Bukkett Fjuri Ħomor (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Bukkett Fjuri Ħomor (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Issa x’kellu jaqbad jagħmel?
U dak il-ħin, ħass l-għaraq ħiereġ mill-pali ta’ jdejh bl-inkwiet! Tgħid kienet hi jew le? Imma lil tal-ħanut…………….
U dak il-ħin raha!
Ħarġet!
Beda jidħak waħdu qisu wieħed fidil.
Mara kemmxejn magħmula kbira, xagħarha folt kulur il-qastan, nuċċali ppuntat fil-ġnub, liebsa libsa skura kienet għadha kemm xirfet minn ġo dak il-bini b’bukkett fjuri f’idejha!
U l-fjuri…………il-fjuri ta’ din kienu ħomor!
Mingħajr ma qagħad jaħsibha darbtejn, ħareġ minn ġol-karozza, ġera lejn in-naħa tat-triq fejn kienet qiegħda din il-mara, rassha mal-ħajt u b’leħen għoli beda jgħajjarha kemm jiflaħ!
Xi nies li kienu fit-triq, skantaw iħarsu lejhom.
Lanqas fetħet ħalqha! Kienet tidher li twerwret minnu! U nħasdet mhux ftit!
“Smajt x’għidtlek?!” kompla jgħidilha b’leħen għoli, mimli mibgħeda.
Għal mument, kellu aptit jilgħabhielha ġo wiċċha, imma hu ma kienx raġel tal-vjolenza.
Hekk!
Hekk ma kinitx se terġa’ ċċempillu u ddejqu żgur!
U mela…………wiċċ imb’wiċċ! Mela toqgħod tinħeba wara t-telefon!
U malli telaq, ħass sodisfazzjon enormi!
Kien neħħa balla minn fuq l-istonku!
Mexa lejn il-karozza, injora n-nies kollha li kienu għadhom kollha kemm huma ċċassati minn kull angolu tat-triq u telaq ‘il bogħod.
L-ewwel post li mar, kien ħdejn Cedric.
“Ara x’għandi nħallsek ta’ dak il-bukkett fjuri ħomor!” qallu Neil.
“Eeeehhhhhh iva…………..imma se nnaqqaslek xi ħaġa mill-prezz, sieħbi,” wieġbu dak.
“U għala………?” qallu Neil.
U iva, l-importanti li kien taha ħasla kif kien imiss!
Lil Agnes.
Agnes Abela.
“Għax fjuri ħomor ma kienx fadalli, Neil. Lill-ħabiba kellna nibagħtulha fjuri bojod………..u iva mhux xorta waħda għalik?” staqsih dak.
Fjuri bojod.
Xufftejn Neil bjadu bil-qatgħa.
Mela dik mhux Agnes kienet.
Mhux Agnes Abela!
“Jien bukkett fjuri ħomor tlabtek!” Neil bilkemm felaħ jirrispondih!

Wirja tal-Arti Fotografika minn Andrew E Zarb – Mill-4 sat-18 ta’ Frar

Wirja tal-Arti Fotografika minn Andrew E Zarb – Mill-4 sat-18 ta’ Frar

Leto hija l-ewwel wirja għal Andrew E Zarb , fejn se jkun qiegħed jesibixxi esklussivament xogħlu. Din il-wirja se ssir bejn l-4 ta’ Frar u t-18 ta’ Frar ġewwa Art by the Seaside (65, triq il-Mina) l-Isla. Art Gallery li fetħet fl-2021 u li diġà qabdet ritmu tajjeb fix-xena tal-arti.


Leto fil-mitoloġija Griega hija Alla tal-maternità u l-umiltà. L-isem juri ċar it-tema ta’ din il-wirja, fejn permezz ta’ ritratti se naraw ommijiet fil-ġmiel kollu tagħhom, huma min huma u huma ta’ liema forma huma.


F’Leto ċerta li kull min se jattendi se jħoss ċertu paċi u ċertu sens ta’ wens, ħsus li jafu jħallu l-ommijiet biss fuq l-ulied. Tajjeb li nsemmi wkoll li f’din il-wirja Andrew jiftakar ukoll f’dawk l-ommijiet li għaddew għad-dinja l-oħra; li ċertament hija firda li ma nafx hawnx agħar minnha.


Andrew E Zarb tgħallem waħdu s-sengħa tal-fotografija. Din il-passjoni bdiet meta fl-2016, wara operazzjoni sab ruħu ġo sodda għal tliet xhur sa ma rkupra. Waqt dan il-perjodu sab ċans ifittex u jitgħallem fuq id-dinja tal-fotografija.

Beda b’diversi stili sa ma minn tliet snin ilu ‘l hawn ħassu komdu jiffoka fuq in-nudiżmu. Nudiżmu li juri b’eleganza kemm kull figura umana hija perfetta hi kif inhi, li jqanqal ħsus sottili ta’ ġmiel divin f’min japprezza dan ix-xogħol.

Mil-lenti t’Andrew naraw kif xogħlu jdur mal-ġisem uman. Jiffoka fuq dettalji, pożi u idealment bla użu ta’ props. Fix-xogħlijiet naraw prominenza femminili, dan minħabba l-fatt li mudelli maskili huma iktar rari biex isib. Iktar u iktar meta jaħdem fil-maġġoranza ma’ mudelli li mhumiex professjonali imma nies li jitħajru jippużaw, uħud anke biex jgħelbu ċerti ideat li ħolqu kontra l-apparenza tagħhom.

Għal aktar dettalji segwu l-paġna ta’ Art by the Seaside u anke l-event fuq Facebook: Leto – Goddess of Motherhood and Demureness.

Filmat: Verżjoni tal-Kanzunetta ‘All By Myself’ minn Destiny

Filmat: Verżjoni tal-Kanzunetta ‘All By Myself’ minn Destiny

Il-kantanta żagħżugħa Destiny, li ġimgħatejn oħra se tkun qed tirrapreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest f’Rotterdam, nediet vidjow mużikali bil-verżjoni tagħha tal-kanzunetta All By Myself.

Destiny qed tiddedika din il-kanzunetta lil dawk kollha li tilfu ħajjithom waqt il-pandemija, lill-frontliners kollha madwar id-dinja u lill-artisti.

Fil-vidjow, Destiny tidher tagħti l-prestazzjoni tagħha waħedha fit-Teatru Manoel. Jidhru wkoll xeni ta’ toroq u pjazez vojta.

Bil-vuċi unika tagħha kkumplimentat il-lirika ta’ din il-kanzunetta bl-għan li twassal messaġġ ta’ kuraġġ fi żmien fejn kulħadd b’xi mod jew ieħor ħassu waħdu f’din il-pandemija.

Enable Notifications OK No thanks