“Sa ma niltaqgħu miegħek fil-ġenna, qalbna maqsuma se tibqa’ tistenna” – Stefania ssellem lil oħtha Mariel

“Sa ma niltaqgħu miegħek fil-ġenna, qalbna maqsuma se tibqa’ tistenna” – Stefania ssellem lil oħtha Mariel

L-attriċi Stefania Attard Vella ssellem lil oħtha Mariel Galea Vella f’għeluq is-sentejn u sitt xhur minn mindu ħalliet din id-dinja, permezz ta’ poeżija emozzjonali li tirrifletti l-uġigħ li ġġib magħha l-firda u l-imħabba bla limitu, li flimkien mal-memorji, jgħaddu kemm jgħaddu snin, jibqgħu għal dejjem.

Għażiża oħti llum ġa sentejn u sitt xhur
Kemm hu kiefer għalina dan id-dulur
ma għadekx magħna ħallejtna għallarrieda
kiefra wisq din il-firda qerrieda

Jgħaddi kemm jgħaddi hemm jibqa’ l-uġigħ
b’qalbna mnikkta, vojt kbir, min jista’ jimlieh
u mhux veru li jtaffi ż-żmien
nerġgħu ngħixu l-mument kuljum, kullimkien

Kemm insemmuk f’kull ħaġa li nagħmlu
niftakru, nitbissmu u spiss anke nibku
kemm hu iebes għażiża li ngħixu mingħajrek
meta ħlief ġid ma rajniex mingħandek

Karattru bħal tiegħek dejjem tferraħ in-nies
kif stajna qatt aħna ma nħobbukx bla qies
ċerti li fil-ġenna qed tagħmel l-istess
tferraħ u tnissel tbissima, f’kulħadd turi interess

Kemm nixtieq li għal darba, nreġġa lura ż-żmien
u imqar tgħanniqa oħra ntik bla tmiem
inbusek u ngħidlek li nħobbok immens
kif dejjem kont nagħmel fil-veru sens

B’fidi kbira nemmen li tkun magħna kuljum
inkellmek u nitolbok tieħu ħsiebna mal-jum
Tħallina qatt għażiża tagħna
ibqa’ ħu ħsiebna u ibqa’ magħna
sa ma niltaqgħu miegħek fil-ġenna
qalbna maqsuma se tibqa tistenna.
Inħobbuk għal dejjem Sis x x
x x

Insellmulek Mariel!

Kif u x’nagħmel biex inkun ferħana? – Lynn Aquilina

Kif u x’nagħmel biex inkun ferħana? – Lynn Aquilina

Kont qed inħares lejn ommi tqaxxar basla, u ġietni l-idea li nqabbel il-basla mal-ferħ. Bħalma l-basla fiha ħafna saffi biex tqaxxarha u ma’ kull saff nibku xi ftit, hekk ukoll il-ferħ fih is-saffi tiegħu u qatt ma nistgħu nneħħu s-saffi kollha biex inħaffu u nsibu l-ferħ mill-ewwel, għax dan hu proċess li jdum tul ħajjitna kollha.

Ħafna jagħżlu li ma jqaxxruhiex il-basla għax jiddejqu joqogħdu jibku, iżda mbagħad it-togħma tagħha jħobbuha. Forsi, mhux mal-ewwel saff tat-tfulija, imma aktar kemm inqaxxar saffi fil-ferħ, aktar qed insib u naffaċċja element ta’ tbatija fihom. L-akbar tentazzjoni li dejjem titurmentani hi biex ma nkomplix inqaxxar dawn is-saffi ħalli t-tbatija tieqaf. Imma mbagħad insib lili nnifsi f’salib it-toroq, għax vera t-tbatija tieqaf, imma mbagħad nibqa’ ma niskopri qatt x’ inhu l-ferħ vera. L-istess bħal min jagħżel li ma jqaxxarx il-basla, ma jistax ikun jaf x’togħma fiha.

