
Mhux vera li l-kamera ma tigdibx! – Tanja Cilia
Konna qed nilgħabu bil-kliem – mhux bid-diskors! – u għidt, kif dejjem ngħid, kemm hu sabiħ il-Malti.
L-Ingliżi għandhom corner, imma aħna għandna rokna u kantuniera.
L-Ingliżi għandhom selfie, u aħna għandna, jew almenu jista’ jkolna – selfie, selfek, selfu, selfha, selfna, selfkom, u selfhom… skont min jieħu r-ritratt u skont min jiġi fih.
Kulħadd daħaq, u fakkruni li bil-Malti, il-kelma hija stessu – imma ma ċedejtx. U kienu biss, li la m’għandniex ġens newtrali, il-kelma kellha tkun stessa, għax selfie huwa “xbiha”. Kien hemm min qabel miegħi, u kien hemm min qal li selfie huwa ritratt, u għaldaqstant, il-kelma tieħu nom tal-ġens maskil.
Jew, forsi, raġel jieħu stessu, u mara tieħu stessa.
Kos, kemm tixbaħ il-kelma selfish, hux, il-kelma selfies?
Ara tarawhiex bħali… hawn min jitfa’ għexieren ta’ ritratti fuq is-siti soċjali, biex kulħadd jgħaddi l-kummenti bħal “xi ġmiel” jew “kemm hu ħelu xagħrek hekk”…
Dan il-fenomenu narċissista tant ħa, li l-Oxford English Dictionary kien iddikjara li selfie hija l-kelma tas-sena fl-2013.
Hawn min jisħaq li huwa importanti li tgħix il-mument preżenti; u m’hemm xejn iżjed preżenti minn selfie, għax jurik kif int filwaqt u l-ħin li tkun ħadtu.
Kien fl-1839 li ttieħed l-ewwel “awto-ritratt”, kif issejjaħ dak iż-żmien. Robert Cornelius, dilettant tal-fotografija, spiżjar dilettant u spiżjar, li kien jgħix f’Philadelphia, irnexxielu jidħol f’ritratt li ħadu hu stess billi waqqaf il-kamera fuq tripied, ta l-ħabel lill-arloġġ, u ġera għal quddiem il-lenti.
Dawn il-mutetti m’għadx hawn bżonnhom, għax selfie jittieħed tipikament minn tablet, jew smartphone, jew webcam, b’mod instantanju.
Jingħad li l-kelma nnifisha kienet ivvintata fl-2002, meta Nathan Hope żagħżugħ Awstraljan, għalaq 21 sena. Waqt il-festin tiegħu, kien kemmxejn imlaħlaħ, iżda xorta dehrlu li kien kapaċi jieħu ritratt tiegħu innifsu; l-iżjed biex juri lid-dinja li kellu l-punti f’xoftu, fuq sit soċjali.
Il-kumment li tefa’ kien: u skużawni li dan mhux iffokat, għax dan selfie…
Nibtu l-Ħelfie (selfie tax-xagħar), il-Belfie (selfie tal-warrani), u l-Welfie (waqt li wieħed ikun qiegħed jagħmel xi eżerċizzju). U hemm ukoll, ħaġa tal-għaġeb, id-Drelfie, li wieħd jieħu meta jkun fis-sakra.
Hemm saħansitra sit minnhom invażat b’selfies li jittieħdu waqt funeral… f’uħud minnhom saħansitra jidhru l-kadavri fit-twiebet miftuħa.
Imma dawn in-nies jafu jistħu? Jew tant huma wiċċhom sfiq li anqas tgħaddilhom minn moħħom li għandhom jistħu?
Il-kelma selfie nnifisha turi li r-ritratt huwa xi ħaġa egoċentrika. X’jimporta li int mort Ta’ Pinu, jew it-Taj Mahal, jew il-Piramidi, jew is-Sydney Opera House? Mhux basta tieħu selfie? Ħalliha tinżel, lix-xemx, u tinseġ elf kulur fuq ix-xefaq. Mhux basta tieħu ritratt tiegħek innifsek quddiemha? Jekk mhux għal kollox isbaħ, imma għall-anqas, żgur iżjed importanti…
Hawn min jgħidlek biex ma tintremiex, u hawn min jgħidlek biex ma tiftaħarx, għax jisħtuk. Mela allura, l-ewwel iżżejjen il-paġni tiegħek b’għadd ta’ selfies, u mbagħad tgħid “Isma’, il-ġmiel mhux kollox…” Mela allura, qed tikkonferma li int taħseb li int sabiħa, u wara, tgħidilna li taħseb li għandek doni oħrajn ukoll.
Il-ħajja ta’ vera ta’ xi wħud twaħħdet mal-ħajja diġitali tagħhom. Nafu x’kielu, meta biddlu l-kulur ta’ xagħarhom, fejn marru, u ma’ min iltaqgħu iżjed milli t-telespettaturi ta’ The Truman Show kienu jkunu jafu x’qed jagħmel Truman Burbank [parti maħduma minn Jim Carey].
Il-lenti ta’ quddiemhom forsi ma tħallihomx ikunu “huma”, iżda jsiru “huma ta’ quddiem il-kamera”, artifiċjali u mimlija bihom infushom. Int trid tkun bħal qatta’ oħrajn li qabel joħorġu mid-dar jiġbdu ritratt? Int trid li titfa’ selfie f’xi wieħed minn dawk is-siti fejn jgħidulek “Jaqq kemm int ikraħ, mur aqbeż minn fuq is-sur…”?
Aħna nafu kif il-fotografi tal-midja jsusu wara l-personalitajiet biex jiġbdulhom ir-ritratti meta jkunu mhux f’tagħhom. U dawn, biex juruna li huma xorta sbieħ, u mhux dejjem ikunu libsin tracksuit kerha, jitfgħu ħafna selfies fuq is-siti tagħhom.
Snapchat, Tumblr, Facebook, Twitter, u siti oħra, lilna jagħtuna l-istess opportunità… għax jekk xi ħadd ma jaħmilniex pinġuti jitfa’ ritratt tagħna qisna x-xuxani, jew meta nkunu qed nirrabjaw, biex iwaqqgħuna għaċ-ċajt, aħna dlonk nitfgħu ħamsa, sitta, bil-kosmetiċi u b’maxta perfetta.
Aħna min aħna? Dawk li jidhru fir-rirtatti “mhux tagħna”; jew dawk tas-selfies, li qatt ma juruna mill-ġenb biex imneħierna ma jidhirx kbir, jew x’imkien fin-nofs? Jew dawn huma tliet diskrizzjonijiet foloz, għax l-awtentiċità ma titkejjilx?

Kittieba
Ġurnalista
Opinjonista