Attività b’xejn fejn tista’ titkellem ma’ professjonisti tas-saħħa – Kif tista’ tattendi?

Attività b’xejn fejn tista’ titkellem ma’ professjonisti tas-saħħa – Kif tista’ tattendi?

Flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbug, il-Willingness Team se jkun qed jorganizza ġurnata ta’ attivitajiet relatati mas-saħħa b’xejn. Dan se jsir fl-1 ta’ Mejju mit-8am sal-12pm, ġewwa l-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ fejn ħa tkun trasferita fi pjazza pedonali.

Dan iffisser illi inti tista’ tiġi mal-familja jew ħbieb biex tipparteċipa f’diversi attivitajiet ta’ logħob għat-tfal jew fitness classes għall-adulti. Se jkun hemm wkoll testijiet b’xejn tas-saħħa għal min irid jiċċekja l-pressjoni u z-zokkor.

Se jkun hemm professjonisti bħal tobba, fiżjoterapisti, psikoloġisti, terapisti dietitians u personal trainers hemmhekk disposti għal jekk forsi għandek xi mistoqsijiet jew għajnuna dwar saħħtek jew tal-familja tiegħek.

Xi trid tagħmel biex tattendi?

Jekk tixtieq tattendi, kulma trid tagħmel hu tikteb din id-data u l-ħin fid-djarju tiegħek u tiġi żżurna fil-ġurnata. Jekk tixtieq tattendi xi class ta’ Pilates, jew Yoga, jew fitness jew fiżjoterapija, kemm tibgħat messaġġ b’ismek u l-klassi li tixtieq tattendi fuq 79291817 jew fuq facebook tagħna ta’ Willingness.

Min jista’ jattendi?

Din l-attività hija miftuħa għal kulħadd; miż-żgħar sal-kbar. Se jkun hemm tlielaq tar-roti, logħob tat-tfal fejn jistgħu jġibu ir-roti jew scooters magħhom u jduru ġewwa l-pjazza b’mod sikur għaliex se tkun magħluqa għal karozzi bħala pjazza pedonali. Waqt li t-tfal ikunu qed jilagħbu, inti tista’ tagħmel testijiet tas-saħħa jew tissieħeb ma’ xi klassi b’xejn tal-yoga, jew pilates jew fitness jew fiżjoterapija.

Il-programm tal-klassijiet tista’ ssibu hawn: HealthFest @ Pjazza Pedonali | Facebook

Araw li tkunu lebsin komdi, idealment bi papoċċ.

L-idea ta’ din il-ġurnata flimkien ġewwa l-pjazza pedonali ta’ Ħaż-Żebbug hu biex nitgħallmu li saħħitna nistgħu nieħdu ħsiebha b’diversi modi li jaf ikunu aktar faċli milli naħsbu. Jekk tinsabu kurjużi dwar x’tikkonsisti din il-ġurnata flimkien ġewwa l-pjazza pedonali ta’ Ħaż-Żebbuġ tistgħu tkellmuna fuq info@willingness.com.mt jew 79291817 u nispjegawlek aħjar.

Bukkett Fjuri Ħomor (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Bukkett Fjuri Ħomor (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