Kull bniedem jaspira, jaħdem u jistinka ħafna biex ikun ferħan f’ħajtu. Iqatta’ parti sostanzjali minn ħajtu jfittex x’jagħmlu kuntent. Ħafna drabi t-tfittxija tiegħu għall-ferħ tieħdu f’toroq u postijiet l-aktar imbegħda minnu nnifsu, bil-konsegwenza li jispiċċa b’vojt kbir, li jitfgħu f’baħar ta’ deżolazzjoni u ansjetà qawwija.

Din it-triq ta’ baħħ assolut jien kont bdejt nimxiha, konvinta li xi mkien fil-qrib kont ħa nsib il-ferħ. Ironikament, aktar kemm bdejt nimxi, dan il-vojt fija aktar beda jikber u jikber ġewwa fija. Bdejt nitlef il-fiduċja fija nnifsi u kuljum inħobb ftit inqas. Sakemm ġejt fi stat fejn għidt, ma jistax ikun nibqa’ sejra hekk, bla entużjażmu ta’ xejn lejn il-ħajja.

Ħassejtni bħal dawk li jridu jieklu l-basla għax iħobbuha, imma ma jridux u ma sabux min iqaxxarilhom. B’xi mod jew ieħor ikollhom isibu mezz kif iqaxxruha huma, inkella jibqgħu ma jikluhiex! U anke jien iddeċidejt li nibda nqaxxar dil-basla tal-ferħ, vera li aktar kemm bdejt inneħħi saffi aktar bdejt nibki u kont ħa nerġa’ nieqaf l-aħħar!

Imma, fl-istess ħin ma’ kull saff tal-ferħ bdiet tiġi skolpita mill-ġdid il-persuna tiegħi nnifsi. Persuna pożittiva u libera, li bdiet tikteb l-uġigħ tagħha u kulma tgħaddi minnu u taqsmu mal-oħrajn. Jien stess bdejt niskanta, kif dan kollu beda jħalli effett f’ħajti u f’ħajjet l-oħrajn.

Nista’ ngħid li meta ħriġt minni nnifsi u qaxxart is-saff tal-egoiżmu sibt il-ferħ. L-aqwa arma għall-ferħ vera mhux li nkun kuntenta jien biss, imma li ngħin lill-oħrajn iqaxxru l-basla tal-ferħ ukoll.

