Riċetta: Koxox tat-Tiġieġ immarinati l-Forn u Zalza tal-Buffalo

Riċetta: Koxox tat-Tiġieġ immarinati l-Forn u Zalza tal-Buffalo

Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

4 koxox tat-tiġieġ bl-għadam

4 patatiet kbar maqtugħin f’dadi

Għall-immarinar:

Tliet imgħaref żejt taż-żebbuġa

Tliet sinniet tewm, mirħus

Żewġ imgħaref meraq tal-lumi frisk

Żewġ kuċċarini mustarda

Nofs kuċċarina melħ

Kwart ta’ kuċċarina bżar iswed midħun

Kuċċarina waħda klin għall-wiċċ

Metodu:

  • Saħħan il-forn għal 200 grad.
  • Iksi dixx ċatt tal-forn bil-karta tal-ħami.
  • Poġġi l-patata u l-koxox tat-tiġieġ ġod-dixx.
  • Ħallat l-ingredjenti kollha tal-immarinar fi skutella żgħira.
  • Ferra’ l-immarinar fuq it-tiġieġ u l-patata, u ħawwad sew biex jinkesa kollox bil-likwidu tal-immarinar.
  • Irranġa l-patata madwar it-tiġieġ, sabiex it-tiġieġ ikun qiegħed direttament fuq id-dixx u mhux fuq il-patata.
  • Aħmi mikxuf għal 45 minuta sakemm it-tiġieġ ikun imsajjar sew u l-patata tkun saret tqarmeċ.
  • Dawwar il-patata darba matul il-ħin tat-tisjir biex titqarmeċ minn kull naħa.
  • Servi biz-zalza tal-buffalo, u ħaxix tal-għażla tiegħek.

Għaz-zalza tal-Buffalo:

Ingredjenti:

75ml sauce aħmar jaħraq (Tabasco)

100g butir ħelu

Żewġ imgħaref ħall abjad

Nofs kuċċarina Worcestershire sauce

Nofs kuċċarina bżar cayenne

Kwart kuċċarina trab tat-tewm

Kwart kuċċarina paprika

Melħ għat-togħma

Metodu:

  • F’kazzola fuq nar medju, żid it-Tabasco, il-butir, il-ħall, il-Worcestershire, il-bżar cayenne, il-melħ, it-trab tat-tewm u l-paprika.
  • Ħawwad kontinwament b’whisk sakemm il-butir idub. Imbagħad ħalli t-taħlita fuq in-nar sakemm tibda ttektek.
  • Ladarba z-zalza tibda ttektek, neħħi t-taġen minn fuq in-nar.
  • Ħalli z-zalza tibred ftit.
  • Iz-zalza se tagħqad ftit hekk kif tibda tibred. Ħawwad iz-zalza qabel ma sservi.
  • Qassam it-tiġieg u il-patata fuq platti, u ferra z-zalza tal-Buffalo fil-wiċċ.

L-ikla t-tajba!

Din ir-riċetta ġiet imwassla lilkom minni u minn Vince Busuttil.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Evidenza (It-tieni parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Evidenza (It-tieni parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

