Select Page
Riċetta: Isdra tat-Tiġieġ Caprese

Riċetta: Isdra tat-Tiġieġ Caprese

Għandek bżonn: (għal 2 jew 4 porzjonijiet) 

Żewġ isdra tat-tiġieġ, mingħajr għadam u ġilda, u aqsam kull sider f’żewġ biċċiet

Mgħarfa żejt taż-żebbuġa 

Mgħarfa balsamic vinegar 

Mgħarfa dqiq 

Kuċċarina melħ 

Kuċċarina bżar 

2 mgħaref ħabaq frisk, imqatta’ 

2 sinniet tewm imqatta’ rqiq ħafna 

4 slices mozzarella 

250g cherry tomatoes 

Metodu: 

Ħallat id-dqiq, bżar u melħ fi platt. 

Agħddi l-biċċiet tat-tiġieġ mit-taħlita tad-dqiq sakemm jinksew sew. 

Saħħan iż-żejt ġo taġen u aqli l-biċċiet tat-tiġieġ għal 6 minuti minn kull naħa. Kif tara li saru, neħħihom mit-taġen u warrabhom f’post sħun.

Fl-istess taġen żid il-ħall, bżar, melħ, tewm, u t-tadam. Ħawwadhom sew u ħallihom itektku għal xi 10 minuti.

Irranġa l-isdra tat-tiġieġ fit-taġen fuq iz-zalza, u ħallihom jerġgħu jisħnu sew għal xi żewġ minuti.

Poġġi slice mozzarella fuq kull biċċa tiġieġa u kif tara li l-ġobon qed jibda jdub, uża mgħarfa biex tibda ttella’ z-zalza tat-tadam fuq it-tiġieġ sakemm jixxarbu sew.

Agħtti t-taġen u sajjar fuq nar baxx għal 5 minuti.

Ikxef it-taġen u roxx il-ħabaq fuq it-tiġieġ. 

L-ikla t-tajba 🙂 

Riċetta: Paccheri bir-Ragu tal-Ħaruf

Riċetta: Paccheri bir-Ragu tal-Ħaruf

Ingredjenti (għal bejn 4 u 6 persuni): 

800g għaġin Paccheri

400g kapuljat tal-ħaruf

Mgħarfa żejt taż-żebbuġa

Basla mdaqsa mqatta’ rqiqa

Karrotta mqatta’ rqiqa

Zokk ta’ karfusa mqatta’ rqiq

2 kuċċarini kosbor midħun

Kuċċarina min kull wieħed min dawn li ġejjin – bużbież, kemmun, klin, sagħtar. paprika milli jaħraq, bżar, u melħ

Mgħarfa kunserva

3 tadamiet kbar imqatta’

Bott tadam imqatta’.

100ml kikkra nbid aħmar

300ml stokk tat-tiġieġ

Mgħarfa butir

Żewġ imgħaref nagħniegħ frisk imqatta’ rqiq

100g irkotta

Metodu:

  • Saħħan iż-żejt ġo taġen fond jew kazzola. Żid il-basla, karrotta, u z-zokk tal-karfusa u aqlihom għal ftit minuti sakemm jirtabu.
  • Żid il-ħaruf u l-ħwawar kollha u sajjar fuq nar baxx sakemm il-kapuljat jieħu ftit kulur u jinxef il-likwidu kollu. Ħawwad spiss.
  • Żid l-inbid u erġa’ tektek bil-mod sakemm ma jibqax likwidu.
  • Żid it-tadam il-frisk u tal-bott, l-istokk, u l-kunserva. Ħawwad sewwa u kif jiftaħ jgħali, baxxi n-nar u ħallih itektek għal madwar 30 minuta. Tih taħwida qisu kull għaxar minuti.
  • Sadanittant, għalli il misħun u kif jgħali sajjar il-paccheri skont il-ħin fuq il-pakkett. Ħallihom isiru ‘al dente’.
  • Kif isiru saffihom, però titfax ilma kiesaħ fuqhom. Ħawwad magħhom mgħarfa butir, u eżatt wara itfa l-għaġin kollu fiz- zalza.
  • Tektek u ħawwad fuq nara baxx ghal ftit minuti, sakemm tara li l-għaġin hu miksi biz zalza.
  • Servi b’mgħarfa rkotta mħallta man-nagħniegħ l-imqatta’ fuq kull platt.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications OK No thanks