Select Page
“Il-Mulej salvak” – Omm Fabrizio

“Il-Mulej salvak” – Omm Fabrizio

Illum Fabrizio Faniello qed jiċċelebra jum speċjali.

Fuq Facebook huwa kiteb, “Illum jum speċjali għalija. Kuntent b’dak li rnexxieli nikseb u dejjem grat għal dawk li emmnu fija u kienu hemm għalija. Emmen fik innifsek u staqsi dejjem għall-grazzji tiegħU. Qatt mhu tard.”

F’kumment, ommu, Anna Faniello kitbitlu, “Proset ibni. Kompli żomm sod u tħalli xejn jfixxklek. Il-Mulej salvak għax int emmint fil-ħniena tiegħu. Kulħadd jiżbalja. L-importanti li terġa’ temmen fik u tqum fuq saqajk. Grazzi kbira lil kull min kien hemm għalik għax għenuk terġa’ tgħix. GRAZZI. Inħobbok Fabrizio. Jien dejjem hawn għalik ibni.”

Snin ilu fuq Xarabank, Fabrizio kien qasam li kien vittma tad-droga u kif bl-għajnuna ta’ Caritas ħareġ minn dan il-vizzju.

“Tkellimx stranġieri, Caroline” (It-tieni parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

“Tkellimx stranġieri, Caroline” (It-tieni parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Caroline baxxiet rasha u għalqet ħalqha. Kienet diġà qaltilha kemm-il darba. Iżda nannitha kienet insiet.
Ħadu t-te fis-skiet. Iż-żgħira qabdet il-basket tal-iskola, libset iż-żarbun u eżatt malli waslet maġenb il-bieb ta’ barra, tat ħarsa ħafifa lejn nannitha li kienet reġgħet sabet postha fuq is-siġġu maġenb it-tieqa, bl-istess ktejjeb f’idha.
“Tkellimx stranġieri, Caroline,” qaltilha nannitha b’vuċi soda.
Għalkemm kienet taf li nannitha ma kinitx ratha, għamlitilha iva b’rasha u telqet tiġri ‘l barra mid-dar, tħaffef lejn l-istejġ fejn kienet tgħaddi l-karozza tal-linja għaliha.
Xħin ix-xarabank tfaċċat, Caroline poġġiet bilqiegħda fuq quddiem nett, donnha tibża’ tħares lura għax tara lilu hemm. Ma ħarsitx. Anzi, żammet rasha dritta ‘l quddiem taparsi mhix qiegħda tiddejjaq.
Xħin waslet maġenb l-iskola, telqet tiġri ‘l barra mingħajr ma ħarset ‘il ġewwa, tieqaf eżattament bilwieqfa, tħares lejn il-karozza tal-linja titbiegħed.
Qalbha għamlet tikk.
Ratu.
Raġel liebes skur u kappell.
Kien jidher fuq wara nett tal-karozza tal-linja u għal dak il-frazzjon ta’ mument, għajnejhom iltaqgħu.
Caroline ħasset il-kesħa tiela’ ‘l fuq minn saqajha lejn għonqha.
Tgħid kien qed isegwiha?
“Tkellimx stranġieri, Caroline,” ftakret f’leħen nannitha.
“Jekk ma nkellmux, ma jiġrili xejn…..” qalet lilha nnifisha hekk kif telqet tħaffef lejn l-iskola.
Iżda dakinhar stess filgħaxija kienet qiegħda terġa’ tħossha tibża’ milli tirkeb il-karozza tal-linja. Beżgħet, iva beżgħet minnu! Kien qed ikun hemm ta’ spiss! Kieku setgħet, kienet timxiha! Iżda kellha biċċa triq mhux ħażin u n-nanna kienet tkun qed tistenniha b’dik il-borma minestra jew brodu b’togħma bnina.
Waslet ix-xarabank.
“Narak għada Caroline!” qaltilha Shelley, ħabiba tagħha, hekk kif infirdu malli Caroline telgħet l-ewwel staffa b’qalbha tħabbat sitta sitta.
Dawwret ħarsitha lejn in-nies kollha li kienu rekbin. Ħadet nifs twil u ħassitha aħjar. Ma kienx qiegħed hemm illum! F’dak il-mument, ħassitha ferħana. Ajma, għall-erwieħ!
Tbissmet waħedha hekk kif ħarset ‘il barra mill-ħġieġa tal-karozza tal-linja, tifli ġnien sabiħ li kien hemm fil-viċinanzi. Kellha seba’ mitt sena sakemm tasal id-dar!