Il-Valz ta’ Mia (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Il-Valz ta’ Mia (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Il-ħoss tax-xita nieżla minn barra kamarti kienet twennisni. Kont inħoss li kien hemm xi ħaġa li kienet tgħaqqadna.
Lili.
U lilek.
Għalfejn ma kontx bħall-bniet l-oħra tal-iskola li kienu fil-klassi tiegħi? Kull sena, meta konna ntellgħu reċta flimkien, bl-għajnuna tal-għalliema tagħna, kont narahom kollha ferħana. Kont narahom kif kienu jħarsu lejn uliedhom. Kienu jkunu kburin bihom. U int ma kontx tkun hemm.
Int qatt ma kont tkun hemm.
Naf. Naf li kien ikun hemm ommi. Lilha kont naraha titbissem. Kont naraha tifraħ xħin kienet tarani u xxejjirli ħalli turini li kienet tkun hemm.
Hi biss.
Waħedha.
“Mia, il-papà ma jistax jiġi. Taf……..” kienet tgħidli. “Taf li l-papà tiegħek qiegħed jiġġieled fil-gwerra. Imma toqgħodx imdejqa. Daqt tispiċċa l-gwerra……….u tara, tara kif ma jdumx ma jiġi lura!”
Kien ilu snin li telaq. Kont inħoss nuqqas kbir tiegħu. Darbtejn fis-sena biss kien jiġi jarana. F’għeluq snini u fil-ġurnata tal-Milied. Ma tantx kont ingawdih. Kien jiġi, jgħaddi jumejn magħna u jerġa’ jitlaq lura.
U kull darba………
Kull darba kien iħalli vojt kbir.
Vojt kbir warajh. Akbar minn ta’ qabel.
F’kamarti kelli kalendarju mdendel ma’ granpun tal-ħadid, nofsu mdaħħal fil-ħajt, f’kamra kważi vojta. Kont nimmarka l-ġranet kuljum. U dawk il-jumejn speċjali………..dawk kienu jkunu mdawrin bi ċrieki ħomor. Dawk il-ġranet li kien ikun ġej hu.
Missieri.
“Mamà, xahar ieħor il-Milied,” kont għidt lil ommi xi ġranet ilu.
U hi kienet ħarset lejja b’għajnejha jleqqu. Anke hi kienet tħoss in-nuqqas. Imma ma tantx kienet turi. Kont nismagħha tibki waħedha fis-sodda. Kont nismagħha tqalleb fir-ritratti u naqbadha timsaħ id-dmugħ minn fuq ħaddejha.
“Mia……” kien qalli meta kien ġie s-sena ta’ qabel, f’għeluq is-sitt snin tiegħi. Kien xtrali ħafna ġugarelli u għannaqni miegħu. Dejjem kien iġibli xi ħaġa miegħu. “Ejja, ħalli ngħallmek tiżfen il-valz.”
“Il-valz x’inhu?” kont staqsejtu jiena b’għajnejja kbar, kbar, hekk kif bdejt ngħaffeġ id-drapp tal-libsa li kelli fuqi. Kont qed inħossni skomda. Għax jiena ma kontx naf niżfen. U ma ridtx naqta’ brutta figura quddiem missieri!
Dawwart ħarsti lejn il-kejk li kien għad hemm fuq il-mejda, bix-xemgħat mitfijin, nofsu mikul u n-nofs l-ieħor lest għal ġol-friġġ. Ma kienx żmien il-ħela. Kont naf li ommi kienet marret għand Duminku l-furnar sabiex tagħmlu hi stess b’idejha.
“Żifna. Żifna waħda. Ejja ħalli niżfnu jiena u inti,” kien qalli b’dak il-leħen sod, li kien jagħtini sensazzjoni ta’ paċi u mħabba.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

“Jeħtieġ li aktar persuni b’diżabilità jitkellmu dwar il-bżonnijiet tal-intimità u s-sesswalità” – Lynn Aquilina

“Jeħtieġ li aktar persuni b’diżabilità jitkellmu dwar il-bżonnijiet tal-intimità u s-sesswalità” – Lynn Aquilina

Nitkellmu ma’ Lynn Aquilina

Lynn, għidilna ftit dwarek. Min hi Lynn Aquilina?

Mela Lynn hi mara ta’ 31 sena li tħobb il-ħajja u tħobb tgħix. Jien persuna sensittiva, nisma’ u nosserva ħafna. Inħobb nesperjenza affarijiet ġodda, anke jekk ġieli nibża’ jew nippanikkja ħafna għax inħalli l-ħsibijiet jiġru bija! Nemmen li kieku, ma ppruvajtx u ma nippruvax affarijiet u esperjenzi ġodda ma niltaqax ma’ nies ġodda li jgħinuni biex kemm jista’ jkun dejjem noħroġ l-aħjar tiegħi u ma neħilx mal-limitu tad-diżabilità fiżika li għandi. Minkejja dan kollu li għidt, inħoss li għadni ma nafx ma nafx min jien, għax kuljum ninbidel u niskopri ħaġa ġdida fija li ma kontx naf qabel.

Il-kapaċità tiegħek li tesprimi ruħek b’mod tajjeb ħafna u profond permezz tal-kitba, hija xi ħaġa li wieħed ma jistax ma jinnutax dwarek. Kif nibtet il-passjoni tiegħek tal-kitba, u x’libertà tagħtik?

