by Tanja Cilia | 26/Feb/22 | Riflessjonijiet, Varjetà
“Tafdax, biex ma tħallilx”
Naħseb li bħali xbajtu taraw “Free”, jew inkella “€1” immarkati taħt xi ħaġa li tkun għall-bejgħ, iżda meta tistaqsu dwar l-oġġett, issiru tafu li mhux talli ma jkunx b’xejn, jew kważi b’xejn, talli jiswa l-belli liri.
Hawn ħafna min ingidem, u hawn ħafna min għamel kemxa flus, minn dawn in-negozji. Għax jiġu bil-ħlewwa kollha, u jgħidulek li “bargain” u “għandhom bżonn il-flus” u li “tidher mara sew”, u ħafna kliem fieragħ ieħor.
Għalhekk tajjeb li żżomm moħħok hemm meta tiġi biex tixtri.
- Data ta’ meta beda l-profil: Issib min jibda profili bl-addoċċ, kemm ibiegħ xi affarijiet, jew saħansitra jippretendi li se jbiegħhom, u jisparixxi. Jista’ jkun każ ġenwin għax ikun wiret xi affarijiet u jrid jeħles minnhom; iżda din ħaġa rari.
- Dejjem itlob irċevuta: Jekk jista’ jkun, ħallas b’ċekk jew xi metodu bħal PayPal, biex hekk ikollox għal waħda, tnejn. Irċevuta mingħand bniedem li ma jeżistix, ma tiswiex.
- Ikkomunika biss fuq Facebook: La bdejt minn hemm, kompli hemm. Iddurx għal imejl jew WhatsApp. Qatt tiltaqa’ ma’ xi ħadd, waħdek, u ltaqa’ biss meta jkun se jsir il-bejgħ. Qatt tagħti n-numru personali tat-telefon tiegħek.
- Jitlob ħlas bil-quddiem: Tixtrix ħut fil-baħar. L-aħjar metodu dejjem jibqa’ Cash on Delivery. Issib min iħeġġeg biex tħallas depożitu, biex l-oġġett ma jinbigħx lil ħaddieħor. Jekk lesta li tħallas, ara li qatt ma jkun iżjed minn 25% tal-ħlas dovut, u dejjem itlob irċevuta (u ftakar li jekk il-profil hu falz, il-flus m’intix se tarahom b’għajnejk qatt iżjed).
- Posta rreġistrata: Dejjem insisti li jekk ġej bil-posta, l-oġġett ikun irreġistrat, biex tkun taf fejn qiegħed sakemm jasal għandek.
- Prezz fiss: Jekk il-bejjiegħ f’daqqa waħda jgħidlek li se jkollu jżidlek il-prezz, bl-iskuża li kien nesa jiċċekkja kemm iqum, mal-irkantatur, jew li hemm ħafna oħrajn li jriduh, mela allura, għidlu li jista’ jbiegħu lil ħaddieħor.
- Profil falz; Dejjem agħmel ‘reverse search’ tar-ritratt; għandek mnejn issib li dan xi mudell jew saħanistra akkademiku f’Università Franċiża. Oqgħod attentat meta tara li m’hemmx ritratt, iżda kelb, fjura, jew inżul ix-xemx.
- Rapporti: Qatt tiddejjaq tirrapporta li min ipprova jidħaq bik. Hawn min jippoża ta’ bejjiegħ, jew ta’ xerrej, speċifikament biex jagħmel il-frodi.
- Ritratt: Dejjem esiġi li jkollok ritratt tal-oġġett kif inhu, biex ma jkunx hemm tħaqqieq dwar dan, wara.
Tafdax: In-nanniet Maltin jgħidulna “Tafdax, biex ma tħallilx”, u għandhom raġun.
Kittieba
Ġurnalista
Opinjonista
by Karen Decelis | 23/Dec/21 | Riflessjonijiet, Varjetà
Żmien il-Milied hu l-isbaħ żmien tas-sena għal ħafna nies. Id-dwal, il-mużika, l-ikliet, il-familja; kollha huma raġunijiet li l-Milied iġib ħafna ferħ u eċitament. Però, għal xi wħud, dan iż-żmien hu diffiċli immens.
