
“Tkellimx stranġieri, Caroline” (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja
“Nann…..?”
In-nanna kienet qiegħda eżatt maġenb it-tieqa tal-kmajra umduża, taqra l-ġurnal tat-talb bil-paġni mikulin minn taħt l-ilsien. Il-kitla tal-misħun kienet ilha xi kwarta ssaffar iżda n-nanna tant kemm kienet medhija fil-ktieb, li lanqas biss kienet qiegħda tagħti kasha.
Kien sebaħ jum ieħor. Suppost kienet diġà lesta għall-iskola. Iżda n-nanna kienet xjaħet wisq. Dan l-aħħar lanqas kienet għadha tiflaħ twassalha sal-karozza tal-linja għax kienet saret tgħeja wisq.
“Nanna?” reġgħet għajtitilha Caroline, li kienet liebsa l-uniformi tal-iskola bil-lest. Il-qmis kienet nofsha ‘l barra minn taħt id-dublett, għax hi ma kinitx taf tilbisha sew u nannitha bilkemm kienet għadha tara. Għajnejha kienet għarrqithom fuq dak il-ktejjeb iċ-ċkejken tat-talb. Kienet diġà sejħitilha xi ħames darbiet oħra iżda nannitha kienet saret tinsa wkoll.
Kien propju dak il-ħin li tatha daqqa t’għajn ħafifa, in-nuċċali li kien fil-ponta ta’ mneħirha jiżżerżaq ftit ‘l isfel għal fuq il-ktejjeb ta’ quddiemha.
“Ara xi ġrali minħabba fik!” gergret in-nanna.
Caroline ħadet nifs twil, qamet bilwieqfa u marret fil-kċina titfi l-kitla kif kienet taf hi.
“Qatt ma tħallini nagħmel xejn……” kompliet tgerger nannitha hekk kif qamet minn fuq is-siġġu u marret tagħmel żewġ kikkri te. “Issa trid tibda titgħallem…..”
Caroline ħarset lejn nannitha u ggustatha. Għalkemm ftit li xejn kienet tkellimha, din kienet l-unika persuna li kellha f’ħajjitha. Ommha u missierha kienu ħallewha f’inċident tat-traffiku, meta hi kienet għadha tarbija u nannitha kienet ġabitha hawn f’dawn iż-żewġt ikmamar, toqgħod magħha. Illum, Caroline kellha sitt snin skorruti.
“Nann……ilbieraħ jien u ġejja mill-iskola fuq il-karozza tal-linja, rajt raġel liebes kowt iswed u kappell.”
“Allura?” staqsietha nannitha tħares lejha b’suspett. Ma kellhiex aptit priedki u ħafna paroli. Dawk il-kliem żgħar tal-ktejjeb donnhom kienu weġġgħulha rasha.
“Kien qed iħares lejja.”
Semgħet lil nannitha tisgħol u tidħaq fl-istess ħin. “L-għajnejn għalhekk qiegħdin binti……”
“Imma dan…..”
In-nanna kompliet tidħaq waħedha. Caroline ħassitha tinkwieta kif nannitha ma kinitx qiegħda tifhimha. Dan ir-raġel kien qagħad iħares lejha triq sħiħa u kienet beżgħet minnu.
Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Avukata u Awtriċi