

Minn dak il-jum, li fih iż-żagħżugħ Giovanni Zammit ta l-aħbar lill-Madre Liljana fuq l-għeluq tal-kjostu, il-ħsieb tagħha kien biss biex tibqa’ hemm ġew sal-aħħar nifs ta’ ħajjithom, hekk kif kienu wegħdu meta daħlu fih tant snin qabel. Issa li kien l-Arċisqof ta’ Malta, Giovanni Zammit, sab ruħu quddiem il-Kardinal Paolo Rubini, il-Kap tas-Segretarjat tal-Affarijiet Ekkleżjastiċi Straordinarji tal-Vatikan, fejn kellu jirrakkonta dak il-jum li mar lura fil-kjostru jkellem lill-Madre, u quddiemu ra dak li kellu jtaqqallu qalbu għal aktar minn tletin sena sħaħ.

Kull Ġieħ u Glorja huwa dramm fuq kitba ta’ Joseph Vella Bondin u fuq direzzjoni ta’ Tanya Agius Borg. Fl-1999, dan id-dramm rebaħ l-ewwel premju fir-IV Edizzjoni Konkors Kitba għall-Palk Francis Ebejer organizzat mid-Dipartiment tal-Kultura fil-Ministeru tal-Edukazzjoni ta’ Malta u nħadem l-ewwel darba fit-Teatru Manoel fit-13 ta’ Ottubru tal-2000.

F’Novembru li ġej, tnejn u għoxrin sena wara, dan id-dramm se jerġa jittella’, din id-darba fit-Teatru Metanoia f’Ħal Luqa, magħruf ukoll ta’ Skene, nhar is-Sibt, il-5 ta’ Novembru fis-19:30 u l-Ħadd, is-6 ta’ Novembru fil-17:30.

Jieħdu sehem f’dan il-kapolavur teatrali l-atturi Rita Camilleri, Shawn Ciantar, Silvio Axisa, John Suda, Ryan Mark DeBattista, Maria Spiteri u Marie-Clare Sammut, fuq produzzjoni ta’ SEVEN8 Creative Troupe. Dan id-dramm se jsir b’risq ALSMalta. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jċempel fuq 99406792 jew 99096677.

Il-Papa jaħtar għall-ewwel darba tliet nisa fid-Dikasteru għall-Isqfijiet

Il-Papa jaħtar għall-ewwel darba tliet nisa fid-Dikasteru għall-Isqfijiet

Il-Papa Franġisku nhar l-Erbgħa ħatar 14-il membru, fosthom il-Kardinal Mario Grech u għall-ewwel darba, tliet nisa, biex iservu bħala membri fid-Dikasteru għall-Isqfijiet, uffiċċju fil-Vatikan li jeżamina n-nominazzjonijiet tal-isqfijiet. Dan jindika pass ieħor biex in-nisa jkollhom leħen fit-tmexxija tal-Knisja Kattolika.

Id-Dikasteru għall-Isqfijiet jissorvelja l-ħidma tal-biċċa l-kbira tal-5,300 isqof tal-knisja, li jmexxu djoċesijiet madwar id-dinja. Il-membri tad-dikasteru, li jinkludu kardinali, isqfijiet u issa nisa, jiltaqgħu perjodikament biex jevalwaw isqfijiet ġodda proposti li isimhom jintbagħtu mill-ambaxxaturi tal-Vatikan. L-ambaxxaturi normalment joħorġu bi tliet kandidati wara li jikkonsultaw mal-membri tal-knisja lokali.

Id-deċiżjoni finali xorta tittieħed mill-Papa iżda ż-żieda tan-nisa fil-proċess ta’ konsultazzjoni hija sinifikanti u tweġiba għal sejħiet biex titkisser il-ġerarkija klerikali kollha maskili tas-Santa Sede u titlob li n-nisa jkollhom sehem akbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-knisja.

Il-membri l-ġodda huma Sor Raffaella Petrini, li diġà għandha kariga għolja fil-Vatikan bħala s-Segretarju Ġenerali tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan, li tmexxi l-Mużewijiet tal-Vatikan u partijiet amministrattivi oħra tat-territorju.

Inħatret ukoll Sor Yvonne Reungoat, eks-superjura ġenerali ta’ Daughters of Mary the Helper, ordni reliġjuża magħrufa wkoll bħala s-Sorijiet Sależjani; kif ukoll lajka, Maria Lia Zervino, president ta’ grupp ta’ nisa Kattoliċi, l-Unjoni Dinjija tal-Organizzazzjonijiet Kattoliċi tan-Nisa.

Id-duttrina tal-Knisja tirriżerva s-saċerdozju għall-irġiel, peress li l-appostli ta’ Kristu kienu rġiel. In-nisa sikwit jilmentaw li għandhom status tat-tieni klassi fil-knisja, minkejja li jagħmlu l-akbar sehem mill-ħidma tagħha; imexxu skejjel, sptarijiet u jgħaddu l-fidi minn ġenerazzjoni għal oħra.