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

“Nibqa’ nemmen lil Amber” – Peppi dwar il-każ ta’ Johnny Depp u l-eks mara tiegħu

“Nibqa’ nemmen lil Amber” – Peppi dwar il-każ ta’ Johnny Depp u l-eks mara tiegħu

Kienu ħafna li f’dawn l-aħħar ġimgħat segwew il-każ ta’ Johnny Depp u l-eks mara tiegħu Amber Heard. Wara tant stennija, il-bieraħ ħareġ il-verdett favur Johnny Depp u naturalment, dan qajjem diversi reazzjonijiet.

Evidentament, Johnny Depp ikkonvinċa bil-wisq aktar mill-eks martu, mhux biss fil-qorti iżda anki mill-pubbliku inġenerali madwar id-dinja.

Fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Xarabank, Peppi Azzopardi esprima l-opinjoni tiegħu dwar dan, li hija ferm differenti minn dik li kif jidher, taħsibha l-maġġoranza.

Minkejja l-verdett, Peppi għamilha ċara li hu jagħżel li jibqa’ jemmen lil Amber.

Huwa qal li sentejn ilu, fl-Ingilterra l-Qorti sabet li hemm biżżejjed provi li Johnny Depp kien isawwat lill-mara tiegħu Amber Heard u qalet li 12 mill-14-il storja dwar swat u abbuż fuq Amber Heard minn Johnny Depp kienu vera.

Żied jgħid li sentejn wara fl-Amerika, il-Qorti sabet li Amber Heard kienet qed tigdeb u li Johnny Depp qatt qatt ma sawwat lill-mara tiegħu Amber Heard.

Sostna li d-differenza hi li tal-Ingilterra semagħha u ddeċieda mħallef filwaqt li tal-Amerika ddeċidew 7 ġurati.

“Seba’ ġurati li ntgħażlu mingħajr ebda kwalifika fil-liġi. Tant ma kellhomx idea li meta ħarġu bil-verdett, l-imħallef bagħtithom lura għax ħallew il-vojt f’mistoqsijiet importanti.
Ħeq ma ttihomx tort. Fejn jafu dawn. Fejn jifhmu. Il-ġurati, anke hawn Malta, ma jintgħażlux għax jifhmu imma għax huma ċittadini. Qishom jagħżlu lili biex niġġudika konkors tal-ballet. Qisu jkollok uġigħ ta’ ras u tmur tara x’għandek għand mekkanik. Ilni iktar minn 20 sena nikteb u nitkellem kontra s-sistema inġusta tal-ġuri.”

Peppi Azzopardi

Peppi sostna li kienet ovvja li lbieraħ 5 irġiel u 2 nisa ġurati nġarrew ma’ dak li kienet qed tgħid l-opinjoni pubblika.

Skont Peppi, din kienet sentenza oxxena tal-Qorti tal-poplu. Kienet sentenza ta’ miljuni ta’ nies li qabel beda l-ġuri kienu diġà ħammġu u ddemonizzaw lil Amber Heard.

“Biljuni ta’ posts konta tagħha li ovvja kellhom l-effett fuq il-ġurati anke qabel beda l-ġuri. Dan il-ġuri qatt ma messu kien fuq it-televixin u s-social media live. TikTok bil-hashtag #justiceforjohnnydepp rawh 18-il biljun ruħ. Min taħsbu li baqa’ jinsisti li jkun fuq it-tv? Johnny Depp li kien jaf li l-fama tiegħu kienet diġà sabitu innoċenti u ried ikompli jagħmel ix-show.”

Peppi Azzopardi

Peppi kompla jgħid li fil-Qorti ħareġ messaġġ li kien bagħat Johnny Depp u li l-ġurati injoraw kompletament. “I will fuck her burnt corpse afterwards to make sure she’s dead,”

Huwa kkonkluda l-messaġġ tiegħu billi qal li fid-dinja hawn ħafna nisa msawta li jibżgħu jitkellmu għax ma jemmnuhomx.

“Iltqajt ma’ każ fejn din il-mara kienet qed taħrab mill-partner tagħha li kien isawwatha bl-addoċċ u ħadd ma beda jieqaf jismagħha u jemminha. Emmnuha meta qatilha.”

Peppi Azzopardi

“Nibqa’ nemmen lil Amber” – Peppi Azzopardi

Sentejn ilu, fl-Ingilterra l-Qorti sabet li hemm biżżejjed provi li Johnny…

Posted by Xarabank on Wednesday, June 1, 2022

Austin – Ir-raġel li ddedika ħajtu kompletament għall-annimali

Austin – Ir-raġel li ddedika ħajtu kompletament għall-annimali

Ilbieraħ tħabbret il-mewt ta’ Austin, ir-raġel li ddedika ħajtu kompletament għall-annimali.