Għal min tilef lil xi ħadd għażiż, il-Milied jista’ jġib lura memorji ta’ wġigħ. Ikun hemm dawk li jkunu tilfu lill-għeżież waqt iż-żmien tal-Milied, allura dejjem jiftakru fil-mewt f’dan iż-żmien. Ikun hemm ukoll dawk li avolja ma tilfux lill-għeżież waqt il-Milied, xorta jiftakru f’mumenti sbieħ li kienu qattgħu ma’ dik il-persuna waqt dan iż-żmien u jħossu dwejjaq kbar.
Hemm dawk li jħossuhom anzjużi fi żmien il-Milied għax ikun hemm ħafna affarijiet xi jsiru: xiri ta’ rigali, infiq żejjed, tisjir, tindif eċċ. Iħossuhom ma jistgħux ilaħħqu ma’ kollox u jħossuhom overwhelmed.
Ikun hemm ukoll dawk li jħossuhom imdejqin għal diversi raġunijiet: persuni li jixtiequ li għandhom partner, koppji li jixtiequ jkollhom it-tfal, anzjani li jħossuhom waħedhom: dawn iż-żminijiet jafu jfakkruhom fuq id-dwejjaq tagħhom iktar minn żminijiet oħra, speċjalment bil-midja soċjali.
Hawn huma xi suġġerimenti li persuni jistgħu jagħmlu biex inaqqsu d-dwejjaq tagħhom f’dawn il-festi.
- Ara li tirrikonoxxi l-emozzjonijiet tiegħek. Jekk għadu kif miet xi ħadd, jekk qed tħossok waħdek; aċċetta li d-dwejjaq qiegħdin hemm. Billi żmien il-Milied, ma jfissirx li għandek tkun kuntent il-ħin kollu. Agħti ċans lilek innifsek biex tibki u tesprimi lilek innifsek.
- Sib l-għajnuna. Jekk qed tħossok iżolat, fittex għajnuna mingħand familja, ħbieb, NGOs lokali, jew komunitajiet reliġjużi.
- Agħmel xi ħaġa ta’ ġid. Taf tħossok kuntenta tagħmel xi xogħol volontarju jew tgħin lil ħaddieħor. Agħti donazzjoni lil karità, ċempel lil xi ħadd li taf li qiegħed waħdu.
- Ippjana minn qabel. Jekk taf li tħossok anzjuż bl-affarijiet li trid tixtri, l-ikel li trid issajjar, id-dekorazzjonijiet li trid tagħmel, ibda ppjana minn qabel. Tista’ tagħmel lista tal-affarijiet kollha li trid tagħmel. Din il-ħaġa tgħinek biex ma jkollokx ansjetà estrema fl-aħħar.
- Tgħallem għid ‘le’. M’hemmx għalfejn tagħmel kull ħaġa li ġejt mistieden tagħmel. L-iktar ħaġa importanti hi s-saħħa mentali tiegħek.
- Sib il-pożittiv f’ħajtek. Għandek affarijiet sbieħ f’ħajtek. Sib ħin biex tirrifletti u ssib x’inhuma.
- Illimita l-ħin fuq il-midja soċjali. In-nies jitfgħu affarijiet sbieħ biss fuq il-midja soċjali. Jekk qed tħossok waħdek u vulnerabbli, jaf ma tkunx idea tajba li tara dawn l-affarijiet.
- Sib ħin għalik. Iddedika ħin għalik. Sib attivitajiet li tħobb tagħmel: mur mixja, kul bil-qis, ara li jkollok biżżejjed ħin ta’ rqad, agħmel attività fiżika, agħmel eżerċizzji bħal meditazzjoni u yoga.