Il-Papa Franġisku jidher juża siġġu tar-roti għall-ewwel darba

Il-Papa Franġisku jidher juża siġġu tar-roti għall-ewwel darba

Fl-aħħar sigħat, il-Papa Franġisku deher juża siġġu tar-roti, l-ewwel darba li uża wieħed fil-pubbliku minħabba l-uġigħ fl-irkoppa li jagħmilha diffiċli ħafna għalih biex jimxi u joqgħod bilwieqfa.

Il-Papa Franġisku ta’ 85 sena, ittella’ bir-roti fuq il-palk u ġie mgħejjun biex ipoġġi fuq siġġu waqt udjenza ma’ grupp ta’ sorijiet u superjuri reliġjużi minn madwar id-dinja fil-Vatikan.

Huwa kien qed isofri uġigħ fl-irkoppa li jidher li ġie kkawżat minn flare-up ta’ xjatika, kundizzjoni tan-nervituri li tikkawża uġigħ f’saqajh.

Il-Papa kellu jħassar jew jaqta’ fil-qasir attivitajiet diversi drabi fl-aħħar xahar minħabba uġigħ f’irkopptu tal-lemin.

Huwa kien deher juża siġġu tar-roti f’Lulju li għadda wara operazzjoni serja fl-imsaren, iżda huwa maħsub li din hija l-ewwel darba li uża wieħed fil-pubbliku minħabba l-problemi ta’ mobilità tiegħu.

Qabel l-attività tal-Ħamis, huwa seta’ jimxi bejn wieħed u ieħor madwar 10 metri, mid-daħla tal-ġenb tal-palk sas-siġġu tiegħu b’xi għajnuna.

Dan l-aħħar ħa xi injezzjonijiet biex jipprova jtaffi l-uġigħ iżda xorta waħda baqa’ jiffaċċja diffikultà biex jimxi.

Id-diffikultà fil-movimenti tiegħu kien jidher matul l-Għid meta attenda iżda ma ħax ħsieb il-quddies fil-Bażilika ta’ San Pietru, minflok iddelega kardinal jew arċisqof biex jippresiedi.

Waqt iż-żjara tiegħu f’Malta, f’April li għadda huwa uża lift biex jitla’ u jinżel mill-ajruplan.

Il-Papa Franġisku jħassar il-laqgħa mal-Patrijarka Ortodoss Russu

Il-Papa Franġisku jħassar il-laqgħa mal-Patrijarka Ortodoss Russu

Il-Papa Franġisku qal li l-laqgħa tiegħu ppjanata f’Ġunju mal-Patrijarka Ortodoss Russu Kirill ġiet imħassra għax f’dan iż-żmien “tista’ twassal għal ħafna konfużjoni.”

Kirill kien appoġġja l-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna, fejn ix-xahar li għadda allega li l-parati tal-gay pride kienu parti mir-raġuni għall-invażjoni.

Alleat għal żmien twil tal-President Russu Vladimir Putin, Kirill huwa figura reliġjuża ewlenija fir-Russja, fejn ir-reliġjon Ortodossa Russa hija meqjusa bħala parti integrali mill-identità tal-pajjiż.

Meta tkellem mal-gazzetta Arġentina La Nacion, il-Papa Franġisku qal li r-relazzjoni tiegħu ma’ Kirill kienet “tajba ħafna”.

Il-Papa qal li ddispjaċih li l-Vatikan kellu jissospendi t-tieni laqgħa mal-Patrijarka Kirill, li kienet skedata għal Ġunju f’Ġerusalemm iżda qal li l-laqgħa f’dan il-mument tista’ twassal għal ħafna konfużjoni.

Mistoqsi dwar l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna, il-Papa Franġisku wieġeb li lest li jagħmel minn kollox biex iwaqqaf il-gwerra.


Mistoqsi għaliex qatt ma semma pubblikament lir-Russja jew lil Putin, il-Papa qal li Papa qatt ma jitkellem dwar kap ta’ stat, u anqas dwar pajjiż, li huwa superjuri għall-kap ta’ stat.

Il-Papa qal ukoll li l-Vatikan jista’ jkollu rwol fin-negozjati għall-waqfien mill-gwerra.

Id-direttur tal-uffiċċju tal-istampa tal-Vatikan Matteo Bruni qal li l-Papa Franġisku qed inaqqas l-attivitajiet tiegħu minħabba diffikultajiet mediċi. Minħabba wġigħ f’irkopptu tal-lemin, kellu bżonn joqgħod bilqiegħda waqt li kien qed jaqra l-messaġġ tiegħu tal-Għid u jiċċelebra l-quddiesa tal-velja tal-Għid.

Enable Notifications OK No thanks