Select Page
X’nafu dwar Ottubru? U xi jfisser għalik dan ix-xahar?

X’nafu dwar Ottubru? U xi jfisser għalik dan ix-xahar?

Bdejna Ottubru, l-għaxar xahar tal-kalendarju Gregorjan.

Ix-xahar t’Ottubru huwa ż-żmien fejn normalment issir bidla staġjonali kemm fl-emisferi tat-tramuntana kif ukoll tan-nofsinhar.

F’pajjiżna, partikolarment min iħobb ix-xitwa, wara li f’Settembru jkollna wkoll ġranet sħan, kif kellna fix-xahar li għadna kemm spiċċajna, jittama li x-xahar t’Ottubru jdaħħalna fi ġranet aktar friski u noqorbu aktar lejn ix-xitwa. Ovvjament mhux l-istess għal dawk li jħobbu l-ġranet sħan u xemxin tas-sajf, madanakollu, f’pajjiżna fortunati li nkunu nistgħu nkomplu ngawdu x-xemx f’ħafna mill-ġranet tax-xitwa wkoll.

Bħal kull xahar ieħor, Ottubru, għandu sinifikat differenti għal kulħadd, imma bħal kull xahar ieħor ukoll, hemm diversi fatti u kurżitajiet interessanti x’niskopru dwar Ottubru!

  • It-tifsira wara l-isem t’Ottubru mhix adattata għaż-żmien tal-lum. Il-kalendarju Ruman tal-qedem kien ibbażat fuq iċ-ċikli lunari, għall kuntrarju tal-kalendarju attwali tagħna li huwa bbażat fuq iċ-ċikli solari. Dan ifisser li oriġinarjament kien hemm 10 xhur fil-kalendarju tagħhom u Ottubru kien it-tmien xahar. Ismu fil-fatt ifisser “it-tmien xahar” bil-Latin.
  • Hemm seba’ xhur fis-sena b’31 jum u Ottubru huwa s-sitt wieħed minnhom. L-ammont ta’ ġranet ma nbidilx matul iż-żminijiet, anki fil-kalendarju Ruman tal-qedem kien hemm 31 jum.
  • L-isem tal-Anglo-Sassoni għal Ottubru kien Winterfylleth, li jirreferi għax-xitwa u l-qamar sħiħ. Ġie msemmi hekk għax kien jintqal li x-xitwa tibda mill-ewwel qamar sħiħ tax-xahar.
  • Is-Sassoni wkoll kellhom isem għal Ottubru. Tagħhom kien Wyn Monath, li jfisser “ix-xahar tal-inbid” għax kien iż-żmien tas-sena biex tagħmel l-inbid.
  • Ottubru u Jannar dejjem jibdew fl-istess jum tal-ġimgħa fis-snin komuni. Fis-snin biżestili, Ottubru ma jibdiex fl-istess jum tal-ġimgħa bħal kull xahar ieħor. Ottubru u Frar ukoll dejjem jintemmu fl-istess ġurnata tal-ġimgħa.
  • Il-knisja ta’ Twyford f’Hampshire, ir-Renju Unit għandha tradizzjoni li ddoqq il-qniepen tagħha kull sena fis-7 t’Ottubru. L-oriġini ta’ din it-tradizzjoni tmur lura għas-seklu 18 meta resident lokali bl-isem ta’ William David intilef fi ċpar qawwi waqt li kien qed isuq lejn id-dar bil-lejl. B’xorti tajba, huwa sema’ l-qniepen tal-knisja idoqqu u b’hekk irnexxielu jsib triqtu lejn id-dar. Bħala forma ta’ ringrazzjament, huwa ħalla ftit flus lill-knisja meta miet sabiex il-knisja tkun tista’ tkompli ddoqq il-qniepen tagħha fis-7 t’Ottubru ta’ kull sena, f’każ li jkun hemm xi vjaġġaturi oħra mitlufa.
  • Il-mexxej politiku u spiritwali Indjan famuż fid-dinja Mahatma Gandhi twieled fit-2 t’Ottubru tal-1869. Il-fama dinjija tiegħu hija attribwita għall-mod mhux vjolenti li bih irreżista l-ħakma kolonjali Ingliża tal-Indja.
  • Fl-1 t’Ottubru tal-1949 twaqqfet ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Mao Zedong mexxa r-repubblika mit-twaqqif tagħha sal-mewt tiegħu fl-1976.
  • Il-festival tal-birra tal-Bavarja, Oktoberfest, isir jull sena f’Munich, il-Ġermanja. Il-festival normalment jibqa’ għaddej għal 16-il jum minn nofs Settembru sal-Ħadd tal-ewwel weekend t’Ottubru. Dan l-avveniment ilu jsir mill-1810 meta l-Prinċep Ludwig tal-Bavarja għamel festival biex jiċċelebra ż-żwieġ tiegħu tiegħu ma’ Therese, il-prinċipessa ta’ Saxony-Hildburghausen.
  • Il-birthstone t’Ottubru hija l-Opal, li kienet stmata mir-Rumani tal-qedem bħala l-iktar prezzjuża. Din il-birthstone tiġi f’numru kbir ta’ kuluri li spiss jidhru qishom iduru flimkien u hija s-simbolu tal-fedeltà, il-purità u t-tama.
  • Fil-31 t’Ottubru jiġi ċċelebrat il-Halloween. L-oriġini taċ-ċelebrazzjoni tmur lura lejn il-poplu Galliku tal-Ingilterra moderna, l-Iskozja u l-Irlanda, li ċċelebraw il-festival ta’ Samhain. Fost attivitajiet oħra, iċ-ċelebranti oriġinali ta’ Samhain kienu jilbsu kostumi u imorru jduru bieb bieb u jingħataw xi ħaġa tal-ikel, bħalma jagħmlu t-tfal tal-lum u jingħataw il-ħelu.
  • Ottubru għandu żewġ tipi ta’ fjuri marbuta miegħu, il-kosmos ta’ lewn pastell u l-fjuri radjanti tal-marigold. Il-fjura tal-kosmos tirrappreżenta l-ferħ li wieħed isib fil-paċi u l-imħabba, kif ukoll jirrappreżenta l-paċi. Il-marigold, magħrufa wkoll bħala calendula, jingħad li hija s-simbolu tat-trankwilità, il-grazzja u n-niket.
  • Shakespeare qatt ma semma Ottubru fl-ebda dramm jew sonett tiegħu.
  • Matt Damon, Julie Andrews, Hillary Clinton, Bill Gates, Katy Perry, Julia Roberts u anke Christopher Columbus twieldu kollha f’Ottubru.
  • Hemm numru ta’ ġranet sinifikanti ċċelebrati madwar id-dinja f’Ottubru. Uħud minn dawk li l-iktar jispikkaw huma l-Jum Dinji Veġetarjan fl-1 t’Ottubru, il-Jum Dinji tal-Annimali fl-4 t’Ottubru, il-Jum Dinji tal-Ikel fis-16 t’Ottubru u l-Jum Internazzjonali tal-Animazzjoni fit-28 t’Ottubru.

Enable Notifications    OK No thanks