Select Page
Anke Jien (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Anke Jien (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

“Kif tista’ tgħid hekk?” staqsejtha. “Jien ma nista’ nħobb lil ħadd iżjed! Kull mara li se niltaqa’ magħha, se nfittex lilek fiha! U int mhux se tkun hemm!”
“Inħobbok, Jason!” bkiet tal-aħħar.
U telqet.
Ma ridtx nemmen.
Filli kelli l-isbaħ fjura f’ħajti. U filli xejn.
Dlam. Skiet. Vojt. Uġigħ.
Amelia kienet siefret l-għada stess.
Kienet ħalliet sal-aħħar ġurnata biex tgħidli.
U għalkemm kont fittixtha u ppruvajt nibgħatilha kemm-il darba, qatt ma kienet weġbitni lura.
Qatt.
U maż-żmien inqata’ kull kuntatt.
Mhux għax kont insejtha. Mhux għax ma kontx għadni nħobbha. Mhux għax ma kontx erġajt mort kemm-il darba quddiem dak l-imbierek rixtellu.
Imma għax kont naf li kien aħjar hekk.
Għaliha.
U għalija.
Kien għadda wisq żmien. Amelia żgur ma kinitx għadha tiftakar fija.
Imma jien bqajt waħdi.
Għalkemm kienu għaddew ħafna snin minn dakinhar, qatt ma ħassejtni norbot qalbi ma’ ħadd.
Bqajt niftakar dik ir-riħa tfuħ ta’ xagħarha, dik it-tbissima, dak il-leħen sabiħ……..
U kont inħossni waħdi.
Kbirt.
Sibt xogħol tajjeb.
Kont affordjajt nixtri appartament sabiħ f’wieħed mill-isbaħ lokalitajiet ta’ Malta.
Kelli ħafna ħbieb.
Flus kemm irrid.
Imma ma kellix lilha.
Ma kellix lil Amelia.
U hekk, bħal sajjetta fil-bnazzi, ġara dak li kont ilni nibża’ minnu għal żmien twil.
Kont qiegħed bilwieqfa fil-karozza tal-linja li kienet teħodni lura d-dar mix-xogħol, nippjana dak li kont se nsajjar dik il-lejla, elf ħsieb kulinarju f’moħħi, xħin qalbi għamlet tikk.
Rajtha.
Ħassejt nifsi jinqata’. Saqajja jogħtru, hekk kif kont qed inżomm mal-ħadida tas-sedil ħalli nżomm bilanċ.
Amelia kienet qiegħda bilqegħda fil-karozza tal-linja!

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

L-attriċi li qed tinterpreta l-karattru ta’ Ġina f’Nostalġija – Shelby Aquilina

L-attriċi li qed tinterpreta l-karattru ta’ Ġina f’Nostalġija – Shelby Aquilina

Bosta segwew l-ewwel episodju tas-serje tant mistennija Nostalġija, fejn rajna wiċċ pjuttost ġdid għall-iskrin.

Nitkellmu ma’ Shelby Aquilina, l-attriċi li qed tinterpreta l-karattru ta’ Ġina.

Shelby, proprju llum fuq TVM, ixxandar l-ewwel episodju tas-serje Nostalġija. X’tista’ tgħidilna dwar il-karattru li qed tinterpreta?

Nostalġija huwa serje ambjentat fil-ġurnata tal-lum li jfakkar ħafna fi stil ta’ ħajja u tradizzjonijiet tal-imgħoddi. Jien qed ninterpreta l-parti ta’ Ġina, tfajla kwieta, eżemplari u li ġejja minn familja reliġjuża ħafna. Lil Ġina taraha dejjem il-knisja ma’ ommha u missierha, iżda se ssib ruħha f’sitwazzjoni li jaf twassal għal kunflitt kbir mal-ġenituri tagħha. Naturalment l-istorja se tiżvolġi ħafna matul is-serje għalhekk ma nistax niżvela wisq iżjed!

Għidilna ftit dwarek… Min hi eżattament Shelby Aquilina?

Jiena persuna li dejjem inħobb li jkolli xi ħaġa għaddejja, jekk hux xogħol tal-Università, filming jew rehearsals għal xi play, ma tantx se ssibli mumenti kwieti. Minkejja dan dejjem nipprova nsib ħin għall-familja u l-ħbieb li jfissru ħafna għalija. Inħobb ħafna l-ivjaġġar għalkemm bħalissa ma tantx huwa żmienu.

Ritratt: Chanelle Demicoli (Emotive Media)

Minn fejn u kif nibtet l-imħabba tiegħek lejn id-drama?

Minn ta’ età żgħira dejjem urejt interess lejn dan il-qasam – id-dar kont nirreċta l-ħin kollu u kemm-il darba kellhom jieħdu paċenzja bija tal-familja, jitilqu minn idejhom u jpoġġu fis-salott ħalli jaraw xi ‘play’ li kont nivvinta dak il-ħin. Iz-zija tiegħi hija l-iktar waħda li kienet tkompli miegħi. Minjaf kemm kienet taqrali stejjer jew tivvintali xenarji biex imbagħad nirreċtawhom flimkien u dan kollu kkontribwixxa għall-imħabba kbira li għandi lejn ir-reċtar illum il-ġurnata.

Kif bdiet Il-karriera tiegħek bħala attriċi?

Ta’ erba’ snin bdejt nattendi l-lezzjonijiet tad-drama li servew ta’ bażi fuqiex stajt inkompli nkabbar il-passjoni tiegħi. Bqajt nattendi sakemm kelli erbatax-il sena meta l-għalliema tad-drama tiegħi ħeġġitni nieħu sehem bħala extra f’ ‘Il-Kappillan ta’ Malta’. Din kienet se tkun l-ewwel produzzjoni li kont se nieħu sehem fiha barra mill-iskola tad-drama. Kienet esperjenza mill-isbaħ fejn kelli l-opportunità naħdem ma’ wħud mill-aqwa atturi Maltin u fejn tgħallimt ħafna affarijiet, fosthom kemm ix-xogħol ta’ attur jirrikjedi dedikazzjoni u impenn.

Liem kienet l-ewwel produzzjoni teatrali li ħdimt fiha? U x’memorji għandek?

Ftit xhur wara li ffurmajt parti mill-ensemble f’‘Il-Kappillan ta’ Malta’ ingħatajt wieħed mill-irwoli ewlenin fi produzzjoni teatrali ġewwa t-Teatru Manoel bl-isem ta’ ‘Ix-Xitan Kunjomu Malti’. Niftakarni eċitata u mbeżża’ għall-ewwel rehearsal iżda kont kuntenta għall-fatt illi kelli opportunità ikbar biex nitjieb f’dak li nħobb nagħmel.