Skoprejna dwar l-imħabba u d-dedikazzjoni kbira ta’ Austin għall-annimali madwar 11-il sena ilu, meta Xarabank wassal l-istorja tiegħu.

Għal ħafna snin, Austin għex waħdu ma’ aktar minn 80 kelb u qattus, mingħajr elettriku, għaliex kien aktar importanti għalih li jagħti dak kollu li jista’ lill-annimali u jieħu ħsiebhom milli li jgħix f’ambjent aktar komdu għalih.

Minkejja dan, huwa kien jgħix kuntent u ma kienx jimmaġina ħajtu modieħor.

Austin trabba mas-sorijiet tal-Ursolini, u l-imħabba tiegħu lejn l-annimali nibtet minn ta’ età żgħira. Fil-filmat ta’ Xarabank, huwa stqarr li kellu ħajja pjuttost iebsa iżda l-annimali kienu ħajtu u li kieku ma kellux lilhom ma kien ikollu lil ħadd.

Minħabba li Austin kien marad u kellu bżonn il-kura, l-Island Sanctuary għenuh ħadulu ħafna mill-klieb u l-qtates u ħalla ftit biss miegħu.

Ċertament li dak ir-raġel, li seraq il-qlub ta’ ħafna, partikolarment dawk li jħobbu lill-annimali, madwar 11-il sena ilu, se jibqa’ mfakkar għall-persuna speċjali li kien.

L-aħħar tislima lil Austin se tingħata nhar il-Ħamis it-2 ta’ Ġunju fis-14:30 fil-knisja tal-Madonna tad-Duluri, il-Ħamrun.

Insellmulek Austin!

“Kont naf li qiegħda f’punt li jekk ma nagħmilx xi ħaġa se nispiċċa agħar milli kont..u fittixt l-għajnuna” – Marilyn Mintoff

“Kont naf li qiegħda f’punt li jekk ma nagħmilx xi ħaġa se nispiċċa agħar milli kont..u fittixt l-għajnuna” – Marilyn Mintoff

Nitkellmu ma’ Marilyn Mintoff

Marilyn, għidilna ftit dwarek.. min hi Marilyn Mintoff? U x’inhu xogħlok eżattament?

Jiena Marilyn. Għandi 28 sena. Ġejja minn familja ta’ 5, u jiena tewmija. Gradwata b’Baċċellerat bl-Unuri u bl-ewwel grad fil-Malti u kkwalifikata bħala qarrejja tal-provi wkoll. Ilni għal dawn l-aħħar kważi 5 snin naħdem mal-kumpanija WE Media Limited bħala producer u scriptwriter.

Bħala passatempi nħobb naqra ħafna u nara xi series tajjeb, u nqatta’ ħin mal-qattusa Minty. Inżomm ruħi aġġornata bil-ġrajjiet kurrenti li qed jiġru fil-pajjiż. Jiena nemmen ħafna f’Alla u fil-Knisja, u nipprova ngħix il-fidi tiegħi.

Kif iddeċidejt li tidħol fid-dinja tal-midja?

Il-kitba minn dejjem ħabbejtha. Kont nikteb poeżija ’l hemm u ’l hawn iżda qatt ma kont naf x’ridt insir. Lanqas wara li ggradwajt. Kont naf li nixtieq li b’xi mod dak li studjajt nibqa’ nużah, u għaldaqstant bdejt infittex xogħlijiet fejn nista’ nħaddem il-Malti.

Bdejt ma’ Newsbook u RTK dak iż-żmien, fejn esperjenzajt il-ġurnaliżmu, ħdimt ukoll mal-Bay Radio u mbagħad dħalt mal-WE Media fejn nistqarr li sfruttajt il-kreattività li kienet moħbija, bdejt nikteb u nipproduċi stejjer u hekk dħalt fid-dinja tal-midja.

Peppi Azzopardi. Xi jfisser għalik?

Peppi huwa l-bniedem li jispirani. Inħossni kburija li naħdem miegħu. Illum iktar milli kollega, inħares lejh bħala l-ikbar ħabib tiegħi. Kien hemm għalija, nista’ ngħid, fl-isbaħ mumenti tal-karriera tiegħi u kull pass għamiltu grazzi għalih. Dejjem jiggwidani, dejjem jgħallimni f’dak li għandu x’jaqsam mal-midja imma fuq kollox għallimni dak li qatt ma sibt fil-kotba, il-valuri Nsara fil-prattika fil-ħajja ta’ kuljum.