“Għidilha li jiena………..jiena jisimni Neil Frendo………u rrid inkellimha urġenti!”
“Jiġifieri inti gdibtli ismek?” qaltlu dik, iżżebbeġ għajnejha aktar minn qabel. “Isma’ sinjur………….” kompliet tgħidlu. “Jew se titlaq ‘il barra, inkella se jkolli nċempel lis-sigurtà għalik!”
U kien baqa’ bil-kurżità…………
Imma issa kien ħasibha b’mod tassew ġenjali!
“Bukkett fjuri ħomor…………” kien qal fuq il-linja tat-telefon ftit qabel. “Fjuri ħomor iridu jkunu!”
“Neil?” staqsih tal-ħanut.
Kien jafu sew. Billi l-ħanut ta’ Cedric tal-fjuri kien biswit l-uffiċċju fejn kien jaħdem, ta’ sikwit kien jgħaddi minn hemm u jgħaddi ħinijiet twal ipaċpaċ miegħu. Kont tista’ ssejħilhom ftit inqas minn ħbieb kbar.
“Jien hu!” qallu Neil, jikxef snienu. Issa jew bin-nervi, jew bl-eċitament jew bis-sodisfazzjon, wieħed ma setax jgħid!
“La trid tibgħatilha bukkett fjuri ħomor, naqdik sieħbi!” wieġbu l-ieħor, idawwar ħarstu madwar il-ħanut u jara x’kien għad fadal. “Indirizz?”
U Neil malajr tah id-dettalji kollha li kellu fuqha.
“Illum stess. Sa siegħa oħra jkunu għandha!” wieġbu.
U issa kien qed iħares ‘il barra mit-tieqa, jaħseb eżatt li l-pjan tiegħu kien se jirnexxi.
Ħaġa waħda biss kienet qiegħda tinkwetah.
Issa jekk Agnes tħalli l-fjuri warajha fl-uffiċċju?
Xengel rasu, għadda jdejh minn ġo xagħru u telaq jiġri jħaffef ‘il barra minn daru, jaqbad iċ-ċwievet tal-karozza u jħaffef kemm seta’.
U ftit ħin wara, kien qiegħed hemm, ipparkjat eżatt faċċata l-bini fejn kienet taħdem is-sinjura Agnes Abela.
Għalkemm kien dam ħafna jfittixha fuq il-midja soċjali, xejn ma kien sab fuqha!
Neil ħares lejn l-arloġġ u nduna li kienu saru l-ħamsa u kwart eżatt! Bdew ħerġin il-ħaddiema minn ġol-bini.
U dak il-ħin, qalbu għamlet tikk!
Mara twila, b’xuxa ħamranija, liebsa libsa pulita kienet għadha kemm ħarġet minn dak il-bini li kien qed jissorvelja, b’bukkett tal-fjuri f’idejha!
Il-fjuri ma kinux ħomor!
Din il-mara kellha bukkett fjuri bojod! Ħassu konfuż!

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Bukkett Fjuri Ħomor (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Bukkett Fjuri Ħomor (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Poġġa t-telefon lura f’postu b’idu tirtogħod mhux ftit.
It-tbissima li kellu fuq fommu kienet tirrifletti mument ta’ sodisfazzjon personali.
Fl-aħħar!
Fl-aħħar kien se jpattihielha!
Kien ilu maħruq. Kien ilu jġemma’ fl-istonku!
U kien propju dak il-ħin li resaq lejn it-tieqa mdaqqsa li kellu fil-kamra tas-salott tal-appartament ċkejken li kien isejjaħ daru u qagħad għal mument iħares lejn il-veduta ta’ blokok kbar mibnija bil-konkos li kellu eżatt faċċata. Hekk biss kien jara. Bini. Aktar bini. U saħansitra aktar bini.
Ħa nifs twil u ħass il-pulmun jimtela’ bis-sodisfazzjon.
Kien ilu jberren kif kellu jsibha. Kif kellu jpattihielha.
Kull ma kien jaf kien isimha.
Agnes Abela.
U li kienet l-iżjed mara antipatka li qatt kien kellem f’ħajtu!
Infaqa’ jidħak. U għal mument kien se jixraq fil-bżieq tiegħu stess.
Issa kien jonqos il-final grandjuż tal-pjan viljakk li kien ħejja! Kien għad fadal l-aħjar parti!
Neil kien jaħdem f’uffiċċju tal-kummerċ bħala persuna li twieġeb it-telefon fuq problemi tal-konsumaturi. Xogħlu ma tantx kien jogħġbu, anzi biex ikun qal kollox kien jisħet is-siegħa u l-mument li kien ikollu joħroġ minn ġol-friex sħun ta’ filgħodu sabiex iħejji ruħu għal ġurnata telefonati ma jaqtgħu xejn fl-uffiċċju fejn kienu jkunu xi għoxrin ruħ, kollha bil-linja tat-telefon tagħhom. Kollha jagħmlu l-istess xogħol. Dahar ma’ dahar. Skrivanija m’oħra. Storbju ma jaqta’ xejn………….
“Ħellow, S u Ġ Limited, fiex nista’ naqdik?” kien dara jgħid l-istess sentenza għal madwar xi tletin darba kull minuta.
Agnes Abela.
Issa ma kinitx se taħrablu. Kemm kienet antipatka!
Kien iltaqa’ magħha fuq il-linja tat-telefon. Qatt ma kien raha minn wiċċha. Li kien jaf fuqha hu li kienet taħdem mad-ditta tal-produtturi li kienu jagħtuhom ix-xogħol. Din Agnes kienet ċemplet l-ewwel darba għall-ħabta ta’ nofs is-sajf u fil-bidu kien ħabat jaħseb li leħinha kien kważi ġentili.
Iżda malli kien infurmaha li l-prodotti li kienu jġibu mingħandhom kienu għadhom kollha hemm u li ħadd ma kien qed jixtrihom, kienet infexxet toffendih u tkellmu ħażin.
Lilu.
Lil Neil Frendo.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Titħabbar il-mewt tal-Konsulent maħbub Victor Calvagna