L-iktar memorja li tispikka minn dik il-produzzjoni hija l-emozzjoni li ħassejt l-ewwel darba li ħriġt għall-curtain call. M’hawn xejn isbaħ milli tara l-house lights tat-Teatru Manoel jinxtegħlu u juru mhux biss il-ġmiel tat-teatru nazzjonali, iżda sala mimlija b’udjenza li ħadet gost tara x-xogħol li int, l-atturi sħabek u l-crew kontu tant ilkom tippreparaw.

Televiżjoni jew teatru? U għaliex?

Ikolli nagħżel it-teatru. Apparti mill-fatt li għandi iktar esperjenza f’din l-isfera, it-teatru narah irawwem ċerta dixxiplina li naħseb kull attur jeħtieġ. Apparti minn hekk inħoss li m’hawn xejn isbaħ milli tara u tisma’ r-reazzjoni tal-udjenza int u tirreċta. Għalija din hija xi ħaġa li żżidli l-enerġija x’ħin inkun fuq il-palk u taffettwa ħafna l-prestazzjoni tiegħi. Naturalment, it-televiżjoni għandha s-sabiħ tagħha wkoll, fosthom li tista’ tasal għand u tkun ta’ divertiment għal ħafna iktar nies.

Liema produzzjonijiet li ħadt sehem fihom s’issa huma l-aktar għal qalbek? U liema minnhom tħoss li għenuk tikber aktar bħala attriċi?

Mill-ftit produzzjonijiet li kelli x-xorti nieħu sehem fihom s’issa nista’ ngħid li ma kienx hemm parti li ddejjaqt ninterpreta, iżda li kieku kelli nagħżel liema hi l-iktar produzzjoni għal qalbi żgur illi nsemmi ‘Ħabbilni ħa Nirbaħ’. Dan il-proġett, miktub minn Simon Bartolo, ittella’ l-ewwel darba bħala produzzjoni teatrali minn Staġun Teatru Malti fejn jien interpretajt il-karattru ta’ Ylenia – wieħed mill-iktar karattri li ħadt gost ninterpreta u ftit wara kelli x-xorti li nerġa’ ninterpretah għaliex adattaw l-iskript għal feature film.

Din kienet l-ewwel esperjenza tiegħi naħdem quddiem kamera u naħseb illi kienet introduzzjoni tajba ferm għaliex il-fatt illi ħdimt l-istess karattru kemm għat-teatru kif ukoll għaċ-ċinema għeni nagħraf id-differenzi li hemm fit-teknika tar-reċtar f’dawn iż-żewg oqsma.

Ritratt: Noel Mallia Photography

Kif tipprepara ruħek qabel kull interpretazzjoni?

Ġeneralment nibda billi nagħmel warm up mal-bqija tal-cast, imbagħad nieħu belgħa te’ u ndur is-sekwenza tax-xeni f’moħħi. Ftit qabel inkunu se nibdew inħobb nieħu ftit ħin waħdi għall-kwiet biex niffoka u nidħol fil-karattru. Fil-ħajja ta’ kuljum m’iniex persuna superstizzjuża però qabel kull produzzjoni dejjem inħoss il-bżonn illi nimxi eżatt mal-mod kif inkun preparajt ruħi għax-show ta’ qabel…dejjem jekk tkun marret tajjeb!

L-aktar karattru li kien ta’ sfida akbar minn oħrajn s’issa..

Sentejn ilu fil-play ‘Rajtha Fejsbuk’ interpretajt karattru ta’ tfajla ribelluża, b’mibgħeda qawwija lejn il-ġenituri tagħha u rabja kbira lejn il-ħajja. Huwa karattru totalment differenti minni u dan huwa s-sabiħ tar-reċtar. Din il-play kienet iebsa għaliex kelli ħafna xeni tqal u emozzjonanti li kienu jirrikjedu iżjed iffukar u preparazzjoni minn oħrajn, iżda kienet ukoll waħda mill-iktar plays li tatni sodisfazzjon.

Hemm xi tip ta’ karattru partikolari li tixtieq li jkollok l-opportunità li tinterpreta?

S’issa l-maġġoranza tal-produzzjonijiet li għamilt kienu drammatiċi allura fil-futur nixtieq illi ninterpreta iktar karattri komiċi.

Għidilna dwar is-sehem tiegħek fil-programm Serataron..

F’Serataron kelli parti żgħira fejn imitajt influencer Maltija li kisbet ħafna popolarita’ kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna. Kien ta’ unur għalija li ħadt sehem f’programm tant maħbub mill-Maltin u fuq kollox nittama li flimkien mal-bqija tat-tim irnexxieli ndaħħak ftit lin-nies.

Mument imbarazzanti jew partikolari li kellek relatat ma’ xi produzzjoni..

Mument li żgur ma ninsa qatt kien meta kelli xena fejn id-djalogu kollu kien fuq laptop li kellu jkun imqiegħed fuq il-mejda mill-bidu tal-play bħala parti mis-sett. Kif mort quddiem il-mejda biex naqbad il-laptop indunajt li dan ma kienx qiegħed hemm. Il-ħarsa li tani l-attur li kien miegħi fix-xena dak il-ħin tibqa’ stampata f’moħħi. It-tnejn li aħna xtaqna li naqbżu għax-xena li jmiss iżda naturalment dan ma kienx possibbli u b’xi mod irnexxielna ngħadduha mingħajr ma nagħtu wisq fil-għajn ta’ x’kien ġara!

Minbarra li ikklassifikajt fit-tielet post fil-kategorija ta’ Best Actress għall-interepretazzjoni tiegħek fil-Cospicua Short Play Festival fl-2019, is-sehem tiegħek fil-film qasir bl-isem ta’ Orrajt wasslek biex fis-sena li għaddiet tirbaħ il-premju ta’ Best Actress fil-kategorija tal-Comedy f’Iminese Indipendent Film Festival. Għidilna ftit dwar dan il-film u xi jfisser għalik premju bħal dan?

Il-film qasir ‘Orrajt’, b’kitba u direzzjoni ta’ Jeremy Vella, jirrelata fuq id-dibattitu lingwistiku li ilu jeżisti f’Malta għal snin twal – għandna nitkellmu bil-Malti jew bl-Ingliż? ‘Orrajt’ jittratta dan is-suġġett b’mod umoristiku u kontemporanju ħafna. Grata mmens tal-premju li rċevejt u onorata li kelli parti minn film li għamel ħafna suċċess f’film festivals barra minn xtutna.

Screengrab mill-film ‘Orrajt’ ta’ Jeremy Vella

X’jagħmlek l-aktar kuntenta?

Li nara lil ta’ madwari ferħanin.

L-isbaħ u l-agħar esperjenza ta’ ħajtek s’issa..