“Għidilna fejn ħbejt l-affarijiet, Trevor,” kienu komplew jinsistu l-pulizija hekk kif kont qiegħed f’dik il-kmajra fejn kienu interrogaw lili, lil ħija u sħabi kollha.
“X’affarijiet huma? Jiena lanqas biss m’għandi idea fuq dak li qegħdin tkellmuni fuqu!” kont stagħġibt b’leħen mitbuq.
“U ejja Trevor. Wara li ħriġtu u wassluk id-dar, erġajt ħriġt bil-mazza u ġakketta safra. Mort għandu, ħabbattlu l-bieb u bdejt tagħtih id-daqqiet bl-addoċċ sa’ xħin rajtu stendut mal-art f’għadira demm!” kien poġġieli l-kliem il-pulizija.
“Għandkom żball! Għandkom żball!” kont smajt leħni stess għadu jidwi f’widnejja u issa donnu kien għadu jdur f’dawk il-kurituri, madwar il-ħabs imdaqqas fejn kont qattajt żmieni, nistenna u nitherra waħdi.
Imbagħad, donnu ħassejt ġismi jinħasad kollu f’salt wieħed.
Issa suppost kont ser nitlaq.
Imma fil-verità kont qed nibża’.
Mhux għax kont drajt hawn ġew. Xejn minn dan. Kif tista’ tidra hawn ġew? Kif tista’ tidra tgħix mingħajr il-libertà mċaħħad mid-dinjità unika tiegħek li tagħmlek individwu?
Imma kont qed nibża’ minn dak li kont ser insib quddiemi.
Ħajti.
X’sens kien fadlilha issa?
Forsi kieku tawni ċans nagħżel jekk ridtx nibqa’ hawn ġew jew noħroġx lura hemm barra kont nagħżel dik l-ewwel waħda.
Li nkompli nitherra f’kamarti. F’dik iċ-ċella minuskola fejn kont tant drajt il-ħajja.
Iżda dawwart ħarsti ‘l quddiem, għafast idejja ponnijiet u bil-basket żgħir li kelli mdendel ma’ kusi, għamilt pass ieħor lejn il-bieb, ninduna li l-ħarsa tal-gwardjan biswiti, kienet qiegħda fuqi.
Blajt ir-rieq li kien tela’ fi griżmejja u b’kuraġġ ta’ sur għamilt pass ieħor.
Kont qed nara l-bieb minfejn kienu joħorġu barra.
Minjaf kemm kont ilni noħlom din il-ġurnata!
U ejja Trevor, ftit kuraġġ oħra u tasal hemm barra!

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Moħħok hemm meta tixtri minn fuq Facebook! – Tanja Cilia

Moħħok hemm meta tixtri minn fuq Facebook! – Tanja Cilia

“Tafdax, biex ma tħallilx”

Naħseb li bħali xbajtu taraw “Free”, jew inkella “€1” immarkati taħt xi ħaġa li tkun għall-bejgħ, iżda meta tistaqsu dwar l-oġġett, issiru tafu li mhux talli ma jkunx b’xejn, jew kważi b’xejn, talli jiswa l-belli liri.

Hawn ħafna min ingidem, u hawn ħafna min għamel kemxa flus, minn dawn in-negozji. Għax jiġu bil-ħlewwa kollha, u jgħidulek li “bargain” u “għandhom bżonn il-flus” u li “tidher mara sew”, u ħafna kliem fieragħ ieħor.

Għalhekk tajjeb li żżomm moħħok hemm meta tiġi biex tixtri.

  • Data ta’ meta beda l-profil: Issib min jibda profili bl-addoċċ, kemm ibiegħ xi affarijiet, jew saħansitra jippretendi li se jbiegħhom, u jisparixxi. Jista’ jkun każ ġenwin għax ikun wiret xi affarijiet u jrid jeħles minnhom; iżda din ħaġa rari.
  • Dejjem itlob irċevuta: Jekk jista’ jkun, ħallas b’ċekk jew xi metodu bħal PayPal, biex hekk ikollox għal waħda, tnejn. Irċevuta mingħand bniedem li ma jeżistix, ma tiswiex.
  • Ikkomunika biss fuq Facebook: La bdejt minn hemm, kompli hemm. Iddurx għal imejl jew WhatsApp. Qatt tiltaqa’ ma’ xi ħadd, waħdek, u ltaqa’ biss meta jkun se jsir il-bejgħ. Qatt tagħti n-numru personali tat-telefon tiegħek.
  • Jitlob ħlas bil-quddiem: Tixtrix ħut fil-baħar. L-aħjar metodu dejjem jibqa’ Cash on Delivery. Issib min iħeġġeg biex tħallas depożitu, biex l-oġġett ma jinbigħx lil ħaddieħor. Jekk lesta li tħallas, ara li qatt ma jkun iżjed minn 25% tal-ħlas dovut, u dejjem itlob irċevuta (u ftakar li jekk il-profil hu falz, il-flus m’intix se tarahom b’għajnejk qatt iżjed).
  • Posta rreġistrata: Dejjem insisti li jekk ġej bil-posta, l-oġġett ikun irreġistrat, biex tkun taf fejn qiegħed sakemm jasal għandek.
  • Prezz fiss: Jekk il-bejjiegħ f’daqqa waħda jgħidlek li se jkollu jżidlek il-prezz, bl-iskuża li kien nesa jiċċekkja kemm iqum, mal-irkantatur, jew li hemm ħafna oħrajn li jriduh, mela allura, għidlu li jista’ jbiegħu lil ħaddieħor.
  • Profil falz; Dejjem agħmel ‘reverse search’ tar-ritratt; għandek mnejn issib li dan xi mudell jew saħanistra akkademiku f’Università Franċiża. Oqgħod attentat meta tara li m’hemmx ritratt, iżda kelb, fjura, jew inżul ix-xemx.
  • Rapporti: Qatt tiddejjaq tirrapporta li min ipprova jidħaq bik. Hawn min jippoża ta’ bejjiegħ, jew ta’ xerrej, speċifikament biex jagħmel il-frodi.
  • Ritratt: Dejjem esiġi li jkollok ritratt tal-oġġett kif inhu, biex ma jkunx hemm tħaqqieq dwar dan, wara.