Titħabbar il-mewt tal-Konsulent maħbub Victor Calvagna

L-organizzazzjoni Puttinu Cares ħabbret l-mewt tal-Konsulent tant maħbub Victor Calvagna.

Dr Calvagna, miet fl-età ta’ 63 sena, wara li kien ilu tmint ijiem jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei. Huwa ddaħħal l-isptar isofri minn ġrieħi gravi wara li ttajjar minn karozza fil-Qawra.

Minbarra li kien konsulent tat-tfal morda bil-kanċer, huwa kien ukoll il-President ta’ Puttinu Cares.

L-organizzazzjoni Puttinu Cares qalet li Dr Calvagna kien bniedem umli li ta ħajtu kollha lit-tfal morda u lill-ġenituri tagħhom li tant kien iħobb, u li għallimhom kif ikunu ta’ servizz għall-oħrajn mingħajr ma jistennew xejn lura.

F’isem it-tim ta’ skoperta.net, insellmu l-memorja ta’ Dr Calvagna u nagħtu l-kondoljanzi lill-familja u dawk kollha qrib tiegħu.

“Inqatlet tfajla u qed noqtlu omm!” – Jean Claude Micallef

“Inqatlet tfajla u qed noqtlu omm!” – Jean Claude Micallef

Fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, il-membru parlamentari Laburista Jean Claude Micallef esprima l-ħsibijiet tiegħu dwar il-qtil brutali li xxokkja lil pajjiżna fil-bidu tas-sena l-ġdida, u ċerta mentalità, li skont hu hemm bżonn li tiġġedded.

Fost oħrajn huwa qal li dan id-delitt juri kemm għandna soċjetà mejta quddiem l-edukazzjoni sesswali, is-saħħa mentali u l-litteriżmu diġitali.

Huwa qal li ħafna rrikorrew għall-midja soċjali biex joqtlu liż-żagħżugħ li qed jiġi akkużat bid-delitt, kif ukoll lil ommu u l-familja tiegħu.

Żied jgħid li ċerti kummenti huma stalletti lejn mara oħra, omm l-akkużat, li ma taħti f’xejn u qed tiġi mħaġġra mis-soċjetà fuq aġir ta’ binha.

“Il-vjolenza hi kundannabbli f’kull forma tagħha.” – Jean Claude Micallef

Enable Notifications OK No thanks