Uħud mill-isbaħ esperjenzi ta’ ħajti jinvolvu l-palk u s-sodisfazzjon li nħoss meta nlesti produzzjoni li tkun intgħoġbot min-nies u fejn kollox ikun mar kif xtaqna. Esperjenza kerha kienet meta sirna nafu li membru familjari qed ibati mid-dimenzja. Mhix faċli li tara lill-persuna li tħobb fi stat permanenti ta’ konfużjoni u inti ma tista’ tagħmel xejn biex tgħin.

Int tinsab fl-aħħar sena tal-istudji tiegħek fl-Università. X’qed tistudja? U kif jirnexxilek issib bilanċ bejn l-istudji u l-karriera ta’ attriċi?

Ninsab fir-raba’ sena fil-kors tal-liġi. Li nsib bilanċ bejn l-istudji u d-drama mhix ħaġa faċli. Ikun hemm bżonn ta’ ħafna mmaniġjar tal-ħin u tqassim sew tax-xogħol minn qabel. Fortunata ukoll għaliex għandi appoġġ kbir mingħand tal-familja li jgħinuni nleħħaq ma’ kollox. Fl-aħħar mill-aħħar nemmen li jekk verament għandek passjoni lejn xi ħaġa, li fil-każ tiegħi huma d-drama u l-edukazzjoni, se tipprova tagħmel minn kollox biex jirnexxielek twettaqha.

Persuni li jispirawk..

Bħala attriċi, persuna li tispirani hija Anne Hathaway. Kbirt naraha u nemmen li hija attriċi versatili immens. Ħadmet minn action films sa musicals u għandha repertorju verament vast, xi ħaġa illi naħseb hija ħolma ta’ kull attur – dik li ma jinterpretax dejjem l-istess tip ta’ karattru.

Lil hinn mid-drama, persuna li taspirani hija Jacinda Ardern, il-Prim Ministru ta’ New Zealand. Hija mara li kissret ħafna mill-isterjotipi relatati man-nisa fid-dinja tax-xogħol. Persuna umli, awtentika u li ma tarax biss il-poter abbinat mal-pożizzjoni tagħha iżda ukoll ir-responsabbiltà li għandha lejn il-pajjiż u dan nemmen li jikkontribwixxi għas-suċċess li qed tikseb waqt it-tmexxija tagħha.

Liema film rajt kemm-il darba u li ma tiddejjaq qatt tara?

Breakfast at Tiffany’s

Għandek xi proġetti relatati kemm mal-karriera kif ukoll personali, ippjanati għall-futur?

Sfortunatament bħalissa d-dinja tal-ispettaklu tinsab iktar kwieta mis-soltu minħabba l-pandemija. Kulħadd, inkluż jiena, jittama li kollox jerġa’ lura għan-normal ħalli nkunu nistgħu nerġgħu lura fuq il-palk u quddiem il-kamera mingħajr restrizzjonijiet. Tul dawn l-aħħar sentejn kont impjenjata bil-filming tas-serje Nostalġija. Nittama li fil-futur qarib ikolli iktar opportunitajiet fil-qasam tat-televiżjoni.

Ritratt: JTM Photography

X’messaġġ tgħaddi lis-segwaċi u l-qarrejja ta’ skoperta.net?

Naħseb illi din l-aħħar sena għenet lil ħafna nies jirrealizzaw ir-ritmu mgħaġġel illi konna għaddejjin bih u kemm ma konniex verament qed ingawdu l-ħajja u s-sabiħ kollu li ġġib magħha. Huwa importanti li jkollok ambizzjonijiet u li taħdem biex tilħaqhom iżda huwa importanti ukoll li xi kultant tieqaf, tħares madwarek u tapprezza dak li diġa’ għandek għaliex bosta drabi huma l-affarijiet iż-żgħar illi veru jġibulna kuntentizza.

“Kull ġurnata li nqum u tkun ħdejja hija l-isbaħ ġurnata ta’ ħajti” – Kevin Borg

“Kull ġurnata li nqum u tkun ħdejja hija l-isbaħ ġurnata ta’ ħajti” – Kevin Borg

Nitkellmu ma’ Kevin Borg

Kevin, kif tiddeskrivi ħajtek bħalissa, mill-aspett ta’ karriera?

L-ewwel nett grazzi mill-qalb ta’ din l-intervista. Bħal kulħadd f’dan is-suq tal-ispettaklu, bħalissa mhux xi żmien pjaċevoli peress li x-xogħol waqaf ħesrem. Jiena xorta bniedem li dejjem nipprova nara l-pożittiv minn kull sitwazzjoni u bħalissa qiegħed niffoka fuq proġett li qiegħed naħdem fuqu mid-dar għal meta jerġa’ jiġi ż-żmien li niġu lura għan-normalità.

Hemm xi proġetti partikolari li qed taħdem fuqhom bħalissa?

Bħalissa qiegħed naħdem fuq materjal ġdid kemm għalija u kemm għal artisti oħrajn ġewwa l-Asia. Kif semmejt qabel qegħdin ukoll naħdmu qatigħ fuq proġett ieħor fuq skala ikbar. Ma tantx nista’ niżvela però jista jkun li għandu x’jaqsam mat-televiżjoni.

Iċ-ċirkostanzi tal-pandemija affettwaw lil kulħadd b’xi mod jew ieħor. Kif affettwaw lilek personali?

Affetwawni kemm b’mod tajjeb u kemm negattiv. In-negttiv huwa li ħafna events ġew posposti u meta tisma’ koppji jgħidulek li jridu jġeddu d-data tat-tieġ għall-tliet darbiet, tħoss għalihom. Il-pożittiv huwa li peress li qed inqatta’ ħafna ħin id-dar inkun ħafna iktar mat-tfajla tiegħi u l-qtates tagħna li bħalissa għandhom bżonn ta’ ħafna ħin u mħabba. Biex tgħaxxaqha, waħda minnhom għadu kif ħarġilha d-dijabete u tkissirna meta sirna nafu li Misty se jkollha tieħu t-tilqima darbtejn kuljum tul ħajjitha. Minn hawn nixtieq nirrangrazzja lil Nigel u Andrew Borg Cardona talli għarrfuni minnufih li Borg Cardona pet supplies u pharmacy kienu sejrin jidħlu biex jgħinu u jkunu parti mir-recovery ta’ Misty u l-pets tagħna. Meta tfajtha facebook, indunajt kemm il-poplu u s-segwaċi tiegħi verament iħobbu l-annimali tant li issa ta’ kuljum qed nitfa’ stories sabiex dak li jkun ikun jista’ jsegwi l-progress li jkunu qegħdin jagħmlu, fosthom Misty.

Min kienu l-aktar persuni li kienu ta’ influwenza fil-karriera tiegħek?