Il-Milied huwa żmien partikolari ħafna. Ftakar dejjem li m’intix waħdek u kulħadd ikun għaddej minn emozzjonijiet u ħsibijiet diversi. Dejjem fittex l-għajnuna, sib ħin biex tirrifletti, agħmel eżerċizzju u ffoka fil-pożittiv.
by skoperta.net | 09/Dec/21 | L-Aħħar Aħbar
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mis-Sibt l-ilbies tal-maskra se jkun obbligatorju mhux biss f’postijiet pubbliċi fuq ġewwa imma wkoll barra, fil-miftuħ, anke jekk persuna tkun waħedha.
Żied jgħid li l-maskra se tibqa’ obbligatorja f’postijiet pubbliċi kollha, inkluż f’postijiet tax-xogħol, skejjel, mezzi ta’ trasport pubbliku u oħrajn.
Huwa qal li l-għan ta’ din il-miżura flimkien mal-għoti tal-booster huwa li nsalvaw il-Milied.
Fakkar ukoll li min se jlaqqa’ n-nies fid-dar tiegħu f’dan iż-żmien ta’ festi, wieħed għandu jżomm sa massimu ta’ 4 households.
Aktar kmieni dan ix-xahar, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika il-Professur Charmaine Gauci wkoll appellat biex jekk wieħed se jistieden lin-nies fid-dar tiegħu għandu jżomm numru żgħir ta’ nies u jaqsamhom f’ikliet żgħar minflok ikliet kbar.
Id-Deputatat Prim Ministru qal li fil-pajjiżi Ewropej kollha qed jerġgħu jiddaħħlu l-miżuri u r-restrizzjonijiet, madanakollu s’issa f’Malta għad m’hemmx ħsieb li jiddaħħlu aktar miżuri li jaffettwaw in-negozji u l-ħajja soċjali.
Qal ukoll li huwa mistenni li f’Malta jkun hawn żieda fin-numru ta’ każijiet minħabba li l-immunità ta’ min ħa t-tilqima bdiet nieżla, u anke għax fil-ġranet tal-festi l-attività soċjali tiżdied sew.
by Karen Decelis | 02/Sep/21 | Riflessjonijiet, Varjetà
Tmiem ta’ relazzjoni tista’ tkun waħda mill-iktar esperjenzi diffiċli li persuna tesperjenza f’ħajjitha. Huwa siewi li persuni jkunu jafu x’jistgħu jagħmlu biex jgħinu lilhom infushom f’dan il-mument iebes.
Meta tieqaf minn relazzjoni, jaf joħorġu ħafna weġgħat u emozzjonijiet negattivi. Apparti li tkun qed tibki t-telfa tar-relazzjoni tiegħek, jista’ jkun li tkun qed tħossok konfuża, waħdek u mbeżża’ fuq il-futur. Tmiem ta’ relazzjoni jaf tfisser tibdil komplet f’ħajtek. Jaf trid tbiddel darek, relazzjonijiet mal-familja u ħbieb tal -ex partner, bidla fir-rutina u responsabilitajiet. Tmiem ta’ relazzjoni tfisser ukoll li trid tibki mhux biss ir-relazzjoni imma t-tamiet u l-ħolm li kellek ma’ dik il-persuna.
X’tista’ tagħmel biex tħossok aħjar?
- Importanti ħafna li tesprimi kif tkun qed tħossok. Għid lilek innifsek “bħalissa qed nħossni mdejjqa” jew “bħalissa vera qed inħossni rrabjata”. Meta tieqaf relazzjoni jaf tħoss emozzjonijiet diversi. Hemm min iħoss relief qawwi, ikun hemm min iħossu xxukkjat, jew ma jkunx jista’ jemmen x’għadu kif ġara. Hemm min iħossu miċħud, muġugħ, tradut, imbeżża’, imbarazzat u mdejjaq. Importanti ħafna li tara x’qed tħoss. Dan jgħinek biex tifhem lilek innifsek. Importanti ħafna li taċċetta kif qed tħossok. Hawn min iħassar u wara ġimgħa jħossu tajjeb, hawn min jgħaddu xhur, jekk mhux snin biex jiġu f’tagħhom. Agħti ċans lilek innifsek. Aċċetta kif tkun qed tħossok. Emozzjonijiet ta’ dwejjaq, rabja, ansjetà, għajja, frustrazzjoni u konfużjoni huma esperjenzati minn ħafna nies. Aċċetta dawn l-emozzjonijiet u agħti lilek innifsek ċans u permess li ma tkunx kuntenta għal xi żmien.