Diversi drabi kkummentajt li tgħallimt ħafna mingħand Peppi. X’inhi l-iktar ħaġa li tgħallimt mingħandu li għamlet differenza f’ħajtek?

Tgħallimt naħfer u nħobb anke lil minn weġġgħani f’ħajti. Dik l-ikbar ħaġa li tgħallimt mingħandu. Tgħallimt kif ngħin bla ebda kundizzjoni u bil-ħidma tiegħi ngħin lil min hu batut u lil min m’għandux vuċi.

Int li taf lil Peppi personali, x’taħseb li huma r-raġunijiet li ħafna drabi jiġi interpretat b’mod negattiv minn ħafna nies? X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan?

Huwa qatt ma jagħmel xejn biex jingħoġob, u anke jekk jaf li b’dak li se jgħid u jagħmel jaf li ħa jkollu t-theddid jew lil kulħadd kontrih, jagħmilha xorta, għax jaf hemm lenti li forsi l-maġġoranza tan-nies mhux jarawha, iżda li hu qed jaraha. Għalhekk jieħu pożizzjoni li ħaddieħor m’għandux il-kuraġġ li jieħu. Jibqa’ jirsisti u jaħdem biex issir ġustizzja ma’ bniedem.

Jiena nemmen li meta tiltaqa’ personalment miegħu tibdel il-perspettiva tiegħek fuqu. Naf għax inqatta’ ħinijiet twal miegħu u persuni li għajruh jew weġġgħu, jiltaqgħu miegħu wara li jkun stedinhom huwa stess, u jaraw il-bniedem vera li ma jaħseb f’xejn għajr il-batut.

Ħafna jgħiduli ‘kemm intelaq Peppi’, ‘Meta se jaqta’ xagħru’, dan għaliex ħajtu jgħaddiha jaħseb f’ħaddieħor u mhux fih innifsu, u jieħu l-problemi ta’ ħaddieħor fuqu u jieħu azzjoni. Il-prijoritajiet tiegħu huma n-nies li għaddejjin minn problemi soċjali, u mhux kif se jidher tajjeb quddiem in-nies, għalih dan sekondarju fejn it-tbatija tan-nies.

Liema kien wieħed mill-mumenti li kellkom flimkien li tibqa’ tgħożż?

Naħseb l-iktar mument li nibqa’ ngħożż huwa meta kont għaddejja mill-ikrah perjodu ta’ ħajti u qgħad jismagħni u jibki miegħi, u ra x’għamel biex jiena nsib lili nnifsi.

X’inhu l-akbar sodisfazzjon li jagħtik xogħlok?

L-akbar sodisfazzjon meta bix-xogħol li nkun ipproduċejt, jissarraf f’għajnuna għal dawk fi bżonn. Meta tasal maratona, naf xi jkun ġej u x’sagrifiċċji rrid nagħmel u iva jiġu waqtiet diffiċli għax meta nara u mmiss il-mard bl-istejjer li nagħmlu nitkisser. Imma mbagħad dejjem inżomm f’moħħi li dak li qed nagħmel qed nagħmlu biex ngħin lil min qiegħed fil-bżonn. Allura meta nipproduċi l-clips ta’ maratona, u tinġabar somma sabiħa, ngħid dak kollu li għaddejt minnu, mhux biss iggwadanjat jiena għax dawn l-istejjer ikunu qed jibnu lili bħala persuna, imma iktar minn hekk qed jigwadanjaw in-nies li għandhom bżonn l-għajnuna.

X’tgħidilna dwar il-Professur Oliver Friġġieri u l-kuntatt li kellek miegħu?

Il-Professur Oliver, apparti kien wieħed mil-letturi tiegħi meta kont studenta l-Università, kien it-tutur tiegħi. Minbarra li f’għajnejja kien poeta u professur li għallimni, għalija kien Nisrani li evanġelizza lill-istudenti tiegħu, fis-silenzju, bla ebda daqq ta’ trombi.