Kienu ħafna dawk li b’xi mod influwenzawni fil-karriera tiegħi. Nibda l-ewwel minn missieri li qatt ma ċaħħadni minn dak li ridt nagħmel, tant li anke meta għidtlu li sejjer l-Iżvezja, għalkemm kontra qalbu qalli “mur ibni”.

Mill-aspett mużikali kien hemm ħafna. Nibda mill-ewwel opportunitajiet li kelli fuq it-TV minn Alfred Zammit meta kelli biss madwar 17-il sena u mbagħad ma nistax ma nsemmix lil Jason Cassar illi tista’ tgħid li rawwimni fix-xena tal-ispettaklu lokali.

Ċertament li l-kanzunetti kollha tiegħek huma għal qalbek, iżda hemm minnhom li għandhom post speċjali f’qalbek aktar minn oħrajn?

Kull kanzunetta għandha l-istorja tagħha, però waħda li dejjem tibqa’ għal qalbi hija NEEDING YOU. Din il-kanzunetta n-nies għamluha tagħhom u dak huwa l-għan prinċipali ta’ din il-kanzunetta.

Il-kanzunetta Tlaqt Ħabib, xi tfisser għalik?

Tlaqt Habib tfisser mument ta’ dieqa għaliex hija iddedikata lill-ħabib tiegħi Clint Mizzi li ħalliena ftit tax-xhur ilu. Hija kanzunetta miktuba minn Marcon Cassar fuq mużika ta’ Jason Cassar. Kanzunetta b’messaġġ sabiħ ħafna li kulħadd jista’ jirrelata magħha għaliex xi darba jew oħra kollha tlifna lil xi ħadd għal qalbna.

Liema tqis li kienu l-akbar kisbiet tiegħek s’issa?

S’issa kien hemm kisbiet mhux ħażin u dejjem nibqa’ grat għal kull min għeni nasal s’hawnhekk. Li rbaħt Swedish Pop Idol kienet kisba sabiħa ħafna għaliex jien kont l-ewwel kantant li qatt rebaħ dan ix-show li ma kienx ġej minn dak il-pajjiż speċifiku. Minn hemm għamilt iktar minn 400 kunċert madwar id-dinja. Kantajt ukoll darbtejn fil-palazz tar-Re u r-Reġina Svediżi taħt appuntament dirett tagħhom. Imbagħad hemm kisbiet bħala produttur u songwriter. S’issa rnexxieli wkoll nikteb u nipproduċi kanzunetti illi telgħu l-ewwel fil-Ġappun għal 18-il darba. Wieħed minn dawn l-albums kien l-iktar album mibjugħ fl-2019 u daħal ukoll fil-guiness book of records. Tlieta mill-kanzunetti li ktibt telgħu wkoll l-ewwel fil-listi tad-dinja kollha bi gruppi bħal Arashi, TVXQ u oħrajn. Irnexxieli wkoll nagħmel żewġ musicals bl-Isvediż u ħadt ukoll sehem bħala attur ġo film taċ-ċinema Svediż.

L-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek s’issa..

Ikun hemm ħafna mumenti kemm sbieħ u kif ukoll ta’ dieqa fil-ħajja. L-agħar mument ta’ ħajti kien meta tlift lil ommi meta kelli 16-il sena. U l-isbaħ mument f’ħajti kien meta ltqajt mat-tfajla tiegħi Maria Francesca. Hija persuna li bħali għaddiet mhux ħażin u ta’ 5 snin biss hi ukoll tilfet lil ommha jiġifieri verament nirrelataw. Għandha qalb tant hi kbira illi impossibbli nitfa’ kollox f’sentenza. Kull ġurnata li nqum u tkun ħdejja hija l-isbaħ ġurnata ta’ ħajti.

Wieħed mill-aktar mumenti imbarazzanti li qatt kellek..

Kien hemm ukoll mhux ħażin. Darba żlaqt żelqa fuq il-palk ġewwa l-Iżvezja quddiem xi erba’ t’elef ruħ. Biex tgħaxxaqha mort nilgħabha tal-hero nipprova nqum b’qabża u nerġa’ nieħu oħra għal rasi! Ovvjament kulħadd spiċċa jidħak!

Kif tiddeskrivi t-tfulija tiegħek? Semmilna xi memorji li huma l-aktar għal qalbek..

Nista’ ngħidlek li kelli tfulija sabiħa ħafna. Kont inqatta’ ħafna ħin man-nanna Barbara u apparti Maria Francesca u ommi dik kienet ukoll imħabba ta’ ħajti. Kont inħobbha wisq. Kemm kienet tiġri bina l-bandli tal-Furjana u l-Belt. Peress li aħna mill-Furjana konna nqattgħu ħafna ħin il-bandli li dak iż-żmien kellu bandli tal-Ingliżi u l-Furjana kollha kienet tinżel hemmhekk tqatta’ ż-żmien. Tfal jilgħabu, bandli ma jispiċċaw qatt, waħda isbaħ mill-oħra. Kien hemm ukoll tennis court li aħna konna ġibnih qisu ground tal-football u minn hemmhekk ħarġu ħafna players li baqgħu sejrin tajjeb fil-karriera tagħhom. Konna nqattgħu ħafna ħin mal-familja wkoll u filgħaxijiet konna wkoll nitilgħu fuq il-Fosos, fejn kull familja kellka l-fossa tagħha ta’ fejn dejjem joqgħodu. Affarijiet li llum diffiċli tarahom. Il-ħajja kienet ħafna inqas stressanti dak iż-żmien, speċjalment għat-tfal.

X’inhi d-definizzjoni ta’ suċċess għalik?

Suċċess mhuwiex biss rebħ ta’ kompetizzjonijiet. Għalija anke li jirnexxilek tgħin lil xi ħadd u tagħmillu differenza f’ħajtu huwa suċċess.

Kemm hi importanti l-umiltà?

L-umiltà m’hawnx isbaħ minnha. Li qatt ma tinsa minn fejn bdejt u li tibqa’ dejjem ġenwin mingħajr ma tikbirlek rasek hija imprtanti ħafna. Il-ħajja hija sellun li tul is-snin titilgħu u tiltaqa’ ma’ ħafna nies jgħinuk, iżda mbagħad jasal ukoll iż-żmien li dak is-sellun trid terġa’ tinżlu u hemm terġa’ tiltaqa’ ma’ dawk in-nies li għenuk u l-fatt li tibqa’ umli tfisser li tkun tista’ tgħix bit-tbissima, u taf li ma trid deni lil ħadd.

Xi jferħek u x’jirrabjak l-aktar?