Tafdax: In-nanniet Maltin jgħidulna “Tafdax, biex ma tħallilx”, u għandhom raġun.

Il-Valz ta’ Mia (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Il-Valz ta’ Mia (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Il-ħoss tax-xita nieżla minn barra kamarti kienet twennisni. Kont inħoss li kien hemm xi ħaġa li kienet tgħaqqadna.
Lili.
U lilek.
Għalfejn ma kontx bħall-bniet l-oħra tal-iskola li kienu fil-klassi tiegħi? Kull sena, meta konna ntellgħu reċta flimkien, bl-għajnuna tal-għalliema tagħna, kont narahom kollha ferħana. Kont narahom kif kienu jħarsu lejn uliedhom. Kienu jkunu kburin bihom. U int ma kontx tkun hemm.
Int qatt ma kont tkun hemm.
Naf. Naf li kien ikun hemm ommi. Lilha kont naraha titbissem. Kont naraha tifraħ xħin kienet tarani u xxejjirli ħalli turini li kienet tkun hemm.
Hi biss.
Waħedha.
“Mia, il-papà ma jistax jiġi. Taf……..” kienet tgħidli. “Taf li l-papà tiegħek qiegħed jiġġieled fil-gwerra. Imma toqgħodx imdejqa. Daqt tispiċċa l-gwerra……….u tara, tara kif ma jdumx ma jiġi lura!”
Kien ilu snin li telaq. Kont inħoss nuqqas kbir tiegħu. Darbtejn fis-sena biss kien jiġi jarana. F’għeluq snini u fil-ġurnata tal-Milied. Ma tantx kont ingawdih. Kien jiġi, jgħaddi jumejn magħna u jerġa’ jitlaq lura.
U kull darba………
Kull darba kien iħalli vojt kbir.
Vojt kbir warajh. Akbar minn ta’ qabel.
F’kamarti kelli kalendarju mdendel ma’ granpun tal-ħadid, nofsu mdaħħal fil-ħajt, f’kamra kważi vojta. Kont nimmarka l-ġranet kuljum. U dawk il-jumejn speċjali………..dawk kienu jkunu mdawrin bi ċrieki ħomor. Dawk il-ġranet li kien ikun ġej hu.
Missieri.
“Mamà, xahar ieħor il-Milied,” kont għidt lil ommi xi ġranet ilu.
U hi kienet ħarset lejja b’għajnejha jleqqu. Anke hi kienet tħoss in-nuqqas. Imma ma tantx kienet turi. Kont nismagħha tibki waħedha fis-sodda. Kont nismagħha tqalleb fir-ritratti u naqbadha timsaħ id-dmugħ minn fuq ħaddejha.
“Mia……” kien qalli meta kien ġie s-sena ta’ qabel, f’għeluq is-sitt snin tiegħi. Kien xtrali ħafna ġugarelli u għannaqni miegħu. Dejjem kien iġibli xi ħaġa miegħu. “Ejja, ħalli ngħallmek tiżfen il-valz.”
“Il-valz x’inhu?” kont staqsejtu jiena b’għajnejja kbar, kbar, hekk kif bdejt ngħaffeġ id-drapp tal-libsa li kelli fuqi. Kont qed inħossni skomda. Għax jiena ma kontx naf niżfen. U ma ridtx naqta’ brutta figura quddiem missieri!
