Riċetta: Stuffat tal-qarnit

Riċetta: Stuffat tal-qarnit

Għandek bżonn: (għal 6 persuni)

1 kg qarnit imqatta’ biċċiet żgħar
500ml ilma
Mgħarfa żejt taż-żebbuġa
2 basliet imqatta’ rqaq
4 sinniet tewm imqattgħin irqaq
4 patatiet kbar maqsumin f’erbgħa
300g piżelli (marrowfat)
2 imgħaref pejst tat-tadam
Karrotta kbira mqatta’
2 imgħaref żebbuġ imqatta’
Mgħarfa kappar
220ml inbid aħmar
400g bott tadam imqatta’, jew 5 tadamiet friski imqatta’
Kuċċarina ħabaq
Kuċċarina nagħniegħ
Kuċċarina curry
Kuċċarina rignu
Kuċċarina merqtux
Kuċċarina ħwawar tal-ħut
Kuċċarina bżar
Kuċċarina melħ fl-ilma li tgħalli fih il-qarnita
600g spagetti mgħolli (jekk se sservi l-istuffat fuq spagetti)

Metodu:

Saħħan il-500ml ilma ġo kazzola. Kif jiftaħ jgħali żid il-qarnit u roxx il-kuċċarina melħ.
Ħallih isir fuq nar baxx għal kwarta. Itfi n-nar u ħalli l-qarnit jibred fl-ilma tiegħu.

Sadanittant, saħħan iż-żejt ġo borma kbira. Aqli l-basal u t-tewm sakemm jieħdu kulur kannella.

Żid l-inbid, il-pejst tat-tadam, il-karrotta, il- ħabaq, ir-rignu, in-nagħniegħ, il-curry, il-bżar, il-merqtux u il-ħwawar tal-ħut.
Ħawwad sewwa u sajjar fuq nar qawwi għal ftit minuti sakemm l-inbid jevapora.

Żid l-ilma li tkun għallejt il-qarnit fih u mbagħad żid ukoll il-patata, iż-żebbuġ u l-kappar. Ħawwad sewwa u malli jiftaħ jgħali, baxxi n-nar u żid il-biċċiet tal-qarnit.

Ħallih itektek fuq nar baxx għal nofs siegħa u kultant tih taħwida, sakemm l-istuffat jagħqad ftit u l-qarnit isir tari.

Servi waħdu jew fuq platt spagetti.

L-ikla t-tajba 🙂

Li ma kontx taf dwar il-Caprese – Jackie Busuttil

Li ma kontx taf dwar il-Caprese – Jackie Busuttil

Il-Caprese! Ikla klassika Taljana li aktarx oriġinat mill-gżira ta’ Capri, avolja m’hemmx provi ċari ta’ dan. Madankollu, ġeneralment jingħad li bdiet fir-reġjun tan-Nofsinhar Taljan ta’ Campania.

Il-Caprese bdiet l-ewwelnett bħala insalata sempliċi magħmula minn erba’ ingredjenti biss, li juru l-kuluri tal-bandiera Taljana. Dawn huma it-tadam, il-ħabaq, il-mozzarella, u ovvjament, iż-żejt taż-żebbuġa.

Aktar tard saret tintuża fis-sandwiches, mal-għaġin, u ovvjament mat-tiġieġ propju bħar-riċetta tagħna ta’ din il-ġimgħa! Jien inħobb nagħmel ukoll Brunġiela al Caprese, u żgur li nagħtikom ir-riċetta tagħha aktar ‘il quddiem.

Kisbet fama dinjija fis-snin 50, meta skopriha r-Re Eġizzjan Farouk waqt li kien fuq vaganza fl-Italja. Huwa akkreditat ukoll li vvinta s-sandwich caprese, wieħed mill-modi favoriti tiegħu ta’ kif jikolha.

Ukoll f’xi punt mhux magħruf iż-żejt taż-żebbuġa ġie sostitwit biż-żejt balsamiku għal aktar togħma qawwija, speċjalment f’riċetti msajra.

Hija ikla sempliċi u versatili, u ta’ min jippruvaha 🙂

Enable Notifications OK No thanks