Nieħu pjaċir nara lil dawk ta’ madwari kuntenti, iferraħni l-ħin mal-familja u ovvjament iferraħni xi proġett li jirnexxi meta nkun ilni xi sena naħdem fuqu. Jirrabjani ħafna l-fatt li nara tant nies imutu b’dan il-virus li attakkana, filwaqt li oħrajn jixxalaw qisu xejn mhu xejn speċjalment għaż-żminijiet tal-Millied u l-Ewwel tas-sena li għaddew.

Kieku kellek tikteb kanzunetta bħalissa, fuq xiex tkun?

Fuq kemm qed tistaqsini domandi bis-sens u kemm qed nieħu gost nirrispondihom għalkemm għadhom is-seba’ ta’ filgħodu u għadni lanqas kafè ma ħadt.

Artisti li jispirawk..

Ħafna u diffiċli nsemmihom kollha. L-artisti kollha li għamlu suċċess u verament bdew mix-xejn huma artisti li jispirawni.

Fl-opinjoni tiegħek, x’inhu l-isbaħ ġest li qatt tista’ tagħmel u tirċievi?

Wieħed mill-isbaħ ġesti illi tista’ tagħmel huwa li tisma’! Tisma’ jekk xi ħadd ikun irid jitkellem u jiftaħ qalbu. Ieħor huwa dak li titbissem, anki jekk bħalissa l-maskri qed jgħattulna t-tbissima. Li ġenwinament tkun hemm għal xi ħadd li jistaqsik għall-għajnuna. Jien ma nistenna li nirċievi xejn, però meta tkun imdawwar b’nies bħat-tajla tiegħi, l-isbaħ ġest li turini kuljum huwa dak tal-imħabba.

Liema kwistjonijiet int l-aktar sensittiv dwarhom? U għaliex?

Sensittiv ħafna fuq il-bullying! Meta kont żgħir, jien ukoll kont vittma ta’ bullying ġewwa l-iskola fejn kont nattendi u għalkemm irnexxieli negħlibha xorta tibqa’ mnaqqxa fik u ġġibek ovvjament iktar b’saħħtek. Jiġifieri lil dawk kollha li għaddejjin minnha bħalissa, ngħidilhom biex ifittxu l-għajnuna.

Sensittiv ħafna wkoll fuq moħrqrija tal-annimali. L-annimali inħobbhom ħafna. Fil-fatt aħna għandna ħamest iqtates u min jaħqar l-annimali għalija lanqas il-ħabs mhu tajjeb għalih, imma eżiljat taħt il-baħar.

Xi tfisser l-imħabba għalik?

L-imħabba hija verament sabiħa meta ssib lil xi ħadd li ġenwinament iħobbok lura b’dik l-istess imħabba. Jien nikkunsidra lili nnifsi iffurtunat li f’mument fejn kont se naqta’ qalbi mill-imħabba, iltqajt ma’ Maria Francesca.

X’differenza tagħmel fil-ħajja tiegħek Maria Francesca?

Maria hija persuna li ma tistax ma tħobbhiex. Il-kelma mħabba qiegħda fil-ħarsa t’għajnejha. Meta ltqajna, kont qisni qtajt qalbi li xi darba nissetilja. Dakinhar li ltqajna qisu waqaf il-ħin għall-mument u qalbi reġgħet bdiet tħabbat mill-ġdid.

X’fissret għalik li kellek irwol daqstant importanti fil-musical Il-Kbir Għadu Ġej, u li kont parti minn produzzjoni bħal din?

Li ġejt afdat b’dak l-irwol ta’ importanza kbira kien ovvjament unur ieħor fil-karriera tiegħi. Grat ħafna li mill-bidu l-maestro Dominic Galea ċempilli u qalli, “Kevin, int trid tagħmilha din il-parti” Minn hemm iltqajna, qrajt l-iskript flimkien mad-direttur ukoll u għoġobni ħafna. Ksibna wkoll record fejn jidħlu sales ta’ musical lokali li qatt ma kienet ġrat qabel. Sfortunatament kellha terġa’ ssir is-sena li għaddiet iżda dan il-Covid kissrilna l-pjanijiet kollha.

Minn hawnhekk nixtieq nesprimi l-kondoljanzi tiegħi lill-Maestro Dominic Galea u lill-familja kollha tiegħu għaliex b’dieqa kbira ftit ġranet ilu ħalliena missieru, il-Maestro Sammy Galea. Sammy kien wieħed minn dawk li emmnu fija mill-bidu, tant illi meta ma kont litteralment xejn, kien fdani b’kanzunetta li kiteb hu.

Waqt li kontu għaddejjin bix-shows, kellek tagħmel intervent mediku ta’ malajr. Għidilna aktar dwar dan, u x’għadda minn moħħok? Bżajt li ma jirnexxilekx tkompli?

Dakinhar kienet waħda mill-iktar mumenti kruċjali fil-karriera tiegħi. Nistakar wara performance minnhom mort id-dar u waqt li bdejt ninħasel ħassejt qisha boċċa man-naħa ta’ ġewwa ta’ koxxti. Ma kinitx normali u iddeċidejt li nitla’ l-clinic fis-siegħa ta’ filgħodu. Qaluli li kull ma kien musmar minn ġewwa. U ħallejtha għaddejja b’rasi mistrieħa li mhi xejn. L-ghada qomt bil-groin minfuħ qisu larinġa. L-uġigħ li bdejt inħoss kien wieħed kbir u niftakar ċempilt lid-direttur Sean Buhagiar biex ngħidlu. Dawk ovvjament kienu se jiġġennu peress li jien kelli l-parti prinċipali u f’dak il-waqt beda jagħmel telefonati biex immur għand fiżjoterapista, u nara tobba differenti eċċ. Dakinhar ma laħħaqtx nara tobba u għamilt ix-show bl-uġigħ li ma nirrakomdahha lil ħadd.

Meta rajt tabib l-għada, qalli “Mur l-emerġenza issa!”. Issa jien dakinhar stess kien se jkolli wieħed mix-shows. Wasalt l-emerġenza u spiċċajt il-kuritur nistenna u muġugħ filwaqt li n-nies għaddejjin minn ħdejja u jgħiduli “Prosit tax-show Kevin”. Daħħluni ġo cubicle żgħira u ġie l-ewwel tabib li qalli li se jżommuni hemmhekk. Jien bdejt ngħidlu li ma nistax għax għandi show u hu baqa’ jinsisti li nibqa’ hemm.