Il-passjoni tal-kitba tmur lura għal meta kont fir-raba’ sena tal-primarja. Niftakar, l-għalliema kienet taqralna kuljum mill-kotba ta’ Trevor Zahra. Minn dak iż-żmien ‘il quddiem għidt li rrid insir bħal dan l-awtur bravu ħafna. Qrajt il-kotba kollha tiegħu għax jaffaxxinani kif jiżvolġi l-istejjer tiegħu bi kliem sempliċi u b’ritmu mexxej. Insomma f’kelma waħda sar l-idolu tiegħi, tant li fis-sekondarja meta kien ikollna komponiment kont nipprova nuża’ l-istil ta’ kitba tiegħu. L-għalliema kienu qaluli li għandi talent, imma bqajt ma ħadtux bis-serjetà sakemm spiċċajt mis-sekondarja.

Kont spiċċajt inqatta’ ħafna ħin id-dar, fija kien hemm vojt u monotonija kbira tant li waqajt f’dipressjoni. Imbagħad wara ħafna insistenza mingħand ħabibti ħarbixt l-istorja tiegħi. Minn hemm ma ħaristx lura, kuljum nikteb xi ħaġa, anki jekk tkun sentenza waħda biss. Bil-kitba, jien nista’ mmur u nimraħ kullimkien. Tilliberani għax meta nikteb jien ninsa għal ftit il-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħi u nidħol f’dinja oħra. Dinja fejn l-ispirtu tiegħi jtir ‘il fuq mingħajr ma jwaqqfu ħadd.

X’definizzjoni għandha d-diżabilità għalik personali?

Għalija d-definizzjoni tad-diżabilità tvarja ħafna. Skont iċ-ċirkostanzi li nkun fihom u l-burdati li jkolli. Ikun hemm ġranet fejn inħossni qisni għandi ġgant jgħaffeġ fuqi u rrid inkompli bil-ġurnata tiegħi, bih idur miegħi kullimkien. Drabi oħra lanqas biss taffettwani li jien b’diżabilità, għax inkun qed inħossni tajba fija nnifsi. Imma jien inħobb nara l-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħi bħala gaġġa li ssakkarni milli nagħmel dak li nixtieq. Għalkemm dejjem nipprova nsib mezzi kif indur ma’ din il-gaġġa, ġismi, biex fl-aħħar xorta nagħmel dak li nixtieq.

Kemm-il darba titkellem dwar l-intimità u s-sesswalità. L-ewwel nett, int personali kif tiddistingwi bejn dawn it-tnejn?

L-intimità u s-sesswalità huma konnessi u relatati ħafna ma’ xulxin, imma mhumiex l-istess. Għalija l-intimità hi u sseħħ kull meta nagħżel li nara lill-persuna l-oħra mhux bl-għajnejn fiżiċi tiegħi, iżda bl-għajnejn ta’ ruħi. Dawn l-għajnejn li jaraw il-bżonnijiet l-aktar profondi tal-oħrajn biex hekk nitqanqal minn ġewwa ħalli mhux biss ngħinhom, iżda mmur pass oltre minn hekk, insir naf l-istorja tagħhom u nitwaħħad magħhom, mhux għall-pjaċiri tiegħi, imma għax jinteressani u nħobb verament lill-oħrajn.

Is-sesswalità, imbagħad hi dak kollu li jagħmilni l-mara li jien. L-ewwel aspett tas-sesswalità jistedinni biex jien inħobb, nirrispetta u nkun konxja tas-sbuħija tal-feminilità tiegħi. Imbagħad għalija, l-att sesswali jikkumplimenta u jgħaqqad is-sbuħija tiegħi, ma’ dik ta’ ħaddieħor biex nikber fl-għarfien li ma nistax ngħix mingħajr ma nħobb verament biex nagħti ħajja lill-ieħor u eventwalment jista’ jkun hemm lok ta’ ħolqien ta’ ħajja wkoll.

Mill-perspettiva tiegħek, x’inhuma l-isfidi li trid tiffaċċja b’mod kontinwu fejn jidħlu l-intimità u s-sesswalità? X’inhuma n-nuqqasijiet li tħoss l-aktar bħala mara?