Dawwart ħarsti lejn il-kejk li kien għad hemm fuq il-mejda, bix-xemgħat mitfijin, nofsu mikul u n-nofs l-ieħor lest għal ġol-friġġ. Ma kienx żmien il-ħela. Kont naf li ommi kienet marret għand Duminku l-furnar sabiex tagħmlu hi stess b’idejha.
“Żifna. Żifna waħda. Ejja ħalli niżfnu jiena u inti,” kien qalli b’dak il-leħen sod, li kien jagħtini sensazzjoni ta’ paċi u mħabba.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Bukkett Fjuri Ħomor (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Bukkett Fjuri Ħomor (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Issa x’kellu jaqbad jagħmel?
U dak il-ħin, ħass l-għaraq ħiereġ mill-pali ta’ jdejh bl-inkwiet! Tgħid kienet hi jew le? Imma lil tal-ħanut…………….
U dak il-ħin raha!
Ħarġet!
Beda jidħak waħdu qisu wieħed fidil.
Mara kemmxejn magħmula kbira, xagħarha folt kulur il-qastan, nuċċali ppuntat fil-ġnub, liebsa libsa skura kienet għadha kemm xirfet minn ġo dak il-bini b’bukkett fjuri f’idejha!
U l-fjuri…………il-fjuri ta’ din kienu ħomor!
Mingħajr ma qagħad jaħsibha darbtejn, ħareġ minn ġol-karozza, ġera lejn in-naħa tat-triq fejn kienet qiegħda din il-mara, rassha mal-ħajt u b’leħen għoli beda jgħajjarha kemm jiflaħ!
Xi nies li kienu fit-triq, skantaw iħarsu lejhom.
Lanqas fetħet ħalqha! Kienet tidher li twerwret minnu! U nħasdet mhux ftit!
“Smajt x’għidtlek?!” kompla jgħidilha b’leħen għoli, mimli mibgħeda.
Għal mument, kellu aptit jilgħabhielha ġo wiċċha, imma hu ma kienx raġel tal-vjolenza.
Hekk!
Hekk ma kinitx se terġa’ ċċempillu u ddejqu żgur!
U mela…………wiċċ imb’wiċċ! Mela toqgħod tinħeba wara t-telefon!
U malli telaq, ħass sodisfazzjon enormi!
Kien neħħa balla minn fuq l-istonku!
Mexa lejn il-karozza, injora n-nies kollha li kienu għadhom kollha kemm huma ċċassati minn kull angolu tat-triq u telaq ‘il bogħod.
L-ewwel post li mar, kien ħdejn Cedric.
“Ara x’għandi nħallsek ta’ dak il-bukkett fjuri ħomor!” qallu Neil.
“Eeeehhhhhh iva…………..imma se nnaqqaslek xi ħaġa mill-prezz, sieħbi,” wieġbu dak.
“U għala………?” qallu Neil.
U iva, l-importanti li kien taha ħasla kif kien imiss!
Lil Agnes.
Agnes Abela.
“Għax fjuri ħomor ma kienx fadalli, Neil. Lill-ħabiba kellna nibagħtulha fjuri bojod………..u iva mhux xorta waħda għalik?” staqsih dak.
Fjuri bojod.
Xufftejn Neil bjadu bil-qatgħa.
Mela dik mhux Agnes kienet.
Mhux Agnes Abela!
“Jien bukkett fjuri ħomor tlabtek!” Neil bilkemm felaħ jirrispondih!

Enable Notifications OK No thanks