Erġajt ċempilt lid-direttur u kulħadd f’battibekk wieħed. F’daqqa waħda niżel il-kbir tal-operazzjonijiet għax kien għadu kif spiċċa u staqsieni x’inqala. Spjegajtlu li jien kelli commitment għal kull min xtara biljett u li xtaqt li jarani dak il-ħin u li jekk hu possibbli l-operazzjoni jagħmilieli dakinhar stess. Qalli dawn il-preċiżi kelmiet, “OK LET’S DO IT!”. Għalaq il-purtieri u għamilhieli. Erba’ siegħat wara kont fuq il-palk u beda x-show. Dakinhar naħseb l-adrenalina tiegħi kienet massima għax għamilt affarijiet li normalment noqgħod lura milli nagħmel, però tant ħassejtni ferħan mingħajr uġigħ li ridt intir. Minn hawn nixtieq nirringrazzja lit-tobba kollha ta’ Mater Dei speċjalment fl-emergenza u lit-tim kollu tal-Kbir Għadu Ġej li ħadu ħsiebi ħafna.

Għandek xi pjanijiet għall-futur?

Kif sejrin f’din is-sitwazzjoni sfortunatament ħafna events li kienu mxewli għal din is-sena, issa reġgħu mxew ghall-2022 u għaddejin minn żmien diffiċli fejn jidħol dan il-qasam. Nixtieq ovvjament li ‘l quddiem ikollna l-familja tagħna ukoll u nixtieq ukoll li forsi nidħol nippreżenta xi programm fix-xena lokali tat-televiżjoni.

X’messaġġ tixtieq tgħaddi lis-segwaċi u l-qarrejja ta’ skoperta.net?

Nixtieq nibda billi ngħidlek grazzi ħafna talli għamiltli dawn id-domandi. Verament ħadt pjaċir nirrispondihom. Lis-segwaċi ta’ skoperta.net nixtieq ngħidilhom ukoll grazzi tas-sapport li dejjem urewni matul il-karriera. Il-messaġġ li nixtieq hu li għandna verament nieħdu ħsieb lil xulxin u lill-familji tagħna matul dan iż-żmien diffiċli.

Kif nistgħu ma ninkwetawx iżżejjed? – Michelle Zerafa

Kif nistgħu ma ninkwetawx iżżejjed? – Michelle Zerafa

Kif tkellimna l-ġimgħa l-oħra l-ansjetà żdiedet minħabba li qed ngħixu żmien ta’ inċertezza minħabba l-pandemija, allura hemm it-tendenza li ninkwetaw iżżejjed ..

Xi kultant tiġina t-tentazzjoni li naħarbu mir-realtà u ninfexxu f’xi ħaġa li taljenana bħax-xogħol bla nifs, it- tindif esaġerat, li norganizzaw kollox b’perfezzjoni u ħafna aktar. Huwa tajjeb li naljenaw ruħna iżda il-moderazzjoni hija importanti biex inżommu l-bilanċ li hemm bżonn.

Kif nista’ ninduna li m’hemmx bilanċ? Jekk ninduna li l-moderazzjoni mhijiex hemm għax jew ta’ madwari jinfurmawni li qed nesaġera jew għax inħoss li ħajti qeda f’konfużjoni sħiħa dan ikun ifisser li xegħlet il-bozza l-ħamra. Kif nindunaw li hemm problema nistgħu jew nagħżlu li nibqgħu għaddejjin f’ċirku vizzjuz jew nistgħu nagħżlu li nieħdu ħsieb il-problema u nfittxu l-għajnuna li hemm bżonn. Studji jgħidu li aktar ma tipprova tgħatti milli taċċetta dak li qed tħoss, iktar hemm ċans li l-problema tikkumplika ruħha.

Il-ħsibijiet tagħna jistgħu jikkontrollawlna ħajjitna. Tajjeb li xi kultant nieqfu ftit u naraw x’qed jgħidulna għax fir-realtà huma l-ħsibijiet li joħolqulna emozzjonijiet b’saħħithom li jġiegħluna nirreaġixxu. Pereżempju, jekk jien moħħi jgħidli li m’inhix tajba biżżejjed biex nitkellem quddiem grupp ta’ nies, il-ħsibijiet tiegħi jiddominawni u nispiċċa nibża u nitwerer. Allura x’jiġri, meta niffaċċja n-nies u nitkellem il-biża’ ma tħallinix nikkonċentra u allura ċ-ċans hu li nibda nlaqlaq. Inkella l-biża’ żżomni lura u qatt ma nipprova, allura nibqa’ nemmen li jien mhux kapaċi niffaċċja udjenza. Permezz ta’ dan iċ-ċirku vizzjuz nispiċċa nsostni l-ħsibijiet tiegħi. Dan ikollu allura impatt fuq il-kunfidenza tiegħi jew il-perċezzjoni tiegħi nnifsi..

Allura x’għandi nagħmel biex il- ħsibijiet negattivi ma jaffetwawnix?

L- ewwel ħaġa hija li importanti li nifhem x’qed jiġri, nifhem aħjar x’inhuma l-ħsibijiet li għandi

Għandi wkoll naċċetta li qed nesperjenza dawn il-ħsibijiet, aktar ma naċċetta dawn il- ħsibijiet inqas ikollhom poter fuqi..

Nista’ niftakar f’esperjenzi pożittivi u nfakkar lili nnifsi li xi darba irnexxieli u li jien kont kapaċi. Nista’ anke niftakar xi kumplimenti li għamluli.

Nista’ nkompli nifhem għala qed jkolli ħsibijiet negattivi, billi niskopri aktar dwari nnifsi u forsi dwar esperjenzi mill-passat tiegħi.

Dan xogħol li nista’ nagħmel waħdi, iżda jekk ma jirnexxilix, tajjeb li nfittex l-għajnuna mingħand professjonist.

Ngħiduha kif inhi, mhux dejjem faċli niffaċċjaw dak li jtaqqalna, però tajjeb li nfakkru lilna nfusna li mhux impossibbli. Fil-verità jekk ma niċċaqalqux u nippruvaw niffaċċjaw dak li jtaqqalna, inkunu qisna pupazzi f’idejn dawn il-ħsibijiet li jniżżluna l-isfel. Għalhekk wieħed irid jiftakar li jekk jirnexxilu, il-kwalità tal-ħajja tiegħu u ta’ dawk ta’ madwaru, hemm ċans li tinbidel għall-aħjar.

F’idejk..

Awguri u tislijiet.

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta

Minn ħolma għall-infern – L-ewwel storja umana minn Stephanie Chircop

Minn ħolma għall-infern – L-ewwel storja umana minn Stephanie Chircop

Intervistajt mara li xtaqet tibqa’ anonima, fuq l-esperjenza li għaddiet minnha f’żgħozitha u li tista’ tgħid bidlitilha ħajjitha. Persuna li rat applikazzjoni fuq il-gazzetta għal opportunità fuq xogħol ta’ hairdresser barra minn xtutna, applikat u sabet ruħha ittrafikata għal skopijiet żienja.

X’ħajjrek tapplika għal dan ix-xogħol?