Fejn jidħlu l-persuni b’diżabilità, l-intimità u s-sesswalità għadhom tabù. Personalment din ir-realtà ttaqqalni ħafna għax ikolli ngħixha waħdi, naħbi l-bżonnijiet, ix-xewqat u l-emozzjonijiet naturali tiegħi. Ngħixha waħdi fis-skiet għax inħoss li s-soċjetà inġenerali ma tqishomx dawn il-bżonnijiet tal-persuna b’diżabilità u ma tiddistingwix bejn intimità u sesswalità. Jista’ jkun li persuna b’diżabilità tkun trid biss l-intimità, din tinkludi tgħanniq, karezzi, tmellis fix-xagħar, tpoġġi fuq xi ħadd eċċ.

L-akbar nuqqas li naħseb li hawn hu li persuni b’diżabilità ma jitkellmux biżżejjed fuq dawn il-bżonnijiet tagħhom fil-pubbliku. Allura, imbagħad ovvja li n-nies t’hemm barra ma jistgħux ikunu jafu vera xi nħossu aħna, jistgħu biss jispekulaw!

X’inhuma x-xewqat tiegħek f’dan ir-rigward? X’tixtieq li jsir?

Nixtieq li aktar nies ma jinħasdux u ma jibżgħux meta nesprimi dawn il-bżonnijiet li għandi. Ħeq, jien bniedma tad-demm u l-laħam bħal kulħadd! Hemm bżonn li jsiru aktar diskussjonijiet edukattivi fuq dan is-suġġett fuq it-televixin u l-midja soċjali.

X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar is-servizzi ta’ sex workers għal persuni b’diżabilità?

Naqbel li jkun hawn is-servizz ta’ sex workers, iva għaliex le. Basta dan ikun regolat u jkun hemm persuni mħarrġa sew kif jiffaċċjaw u jittrattaw persuni b’diżabilità, l-aktar meta dawn ikunu vulnerabbli.

Jekk dan it-tip ta’ servizz jiġi legalizzat f’Malta, tikkunsidra li tagħmel użu minnu int personali?

Mistoqsija diffiċli din! Kieku mmur żgur imma mhux għas-sess, l-ewwel ħaġa li nixtieq nagħmel hu li niskopri lil ġismi, għax minħabba li ma nużax idi sew ma nistax inkun intima miegħi nnifsi. Minħabba f’hekk f’dan l-aspett inħoss li għadni tifla u mhux mara. Allura nitlob l-għajnuna tas-sex worker biex nagħmel dan, rigward jekk nagħmilx is-sess ma’ sex worker illum bħalissa ngħid le. U ngħid le, għax nixtieq relazzjoni u s-sess waħdu narah bla sens mhux komplut, qisni mort ikla u qbiżt fid-deżerta mill-ewwel. Is-sess mingħajr relazzjoni u intimità nħoss li jitlef l-iskop u s-sbuħija tiegħu.

Liema mentalità tas-soċjetà ġenerali tħoss li hemm bżonn tinbidel l-aktar? U int, xi tħoss li tista’ tagħmel, jew x’qed tagħmel biex tagħti sehmek għal din il-bidla?

Thank God il-mentalità tas-soċjetà inġenerali lejna l-persuni b’diżabilità tjiebet ħafna, l-aktar fl-oqsma tal-aċċessibiltà u l-edukazzjoni għalkemm bħal f’kollox baqa’ xi jsir. Biss l-iżjed setturi li narahom baqgħu lura huma tax-xogħol u s-sesswalità. Mhux ħa noqgħod nirrepeti dwar is-suġġett tas-sesswalità, biss ma nafx għala persuna toqgħod lura milli turi affezzjoni lejn persuna b’diżabilità. Forsi jista’ jkun li dak li jkun joqgħod lura għax ma jkunx irid li l-persuna b’diżabilità tiggranfa miegħu bħal qarnita u tifhmu li jrid relazzjoni magħha, ma nafx eżatt. Biss ma fiha xejn ħażin billi tgħannaq u tikkarezza lil persuna b’diżabilità. L-importanti li jkun hemm komunikazzjoni ċara u diretta fuq l-emozzjonijiet taż-żewġ persuni kkonċernati.