- Importanti ħafna li tiffoka fuqek innifsek. Meta nkunu f’relazzjoni, speċjalment waħda li tkun twila, hu faċli li ninsew lilna nfusna. Dan hu żmien li int tiffoka fuqek innifsek: terġa’ ssib l-affarijiet li huma importanti għalik, tesplora affarijiet ġodda li jafu jogħġbuk, tibda passatemp ġdid, tmur lura għal xi ħaġa li kont tagħmel qabel ma dħalt fir-relazzjoni. Forsi ma tkunx l-iktar ħaġa ideali li tidħol f’relazzjoni ġdida mill-ewwel. Agħti ċans lilek innifsek tibki r-relazzjoni li għaddiet u proċessa l-emozzjonijiet tiegħek sew qabel tidħol f’relazzjoni ġdida.
- Tgħaddix minn dan iż-żmien waħdek. Aqsam ħsibijietek ma’ nies li tafda. Ibqa’ attiva soċjalment. Ħafna drabi, id-dwejjaq li jaqbdek wara li tkun ħassart, tant ikun kbir li tispiċċa tingħalaq fik innifsek u toqgħod ġewwa. Importanti li tfittex is-sapport ta’ ħbieb, familja. Prova toqgħodx ħafna waħdek f’dan iż-żmien.
- Mur għand counsellor jew professjonist ieħor biex tipproċessa minn xiex għaddejt. Int ma tliftx biss il-partner, tlift ukoll persuna ma’ min taqsam l-esperjenzi, forsi tlift sapport finanzjarju. Tlift xewqat u pjanijiet tal-futur. Agħti lilek innifsek ċans biex tipproċessa dan kollu. Persuna professjonali taf tgħinek ukoll forsi tara x’tista’ titgħallem minn din l-esperjenza. Forsi għandek bżonn titkellem fuq x’ġara u jaf tieħu xi ħaġa mit-telf tar-relazzjoni. Jew forsi tista’ tara jekk hemmx xebh bejn din ir-relazzjoni u relazzjonijiet ta’ qabel. Forsi tista’ ssib pattern li għamilt f’kull relazzjoni u tkun tista’ taħdem fuqek innifsek.
- Importanti ħafna li f’dan iż-żmien tieħu ħsieb tiegħek innifsek. Agħmel attivitajiet li jikkalmawk: qatta’ ħin ma’ nies li tħobb, isma’ l-mużika, aqra ktieb, mur xi lezzjonijiet ta’ xi ħaġa li togħġbok pereżempju; yoga, gardening, kant etc. Daħħal lilek innifsek f’rutina strutturata biex tagħti lilek innifsek sens ta struttura u normalità. Prova ddurx għal vizzji bħal alkoħol, ikel eċċessiv eċċ. Sib affarijiet ġodda li jafu jagħtuk pjaċir. Hawn min isiefer waħda tajba, jew jibda passatemp ġdid. U l-iktar importanti – kul sew, agħmel eżerċizzju fiżiku, u orqod sew.
It-tmiem ta’ relazzjoni jaf ikun żmien diffiċli ħafna. Ara li dejjem ikollok is-sapport li għandek bżonn u qatt tistħi titlob l-għajnuna!
Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net
by Roberta Magri | 08/May/21 | Riflessjonijiet, Varjetà
Qabel xejn nixtieq nibda billi niċċara li jien m’għandi l-ebda kwalifiki fil-psikoloġija, iżda huwa suġġett li minn dejjem kien jinteressani u minbarra li nagħmel riċerka dwaru regolarment biex dejjem nitgħallem aktar, ħafna minn dak li naf, tgħallimtu mill-“università tal-ħajja” nħobb ngħid jien, għaliex minkejja li l-edukazzjoni akkademika hija importanti ħafna u neċessarja, mhemm xejn li jista’ jgħallmek aħjar mill-esperjenzi u s-sitwazzjonijiet tal-ħajja.
Għaldaqstant inħoss li għandi naqsam dak li naf, u r-riflessjonijiet tiegħi magħkom is-segwaċi ta’ skoperta.net.
Bħal kull ġurnata li tirrapreżenta sinjifikat partikolari, iġġib magħha emozzjonijiet differenti għal kulħadd u mhux kulħadd jista’, jew iħossu li jista’ jiċċelebra l-ġurnata.
Għal ħafna din hija ġurnata bħall-oħrajn, hija biss ġurnata minn dawk fejn il-materjaliżmu jirrenja, għaliex jemmnu li wieħed għandu juri l-imħabba u r-rispett matul is-sena kollha. Fil-fatt hekk hu, imma mbagħad hemm ħafna oħrajn li minkejja li wkoll jemmnu dan tal-aħħar, xorta jfittxu li jiċċelebraw din il-ġurnata u dak kollu relatat magħha.
Hemm ukoll ħafna oħrajn li din il-ġurnata tqanqlilhom emozzjonijiet negattivi, jistgħu wkoll iħossu li ma jafux kif se jirnexxilhom ikampaw f’din il-ġurnata.
L-ewwel u qabel kollox, minkejja li l-aspett bioloġiku għandu s-sinjifikat importanti tiegħu, madanakollu huma l-imħabba u l-imġiba li jiffurmaw u jirrapreżentaw verament l-irwol tal-persuna.
Għaldaqstant dik il-persuna li f’qalbha għandha mħabba ġenwina u bla kundizzjoni lejn kwalunkwe persuna oħra, lejn it-tfal tal-partner tagħha, lejn it-tfal adottivi tagħha, lejn it-tfal li għal xi raġuni jew oħra qed tieħu ħsieb, u iva, lejn l-annimali tagħha. Hemm ukoll dak il-missier li minbarra li għandu l-irwol ta’ missier, jieħu wkoll l-irwol tal-omm.
Dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jgħixu l-irwol ta’ omm, jixraqilhom li jiġu ċċelebrati mhux biss f’ġurnata partikolari imma kuljum.
Lil hinn minn hekk, insibu dawk il-persuni li ħafna drabi fis-skiet, din il-ġurnata hija sfida diffiċli ħafna għalihom..
Dawk il-persuni li tilfu lil ommhom, riċentament jew snin ilu.. Għaliex le, iż-żmien ma jtaffix l-uġigħ, biż-żmien tissaħħaħ u titgħallem tgħix bl-uġigħ.
Dawk il-persuni li tilfu wild, riċentament jew snin ilu.
Dawk il-persuni li qed jiffaċċjaw problemi u sfidi ta’ infertilità.
Dawk il-persuni li jixtiequ jsiru ommijiet bioloġiċi u għal xi raġunijiet ma jistgħux.
Dawk il-persuni li għal xi raġunijiet m’għandhomx kuntatt m’ommhom jew mat-tfal tagħhom, jew inkella jinsabu xi mkien fejn ma jistgħux iqattgħu l-ħin magħhom.
Dawk il-persuni li għadhom kemm irċevew aħbar li ommhom jew it-tfal tagħhom għandhom marda terminali.
Dawk il-persuni li ommhom m’għadhiex tagħrafhom.
Dawk il-persuni li ġew abbandunati jew abbużati minn ommhom jew mit-tfal tagħhom.
U ħafna oħrajn.