Nimpressjona ruħi bl-umiltà li kellu Friggieri. Din tintwera fil-kitba tiegħu, meta jaħseb anke f’dudu, ħlejqa li fil-ħajja ta’ kuljum nafu li teżisti imma qajla jimpurtana minnha. Niftakar f’episodju minnhom meta waqt lekċer ikkwota dan il-proverbju; “Bdejt ingerger għax ma kellix żarbun sakemm rajt bniedem bla saqajn”. Friggieri kien iġibek konxja biex tħares lejn il-bżonnijiet ta’ ħaddieħor u mhux tiegħek biss, tapprezza dak li għandek u mhux f’dak li tixtieq li forsi m’intix bżonnu fil-verità. Iżda l-imħabba li kellu Friggieri ma kinitx biss lejn il-ħlejjaq iż-żgħar. Kien jimpurtah ukoll mill-bniedem, dak li għandu vuċi, mhux bħal dudu li m’għandux, u kien jirrikonoxxi t-tbatijiet li jkollu jgħaddi minnhom.

Ir-relazzjoni ta’ bejnietna baqgħet anke wara li jiena gradwajt. Konna nikkomunikaw b’xi telefonata imma l-iktar bl-imejls. Darba bgħattlu biex nistaqsih kif inhu u kien bagħatli hekk:

Għażiża Marilyn, M’iniex ħazin, nirringrazzja lil Alla. Meta mbagħad għad jiskot fommi, u riġlejja jeħlu mal-art, u nteftef b’idejja t-tnejn biex nagħti l-aħħar passi, nittama li nkun għedt kull kelma li kelli nagħżel fil-kuntratt ta’ ħajti, u li biha stajt missejt il-qalb ta’ xi ħadd, minn dudu sa bniedem.

U mbagħad meta idi tingħalaq bħal warda li ma tistax tiftaħ, u tieqaf u l-pinna taqagħli minn idi, imbagħad, nittama li jkun sebaħ, u nkun tgħallimt il-lingwa tas-skiet. Jekk għad fis-skiet niskopri ħsejjes ġodda, u jarġa’ jaqa’ f’ħoġri l-kliem mill-għoli, allura nkun wasalt biex fhimt il-kwiekeb, muti bħali, … allura l-alfabett ikun ħafif, u b’id titriegħed, l-id bla żmien ta’ tfajjel, nonqox bih ktieb ieħor. Sa dak il-ħin bl-arloġġ marbut mal-polz li għadu jtektek, nistenna l-minutiera tasal f’postha, u nġorr fl-ixkora tiegħi kliemi kollu, bit-tama li jwassalni sat-tarf l-ieħor.

Ikun dal-kliem il-kliem li bih insellem jekk qatt ma nasal nagħżel kelma oħra. Għażiża Marilyn, ma nafx kif, imma dawn huma versi, xejn riveduti, li ktibt issa malli bdejt niktiblek, u kont wasalt fil-kelma ‘Alla’. Ma rrevedejthomx. Żommhom bħala ringrazzjament lilek għall-ġentilezza tiegħek. Għadni nikteb eccetra, u nippubblika kotba u artikli barra minn Malta, bħal qabel… Meta jogħġbok għaddi, u qis li tgħidli kull meta taħseb li nista’ nkunlek ta’ xi għajnuna. Ibqa’ emmen, ibqa’ tbissem – ikun xi jkun it-temp, ibqa’ tajba, ikun xi jkun it-temp.

Meta kont qrajtha, niftakar li kont tħassibt ħafna. U ktibtlu lura hekk:

Żgur mhux forsi ħallejtni bla kliem. Napprezza ħafna l-e-mail li bgħattli u dan il-kliem se ngħożżu għal dejjem. Profs, offrejt il-quddies għalik u ħafna talb għalik. Nixtieq li nsibu ċans u niltaqgħu ftit, jekk ma jimpurtax sabiex fl-istess ħin ngħaddilek kopja tat-teżi tiegħi li saret bl-għajnuna u l-kuraġġ tiegħek. Bilħaqq, missejt ħafna qlub tibżax u bl-azzjonijiet tiegħek naf fiċ-ċert li wassalt lil Kristu lil diversi nies, fosthom l-istudenti.

U ftit ġranet wara fil-fatt kont mort inżuru l-uffiċċju, fejn bħalma kien jagħmel ħafna drabi, qabel ħriġt tani ktieb minn tiegħu u ffirmah. Għadda ż-żmien. Bqajna f’kuntatt sa ftit xhur ilu qabel ma ħalliena. Dakinhar li miet ħassejt li għandi nesprimi ruħi bil-kitba fuq il-midja soċjali, imma x’se ngħid ma kontx naf. Dak il-ħin mort lura għall-imejls li konna nibagħtu lil xulxin u telgħet dik l-imejl li kien bagħatli, li fih jiddeskrivi l-vjaġġ tal-mewt tiegħu.