Fil-qasam tax-xogħol, hi ħaġa frustranti ħafna li aħna l-persuni b’diżabilità jkollna l-kwalifiċi kollha meħtieġa u ma nsibux xogħol għas-sempliċi raġuni li min iħaddem ma jemminx fina. Min-naħa tiegħi, nieħu kull opportunità biex nitkellem fuq id-diżabilita’. Fil-fatt ħloqt grupp fuq Facebook jismu ‘People with Cerebral Palsy in Malta’. Fih inqajjem kuxjenza fuq dawn is-suġġetti u oħrajn li jolqtu lilna direttament bħala nies b’diżabilità.

Is-saħħa mentali u persuni b’diżabilità. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan?

Nemmen li s-saħħa mentali tal-persuni b’diżabilità trid tkun kemm jista’ jkun dejjem fl-aħjar forma possibbli. Għax diġà hu piż kbir li wieħed iġorr il-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħu kuljum bil-konsegwenzi u l-kumplikazzjonijiet kollha li dawn iġibu magħhom. Għalija li nkun mentalment b’saħħti hi xi ħaġa li ma nistax ngħaddi mingħajrha għax inkella ma nkunx nista’ nkampa mal-ostakli tad-diżabilità. Apparti minn hekk, tgħallimt u qed nitgħallem kif it-toqol tal-ħajja ta’ kuljum naqsmu ma’ dawk il-persuni li jien nafda biex dan il-piż ma jagħlaqnix fija nnifsi biex nipprova nkun pożittiva.

Inkun korretta jekk ngħid li int persuna reliġjuża ħafna? X’differenza jagħmel dan il-fatt fil-ħajja ta’ kuljum tiegħek?

Jien ma ngħidx li jien persuna reliġjuża għax għalkemm nieħu sehem fil-quddies kważi kuljum, hemm xi affarijiet fil-knisja li jien ma naqbilx magħhom. Imma ngħid li jien persuna li nħaddan il-fidi Kattolika. Iva, għalija l-fidi f’Ġesù hi kollox, għax bil-fidi jien kapaċi ngħix din it-tbatija tad-diżabilità bit-tama u bi skop li din ma tkunx kollha għalxejn. Anzi nħoss li Alla jrid u għandu sejħa partikolari permezz tad-diżabilità u jridni nwassal imħabbtu permezz tal-istess diżabilità.

Taħseb li l-Knisja Kattolika għadha tħares u tirreferi għall-persuni b’diżabilità bħala “anġli” u “speċjali”?

Iva, sfortunatament din il-mentalità tal-‘anġli u speċjali’ ilha magħna minn meta twaqqfet id-Dar tal-Providenza. Diffiċli ħafna tneħħi din il-mentalità, l-aktar għaliex huma ftit dawk il-persuni b’diżabilità li jinvolvu ruħhom fi gruppi taż-żgħażagħ bħali, li hi ħasra għax kull persuna għandha x’toffri. Nixtieq nara aktar nies b’diżabilità jinvolvu ruħhom fil-knisja biex ngħaddu l-messaġġ li aħna mhux karità biss irridu imma għandna x’nagħtu ukoll.

Naf li int taħdem. X’inhu x-xogħol tiegħek? U kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek fid-dinja tax-xogħol?

Jien ilni naħdem għal dawn l-aħħar 4 snin bħala data inputer ma’ kumpanija privata. Ix-xogħol lili tani d-dinjità li jistħoqqli u fejn qabel kont nistħi u naħrab mill-mistoqsija meta jistaqsuni x’nagħmel, issa m’għadnix. Peresss li naħdem dejjem mid-dar, nixtieq li jkolli l-opportunità li niltaqa’ mal-impjegati wiċċ imb’wiċċ, imma overall għal qalbi ħafna li japprezzaw xogħli.

Lynn, ma nistax ma nsemmilekx il-ħbiberija speċjali li ċertament hija importanti ħafna għalik. Xi jfisser għalik David? X’differenza jagħmel f’ħajtek u x’jagħmel il-ħbiberija tagħkom speċjali?