Bħal ma dejjem ngħid, f’ċirkostanzi bħal dawn l-ebda kelma ma tista’ tbiddel is-sitwazzjoni għall-aħjar għal dawn il-persuni, però…
Jekk int wieħed jew waħda minn dawn il-persuni, jekk tfittex sew ġewwa fik, issib is-saħħa biex jirnexxilek tkampa, mhux f’din il-ġurnata biss imma matul il-kumplament tal-ġranet kollha.
Jekk din il-ġurnata qed taraha bħala waħda minn dawk li tkun tixtieq tagħlaq għajnejk u tgħaddi, emmen li se tgħaddi wkoll.
Fittex li tqatta’ l-ġurnata billi..
Forsi tieħu ħsieb lilek innifsek aktar mis-soltu.
Tagħmel dak kollu li taħseb li se jgħin biex din il-ġurnata tkun, anki jekk ftit, inqas diffiċli.
Tipprova tiftakar f’memorji sbieħ.
Tipprova tiftakar fl-imħabba li tirċievi u li tagħti int stess.
Ħalli lilek innifsek tħoss dak kollu li qed tħoss mingħajr ma tipprova żżomm lura.
Li tibki xi bikja tajba, hija ħafna drabi bżonnjuża wkoll.
Tesprimi l-ħsibijiet u dak li qed tħoss permezz tal-kitba jew b’xi mod ieħor li tħoss li tista’ tesprimi ruħek.
Tmur mixja waħdek, jew ma’ xi kumpanija, fil-kampanja jew inkella ħdejn il-baħar.
Jekk hija sitwazzjoni li hemm possibilitajiet ta’ soluzzjonijiet għall-aħjar, aħseb fuqhom u x’tista’ tagħmel biex twettaqhom.
Fittex kumpanija ta’ persuni li tkun komda magħhom, li jitrasmettu enerġija pożittiva u ta’ mħabba, u li forsi anki tista’ titkellem magħhom dwar dak li qed tħoss għax taf li se jifhmuk.
Min-naħa l-oħra, jekk int għandek persuna f’ħajtek li taf li għaliha din hija ġurnata diffiċli aktar minn oħrajn, kun ċert li, bħal m’għandek tagħmel matul is-sena kollha, imma forsi xi ftit aktar minħabba l-fatt li tkun aktar diffiċli, tfakkar lill-persuna li int tinsab dejjem hemm għaliha. Li tfakkar lill-persuna kemm tfisser għalik, li lest li tisma’ dak li għandha xi tgħid, li mhijiex waħedha, kemm tħobbha u li tista’ taqsam dak li qed tħoss miegħek.
Ħafna kliem xi drabi jkun kollu żejjed, imma messaġġ anki b’kelma waħda, telefonata, jew ġest żgħir imma mill-qalb jistgħu jagħmlu differenza kbira.
Niddejjaq nispeċifika, għaliex fl-emozzjonijiet m’għandux ikun hemm speċifikazzjoni jekk intix raġel jew mara, iżda sfortunatament hemm tendenza li ħafna jaħsbu li l-irġiel ma jħossux bħal ma tħoss mara, jew saħansitra l-irġiel stess jaħsbu li ma jistgħux jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom minħabba ċerta mentalità li teżisti fost is-soċjetà, u fl-opinjoni tiegħi din hija teorija żbaljata…
Allura, qed infakkrek, li jekk int raġel, u din il-ġurnata hija diffiċli għalik, dan kollu li għidt jgħodd għalik ukoll.
Importanti li dejjem inżommu f’moħħna li l-fatt li jkollna mumenti u sfidi diffiċli, il-fatt li jkollna ġranet u perjodu fejn inħossuna dgħajfa u vulnerabbli, mhux għax verament inkunu dgħajfa, iżda għax aħna umani.
Xi mkien ġewwa fik se ssib dejjem dik is-saħħa biex tikkumbatti jekk tfittex sew, u jekk xi drabi tħoss li għandek bżonn l-għajnuna, fittixha, għaliex dik hija parti mis-saħħa ġewwiena tiegħek.