Bkejt, u domt nibki. Ma stajtx naċċetta li mhux se jkun hemm okkażjoni oħra li nitkellem miegħu jew li nisma’ ‘kif nista’ ngħinek onorevoli?’ kif kien isejjaħli biex jaqbad miegħi minħabba li kunjomi l-istess bħal ta’ eks Prim Ministru. 

Minbarra li ma stajtx naċċetta li ħalliena, indunajt kemm kienet profonda dik l-imejl u bdejt nistaqsi imma kif minn tant nies, qasam dan kollu miegħi. U ddeċidejt li bħalma huwa qasam il-vjaġġ tal-mewt tiegħu miegħi, jiena għandi naqsamha mal-pubbliku, speċjalment meta fil-kuntratt ta’ ħajtu ttama li mess il-qalb ta’ xi ħadd, minn bniedem sa dudu. Xtaqt li jkun jaf li mess mhux qalb waħda imma ta’ bosta. Iktar tard filgħaxija, tikteb in-neputija tiegħu tgħid li l-Professur Friggieri miet bħalma kien qal lili.

Marilyn, naf li l-ansjetà hija sfida kbira f’ħajtek. Meta kien il-mument li ġejt l-aktar konxja li qed taħkmek l-ansjetà? X’kienu s-sintomi li l-iktar li kienu qed jaffettwawlek ħajtek?

Minn dejjem kont bniedma anzjuża iżda tlift il-kontroll sena ilu, meta eskalat. Kont għaddejt minn sitwazzjoni fejn tlift kull tama fil-ħajja, fil-bniedem u fuq kollox tlift lili nnifsi. Ma bqajtx nagħraf jiena min jien. Ġranet ma nikolx, ma norqodx, u kien jiddispjaċini li l-għada se naffaċċja ġurnata oħra hekk. Kont għejejt ngħix. Fi ftit xhur tlift mat-18-il kilo. Mhux għax ridt imma għax l-ansjetà bdiet tikolni minn ġewwa. L-agħar mument kien ikun filgħodu, meta kont inqum, u kont inħossni għajjiena siegħa biss wara li nkun qomt. Qalbi tkun trid toħroġ minn postha, kont inħossni maqtugħa mill-ħajja reali, konfuża, dardir liema bħalu, u ħsibijiet wieħed wara l-ieħor tal-uġigħ, ta’ dak li affaċċjat u dak li għadni rrid naffaċċja.

Ladarba kont konxja, kif irnexxielek tiffaċċjaha? X’għamilt dwarha?

Kont naf li qiegħda f’punt li jekk ma nagħmilx xi ħaġa se nispiċċa agħar milli kont. Għamilt kuntatt ma’ Richmond Foundation u bdejt ningħata l-għajnuna. Insofri minn high functioning anxiety u high functioning depression. Minkejja dan, persuna bħali xorta tmur għax-xogħol u tagħmel l-affarijiet ta’ kuljum, iżda ssofri fis-skiet, għax għad-dinja ta’ barra jaraw din il-persuna kompletament f’saħħitha iżda l-persuna li qed tgħaddi minnha tkun qed iġġorrha fi skiet.

Illum għadni qed ningħata t-terapija minn Claire Borg, grazzi għal Richmond Foundation, u għadni bil-medikazzjoni, imma l-ikbar xogħol irrid nagħmlu jiena wara u qabel kull sessjoni, fejn grazzi għat-terapista tiegħi, nipprova nikkontrollaha, u fuq kollox is-sigriet wara dan kollu huwa li nħobb lili nnifsi. Indunajt, bl-għajnuna, li ġrali li ġrali għax qatt ma ħabbejt lili nnifsi biżżejjed u dejjem poġġejt lill-persuni oħra, ix-xogħol u ċ-ċirkostanzi qabel lili nnifsi u b’hekk tlift lili nnifsi. Jiena ma ngħidx li erġajt sibt lili nnifsi imma li wara 27 sena, issa sibt lili nnifsi, issa qed inħobb lili nnifsi u l-kuntentizza ma nħallihiex tiddependi minn ħaddieħor jew minn esperjenzi, imma nfittixha u nsibha fija nnifsi. L-eżerċizzji li qed nitgħallem mit-terapija nipprova nagħmilhom u fuq kollox inżomm lil Alla fiċ-ċentru ta’ ħajti, u nfakkar lili nnifsi li nibqa’ nippersisti biex jiena nkun aħjar, inħossni aħjar, inħobb u nkun hemm għal ħaddieħor bla ma ninsa lili nnifsi għax dak il-qiegħ li jiena missejt, ma rridx nerġa’ mmissu. Mhux qed ngħid li ma ngħaddix minn mumenti simili, imma nipprova nikkontrolla lili nnifsi. U dan grazzi għat-terapija, għall-familja, għal sħabi; b’mod partikolari lil Peppi, Mandy u Maria.