Inħossni mbierka ħafna li għandi ħabib bħal David. Għandi ħafna ħbieb u kollha jgħinuni ħafna, min b’mod u min b’ieħor, imma David jispikka fosthom kollha. Konna ltqajna mill-grupp tal-LAND, grupp għall-persuni b’diżabilità biex jissoċjalizzaw u hu kien ġie magħna bħala volontier. Imbagħad sirna ħbieb tal-qalb madwar 4 snin ilu meta kont għaddejja minn żmien diffiċli. Minn dakinhar sal-lum dejjem sibtu hemm għalija. Għamilna minn kollox flimkien, morna l-Olanda u ħa ħsiebi hu, immorru weekend breaks, iniżżilni l-baħar waħdu eċċ eċċ.

Niftakar darba qalli, li hu jrid jgħinni nagħmel dak li nħoss ġewwa fija, imma li ma nkunx nista’ noħorġu fuq barra minħabba d-diżabilità. Għalija, David huwa ħija li m’għandix, tant għandna ħbiberija intima bejnietna li min ma jafx li David miżżewweġ jaħseb li qiegħdin flimkien! Daqshekk hi speċjali l-ħbiberija tagħna u nittama li tibqa’.

Għidilna ftit dwar il-kotba li ktibt s’issa. Minn fejn ġiet l-idea u l-ispirazzjoni għalihom? Hemm pjan għal ktieb ieħor?

Mela, l-ewwel ktieb tiegħi jismu ‘Namra’ hu ġabra tal-ħsibijiet u l-poeżiji tal-bidu nett tal-kitba tiegħi u t-tieni ktieb jismu ‘Tiżwiqa’. ‘Tiżwiqa’ jikkonsisti f’10 novelli qosra soċjo-reliġjużi. Kollox jispirani jien, l-aktar l-esperjenzi li ngħaddi minnhom jien u persuni viċin tiegħi. Issa bdejt nikteb rumanz, forsi nippubblikah ‘il quddiem.

Għandek xi ħolm li tixtieq twettaq?

Jien persuna li ngħix ġurnata b’ġurnata, kull opportunità li tħabbatli l-bieb neħodha, però ma nippjanax ħafna għal quddiem għax jekk ma jirnexxilix inwettaq dak li jkolli f’moħħi naqa’ ħażin ħafna. Li nixtieq li nerġa’ nsiefer u nagħmel aktar avventuri partikolarment ma’ David.

X’inhu l-aħħar messaġġ tiegħek?

Nixtieq nirringrazzjakom għax permezz ta’ din l-intervista erġajt skoprejt affarijiet fija nnifsi li kont insejt.

Lynn se tkun ukoll qed tikkontribwixxi b’mod regolari fuq skoperta.net!

Filmat: “Jekk se tixrob, issuqx” – The Travellers iwasslu dan il-messaġġ b’kanzunetta ġdida

Filmat: “Jekk se tixrob, issuqx” – The Travellers iwasslu dan il-messaġġ b’kanzunetta ġdida

Wara t-tnedija tal-album il-ġdid tagħhom, The Travellers għadhom kemm nedew kanzunetta ġdida oħra, Siġġu Vojt, b’vidjow mużikali.


Kemm-il darba smajna bl-aħbar fuq l-aħbarijiet? Sewwieq xurban tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu. Sewwieq taħt l-influwenza tal-alkoħol kien involut f’inċident tat-traffiku, li kkaġuna mewt.

Sfortunatament, aħbar bħal din nisimgħuha l-aktar fi żmien il-festi, meta l-ħtieġa li nieħdu ħsieb lil xulxin tkun akbar minħabba li jkollna aktar avvenimenti mis-soltu, li jinkludu l-alkoħol.


B’din il-kanzunetta, Siġġu Vojt, The Travellers qed jikkollaboraw ma’ Transport Malta biex iwasslu messaġġ importanti lill-pubbliku t’hemm barra: Jekk se tixrob, issuqx.

Enable Notifications OK No thanks