Jien minn dejjem kont inħobb ix-xagħar. Kont ili naħdem minn mindu kelli 14-il sena u l-ħolma tiegħi dejjem kienet li xi darba nkomli nitħarreġ u niftaħ hairdressing salon għal rasi. Kif rajt l-applikazzjoni fuq il-gazzetta ġġennint għax kienet dik l-opportunità li kont ilni nistenna! Din kienet opportunità li naħdem ġewwa s-Saudi Arabja ġo salon rinomat għal sitt xhur. Ċempilt in-numru li kien hemm fuq l-applikazzjoni, qabditni mara Maltija u għamilna appuntament biex niltaqgħu sabiex nitkellmu iktar fid-dettal.

Ġrejt ngħarraf mill-ewwel lil ommi u l-missieri bl-appuntament, avolja jkolli nistqarr li ommi ma tantx kellha feeling sabiħ fuq din il-biċċa. Sewwa jghidu, qalb l-omm tħebber!’

Kemm kellek żmien?

Kelli 20 sena u kont fil-fjur ta’ żgħożiti. Kont għarusa ġuvni li kien jirrisspettani ħafna u ma ridnix immur! Ovvjament, kont diġà deċiża u għażilt li mmur xorta. Kelli kollox lest biex niżżewweġ iżda rnexxieli nikkonvinċieh li dan il-pass kien pass importanti ħafna għall-ġid finanzjarju tagħna. U għaddiet tiegħi!

Kif mar l-appuntament u x’kienet l-offerta li għamlitlek?

Kollox kien jidher sabiħ u kollox beda jħajjarni. Kienet mara attraenti ħafna u tan-negozju. Kellha kariżma u ħadet grazzja miegħi. Riditni nitla’ għal sitt xhur u offrietli li noqghod fl-appartament tagħha biex tiffrankali l-flus. Qaltli li se tgħallimni ħafna u li se tagħtini saħansitra paga tajba wkoll. Talbitni d-dokumenti mill-ewwel għaliex qaltli li f’pajjiż Għarbi jdumu ftit biex jgħadduhom peress li mara! Iżda serħitli rasi li magħha ma kien se jonqosni xejn.

Waslet il-ġurnata tas-safra. Ħudni fuq vjaġġ sas-Saudi Arabja.

Niftakar qisu l-bieraħ Steph. Kont veru eċċitata li se tibda l-avventura tiegħi. L-għarus tiegħi wassalni l-ajruport għax hi kienet diġà telqet. Ftehmna li niltaqgħu Kajr, l-Eġittu u qaltli biex nitgħatta minn rasi sa saqajja minhabba l-kultura tagħhom. Tinsiex li f’postijiet Għarab in-nisa ma kinux stmati, u għadhom. Però kienu agħar mil-lum il-ġurnata. Sakemm ħadt l-ewwel pass fuq l-eskelejter, l-għarus tiegħi ma telaqnix minuta u għadni niftakar kemm għafasli qalbi bil-biki li beka. Sa l-aħħar ma ridnix immur! Iżda ma stajtx indur lura, issa tard wisq.

Irkibt l-ajruplan waħdi sa Kajr u kif inżilt stennejtha fl-ajruport għax dawk kienu l-istruzzjonijiet li tatni. Irġiel biss kull fejn tħares, nisa ma tarax. Stennejt ftit mhux ħażin, imbagħad ċemplitli biex tgħidli li kienet waslet. Kont bilqiegħda fil-gate tal-connection flight u fil-pront nisma’ raġel jgħajjat ‘Madame Madame’. Kienet hi! Kienet liebsa libsa bajda trasparenti mill-iktar indiċenti u kull raġel li kien hemm dar magħha, donnhom xi servjenti. Irrealizzajt li f’dawn il-postijiet kellha s-saħħa u kienet mara importanti. Qalbi għamlet tikk! U dlonk irrealizzajt ukoll li dħalt f’nassa kbira.

Irkibna l-ajruplan u ġejna mogħtija l-aqwa postijiet bħala VIP fil-Club Class. Kulħadd idur magħna u jaqdina mill-koxxa. Kien vjaġġ twil għall-ajruport internazzjonali King Abdulaziz u għajjejt ħafna. Matul il-vjaġġ tatni iktar struzzjonijiet u ħakmitni ħafna biża. Qaltli biex ma nieħu xejn mingħand ħadd, ma nkellimx irġiel u ma ndaħħalx irġiel id-dar. Diġà kont bdejt nisħet is-siegħa u l-mument li qiegħda hemm u irrealizzajt mill-ewwel kemm ħallejt imħabba warajja. Ħallejt nies li kienu jipproteġuni. Issa ma kelli lil ħadd. Issa kont waħdi!

Wasalna fl-ajruport ta King Abdulaziz u ġie r-raġel tagħha għalina. Hemm skoprejt li kienet miżżewġa, iżda għal xi raġuni r-raġel tagħha ma kienx jidher sewwa. Kien qisu marid u bdiet tistmah qisu xi skjav. Kien akkumpanjat minn xi rġiel oħra. L-affarijiet li qaltli biex ma nagħmilx bdiet tagħmilhom hi. Tiċċaċċra mal-irġiel li kienu magħna fil-karozza b’ħafna kunfidenzi. Kulħadd iħares lejja b’intenzjonijiet żienja. Ħassejtni mneżża’. Ħassejtni mneżża’ minn kull dinjità u rispett. Il-vjaġġ tal-karozza kien wieħed twil ukoll, però wasalna b’wiċċ il-ġid. Niżżlulna l-bagalji u minnufih bdiet iddawwarni mal-palazz u anki mas-salon li kien parti minnu. Salon il-ġmiel tiegħu, kbir, spazjuz u atrezzat b’apparat mill-aqwa, lissint tbissima. Kien imiss imbagħad li teħodni fil-kamra tiegħi. Kmajra żgħira ħafna b’sodda, gwardarobba u skrivanija. Kollox ippustjat bl-eżatt, iżda kellha gallarija ċkejkna. Lanqas kienet qisha parti mill-palazz li urietni.

Hi kienet hairdresser ukoll? Kif kienet l-esperjenza tal-hairdressing?