Taħseb li hawn biżżejjed kuxjenza dwar is-saħħa mentali? Taħseb li saret aktar faċli li wieħed jitkellem u jfittex l-għajnuna mingħajr ma jiġi ttimbrat jew iġġudikat?

Qatt mhu biżżejjed. Dejjem hemm xi jsir. Però nemmen li bl-għarfien li qed jitqajjem qed issir iktar faċli biex bniedem jitkellem u jfittex l-għajnuna. Naħseb li kull bniedem f’ħajtu se jmiss ma’ esperjenzi li se jaffettwawlu s-saħħa mentali tiegħu, u jekk jibża’ li se jiġi ttimbrat jew iġġudikat, għandu jżomm f’moħħu li mhuwiex waħdu, u ma jħalli xejn u lil ħadd iżommu lura milli jingħata l-għajnuna, għax din l-għajnuna se tbiddlu ħajtu. Ġieli jgħiduli, “kif għadek tieħu l-pirmli? jew “Issa pprova naqqashom” jew, “Dawn ma għandekx bżonnhom, kapaċi waħdek. Dawn se jikkontrollawlek ħajtek.” F’qalbi ngħid, għad fadal xi jsir. Li tirkupra ma jfissirx li tkun fiqt għax dan huwa proċess, kollu tlajja’ u nżul.

Taħseb li għandu jkun hawn aktar għarfien dwar kif il-persuni li jkunu l-iktar qrib tal-individwu li jkun għaddej minn sfidi psikoloġiċi jistgħu mhux biss jifhmu aktar imma jgħinu lill-individwu bl-aħjar mod?

Iva naħseb li għandu jkun hawn iżjed għarfien. Jiena nħossni xxurtjata li għandi l-familja u l-ħbieb li dejjem fehmuni f’dan il-perjodu. Imma fehmu jew għax għaddew jew qed jgħaddu minnha jew għax esperjenzawha fil-viċin ma’ ħaddieħor. Meta bniedem tarah f’dik is-sura, titlaq kollox biex terġa’ tarah f’saħħtu mill-ġdid, għax apparti li jbati l-persuna li tkun għaddejja minnha, il-familja tbati wkoll. Ġieli ġraw episodji koroh, fejn ħuti Adriana u Annalise, u ommi u missieri telqu kollox minn idejhom biex jiġu ħdejja ħalli jgħinuni għax tant kont inħossni ħażin li kont nibża’ minni nnifsi.

Mill-esperjenza tiegħek, x’inhi l-iktar ħaġa li jagħmlu jew jgħidu n-nies li ma tgħin xejn lil min ikun għaddej minn sfidi psikoloġiċi, u l-ħaġa li tgħin ħafna?

L-iktar ħaġa li ma tgħinx fejn in-nies jaħsbu li dan huwa biss ‘dwejjaq’. Tismagħhom jgħidu ‘illum ftit depressed’. Meta sfidi psikoloġiċi huma aktar minn dwejjaq. Ċerti kummenti bħal dawn inħoss li ma jkunux qed jifhmu, u ma nagħtihomx tort għax sinjal li baqa’ iktar xi jsir. L-iktar ħaġa li tgħin huwa li jkunu hemm jappoġġjawk, li jistaqsu kif inti, u ma jitilquhomx. Telefonata jew messaġġ tagħmel differenza.

Illum, kif tħossok? Kif jirnexxilek tkompli bil-ħajja tiegħek u żżomm l-ansjetà taħt kontroll?

Illum inħossni aħjar. Kif għedt, għadni ningħata u nieħu l-għajnuna, u bl-eżerċizzji li tgħidli bihom it-terapista jgħinuni nżomm l-ansjetà taħt kontroll. Illum naf x’għandi nagħmel biex mhux l-ansjetà tikkontrollani imma jiena nikkontrollaha.

Int tipproduċi diversi maratoni u tiltaqa’ ma’ diversi stejjer li wħud minnhom ikunu diffiċli ħafna. Kif jaffettwawk personalment? U liema żewġ stejjer li ħallew l-iktar impatt fuqek personali?

Jaffettwawni, iktar u iktar meta jiena nbati minn problemi ta’ saħħa mentali imma t-terapija qed tgħinni wkoll f’dan ir-rigward. Jaffettwawni bla ma nkun naf għax anke nħoss xi ħaġa, moħħi jmur għal xi storja li nkun smajt u nibda naħseb li għandi bħal dik il-persuna, meta nagħmel iljieli sħaħ noħlom fuq rakkont ta’ persuna u ma nkunx nista’ nneħħih minn quddiem għajnejja, il-biki li nibki għax inkun irrid lil dawn il-persuni jfiqu u nkun irrid ngħinhom imma ma nkun nista’ nagħmel xejn ħlief li nitlob għalihom. Jaffettwawni. U naħseb l-iżjed perjodu diffiċli fil-karriera tiegħi meta tlajt Sutton, l-Ingilterra, u intervistajt nies morda bil-kanċer għall-maratona ta’ Puttinu li kellha ssir fuq Xarabank.

Hemmhekk stajt inħoss iktar it-tbatija ta’ dawn in-nies, li apparti huma morda, stajt nara t-tbatija tagħhom għax huma ’l bogħod mill-familja tagħhom. Perjodu żgur li ma ninsa qatt għax kien il-perjodu li apparti smajt u rajt il-mard b’għajnejja, meta kont hemm tlift liz-ziju tiegħi Joe, u nżilt lura naffaċċja funeral u kien l-istess perjodu meta jiena għamilt il-‘coming out’ tiegħi bħala persuna gay. Però ħaġa pożittiva hija li dawn l-istejjer u l-intervisti, għallmuni nkun iktar sensittiva lejn il-proxxmu tiegħi.

L-iktar storja li ħalliet impatt kbir hija ta’ Ellie. Ellie għamlet sentejn u nofs l-Ingilterra għall-kura. Għal 3 snin sħaħ, kienet tagħmel sa 18-il siegħa kuljum taħt dawl apposta. Hemmhekk l-ingilterra kienet qed tistenna trapjant tal-fwied. Serqitli qalbi nara lil din iċ-ċkejkna, trid tagħmel dawk is-sigħat kollha taħt dak id-dawl. Sena ilu intervistajnieha, din id-darba imma mhux l-Ingilterra, imma Malta, tgħidilna ta’ tifla li hi kif issa għandha fwied ġdid u li tħossha aħjar. Li rajt lil din it-tifla tarbija l-Ingilterra marida u li wara 3 snin qed naraha b’saħħitha, tgħidilna dak li għaddiet minnu, kien vjaġġ li matulu esperjenzajt in-niket u l-ferħ ukoll, għax bis-saħħa tal-kura u tal-għajnuna tal-Maltin, illum Ellie b’saħħitha.

Liema tqis li kienu l-ikbar kisbiet tiegħek s’issa fil-karriera u anki fil-ħajja personali?

L-akbar kisbiet fil-karriera tiegħi meta qrajt l-aħbarijiet, meta kont l-editur ta’ xarabank.com.mt (l-iktar meta kont l-ewwel waħda li rrapportajt l-istorja ta’ dak ir-raġel li ra l-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia quddiem għajnejh), meta kont il-maniġer ta’ Xarabank, meta bdejt nipproduċi l-programmi ta’ Xarabank u l-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi u meta ppreżentajt xi maratoni ta’ ġbir ta’ fondi. L-akbar kisbiet fil-ħajja personali meta ggradwajt bl-ogħla grad fil-B.A fil-Malti, meta kkwalifikajt uffiċjalment bħala qarrejja tal-provi, meta għamilt il-coming out tiegħi, meta għamilt interventi mediċi u meta tgħallimt kemm hi sabiħa l-imħabba.

Liema kawżi int l-iktar passjonata dwarhom? U għaliex?

Kull kważa soċjali hija għal qalbi imma l-iktar meta rajt inġustizzja ma’ bniedem, u bil-ħidma tagħna, rajna l-ġustizzja sseħħ fil-konfront tiegħu.

Xi jġiegħlek tħossok fil-paċi?

It-talb u l-meditation jgħinuni nkun fil-paċi, imma li nsib ħin għal waħdi, b’xi kikkra kafè, b’xi ktieb f’idejja u l-ħoss tas-silenzju, jgħinuni nkun fil-paċi wkoll.

Hemm xi ħolma li tixtieq twettaq?

Il-ħolma tiegħi hi li nibqa’ ngħix ħajti bis-sempliċità kollha, u li nibqa’ kuntenta u nħobb lili nnifsi, u lil ta’ madwari.

Enable Notifications OK No thanks