Le. Kellha mpjegata oħra magħha. Ma kinitx tħallina nitkellmu. Kienet toqgħod għassa fuqna. Hemmhekk it-tradizzjonijiet huma differenti għall-ahhar. Konna naħdmu ħinijiet twal ħafna u xagħar in-nisa kien oħxon immens. It-tiġijiet kienu jsiru fit-tlieta ta’ filgħodu u l-għarusa kienet iġġib magħha reġiment bridesmaids. Konna naħdmu qisna annimali u konna mmexxulha l-ħanut aħna. Meta wasalt biex nieħu l-ewwel paga skoprejt li kienet paga minima u ma tagħtilix! Qaltli li se ġġemmagħhomli hi u tagħtihomli qabel nitlaq. Ma kinitx titmani, kont insofri l-ġuħ u bdejt nimrad. Kont inbati b’uġigħ ta’ ras qawwija. It-tabiba kienet tatni xi pilloli u kont naħbihom fil-keffa ta’ libsa partikolari. Darba fost l-oħrajn qamet f’nofs ta’ lejl, ġiet fil-kamra, fetħet il-gwardarobba, qabdet il-libsa u ċartitha sakemm waqgħu l-pilloli mal-art. Ikkonvinċejt ruħi li din il-mara kienet imxajtna! Darb’oħra kont qed naħdem u waqgħajt mal-art b’ħass ħażin. Ma riditx teħodni l-isptar iżda żewġha offra li jeħodni hu. Ma nafx kif aċċettat! Skoprejt li waqgħajt f’enemija u t-tabiba qaltli li kelli bżonn insostni ruħi sew għax kont anki fil-periklu li nitlef ħajti.

Għalfejn imradt?

Ma kinitx titmani! U jien ma kellix flus biex nixtri l-ikel. Apparti hekk ma stajtx noħroġ mid-dar għax kif kienu jaraw mara waħedha barra kienu jiġbruha l-pulizija! Ġieli kienet tagħtini l-fdalijiet tal-platt tagħha u kont inħossni xxurtjata. Kienet tgħidli biex nuża t-tips biex nixtri l-ikel, u meta kont nixtri kienet teħodhomli. Biex nagħmel belgħa te kien ikolli naħbi t-tea bag! Ir-raġel tagħha ma kienx joqgħod magħha. Iżda ġieli kont ninzertah fil-palazz u kemm-il darba tajt is-salt biex inkellmu! Kien raġel beżżiegħ però kien jitħassarni ħafna. Kien jagħtini xi ikel hu. Darba iddubbali karta u pinna u iddeċidejt li nikteb ittra lill-familja. Ġieli ħallietni nċemplilhom iżda kienet toqgħod maġenbi u ġġegħlni ngħidilhom li jien kuntenta u li kollox kien sew. Kont nibki kull filgħaxija, kif immidd rasi fuq l-imħadda. Kont indawwar il-kuruna tar-rużarju li ommi wadbitli fil-basket ma’ jdejja u kont nitlob. Maż-żmien it-talb beda jiġi karba biex ma nsebbaħx filgħodu.. Ma ridtx ngħix iktar. Kont nitlob lil Alla biex jeħodni. Kienu jkunu ħafna l-mumenti li kont inħares lejn il-gallarija bħala l-unika opportunità biex intemm dan il-martirju. Iżda Alla ma ridnix..

Għalfejn tqis din l-esperjenza bħala traffikar uman?

L-iskop ta’ dan kollu kien hekk biss. Kienu jiġu rġiel differenti kull filgħaxija u kienet iddaħħalhom fil-kamra tiegħi. Darba ġie raġel u qalli li ħajjartu ħafna minn fuq ir-ritratti. Hemm skoprejt li kienet teħodli r-ritratti mingħajr kunsens, meta kont inkun rieqda u kienet turihom lill-irġiel. Riditni naħdem għaliha kemm bħala hairdresser kif ukoll f’affarijiet oħra. Mill-ftit saħħa li kien għad fadalli xi ħaġa kienet qisha tagħtini ftit kuraġġ. Din ma kienet xejn għajr l-imħabba li kelli tistennieni d-dar. U daħħalt f’rasi li se nerġa’ ningħaqad magħhom akkost ta’ kollox. Ma stajtx naħrab għax ma kellix flus.

Bdejt nipprova nikkonvinċiha li nixtieq ninżel lura Malta biex niżżewweġ u nerġa’ nitla’. Kienet tiddieħak bija iżda darba fost l-oħrajn ġiet id-dar b’libsa tat-tieġ! Qaltli li riditni niżżewweġ bil-libsa li xtratli. Kienu għaddew sitt xhur fl-infern tad-dinja u kienet qaltli li qatgħetli passaġġ. Qaltli li se twassalni l-ajruport u li ma kienet se tgħini xejn biex immur lura. Il-pagi ma tathomli qatt! Qaltli li se tagħtihomli malli nerġa’ nitla’ lura. Kien il-mod li użat biex tirrikattani.

Kemm domt is-Saudi Arabja u rnexxielek tinżel lura Malta?

Domt kwazi seba xhur. Irnexxieli nikkonvinċiha u ħallietni nitlaq. L-affarijiet tiegħi ma ħallitnix neħodhom. Il-ħwejjeġ, il-flus u l-affarijiet li tellajt miegħi ħallejthom kollha warajja. Kulma ħadt kien il-passaport u l-handbag. Ir-raġel tagħha kien wassalni l-ajruport u kien tani xi ftit flus. Ma kellix saħħa. Il-vjaġġ ma ried jispiċċa qatt. Sakemm kont qed nistenna fl-ajruport kienu se jarrestawni l-pulizija għax ħasbuni prostituta! Bdejt naqta’ qalbi iżda l-fidi li kelli f’Alla ma ħallitnix.

Kif wasalt Malta spiċċajt l-isptar. L-għarus tiegħi u l-familja kienu rrabjati ħafna iżda ma flaħtx għal iktar inkwiet. Kont ċempiltilha u għidtilha li ma kontx se nersaq iktar lejn is-Saudi Arabja. Hedditni li tirrovinali ħajti. L-għada li żżewwiġt spiċċajt l-isptar u bqajt nimrad ħajti kollha. Però rnexxieli niftaħ is-salon tiegħi li grazzi lil Alla żamm is-suċċess sakemm ħriġt bil-penzjoni.

X’messaġġ tixtieq tgħaddi lil dawk kollha li qed jaqraw l-istorja tiegħek?

Il-Bambin iħares lil kulħadd minn dak li għaddejt minnu jien. Qatt m’għamilt xejn ħażin u qatt ma weġġgħajt lil ħadd. Kont insibha diffiċli biex nifhem għaliex kien jixraqli dan kollu. Fil-ħajja trid tapprezza s-sabiħ kollu li jkollok madwarek għaliex kultant inħoss li aħna aljenati wisq u megħdijja bil-materjaliżmu. Kienet fil-fatt l-imħabba li żammitni ħajja. U dan huwa l-messaġġ tiegħi. Tintilfux titpeċpċu tħarsu lejn l-istilel u tinsew tħarsu lejn il-qamar!

Nirringrazzja minn qalbi lil din il-mara talli qasmet miegħi din l-esperjenza. Ikolli nammetti li qabżitli demgħa wkoll. Tirrealizza kemm hawn min ibati, ħafna drabi fis-silenzju, u kemm għandna nkunu grati għal kull ġurnata li nsebbħu qawwijin u sħaħ.

Enable Notifications OK No thanks