Select Page
Anke Jien (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Anke Jien (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

“Kif tista’ tgħid hekk?” staqsejtha. “Jien ma nista’ nħobb lil ħadd iżjed! Kull mara li se niltaqa’ magħha, se nfittex lilek fiha! U int mhux se tkun hemm!”
“Inħobbok, Jason!” bkiet tal-aħħar.
U telqet.
Ma ridtx nemmen.
Filli kelli l-isbaħ fjura f’ħajti. U filli xejn.
Dlam. Skiet. Vojt. Uġigħ.
Amelia kienet siefret l-għada stess.
Kienet ħalliet sal-aħħar ġurnata biex tgħidli.
U għalkemm kont fittixtha u ppruvajt nibgħatilha kemm-il darba, qatt ma kienet weġbitni lura.
Qatt.
U maż-żmien inqata’ kull kuntatt.
Mhux għax kont insejtha. Mhux għax ma kontx għadni nħobbha. Mhux għax ma kontx erġajt mort kemm-il darba quddiem dak l-imbierek rixtellu.
Imma għax kont naf li kien aħjar hekk.
Għaliha.
U għalija.
Kien għadda wisq żmien. Amelia żgur ma kinitx għadha tiftakar fija.
Imma jien bqajt waħdi.
Għalkemm kienu għaddew ħafna snin minn dakinhar, qatt ma ħassejtni norbot qalbi ma’ ħadd.
Bqajt niftakar dik ir-riħa tfuħ ta’ xagħarha, dik it-tbissima, dak il-leħen sabiħ……..
U kont inħossni waħdi.
Kbirt.
Sibt xogħol tajjeb.
Kont affordjajt nixtri appartament sabiħ f’wieħed mill-isbaħ lokalitajiet ta’ Malta.
Kelli ħafna ħbieb.
Flus kemm irrid.
Imma ma kellix lilha.
Ma kellix lil Amelia.
U hekk, bħal sajjetta fil-bnazzi, ġara dak li kont ilni nibża’ minnu għal żmien twil.
Kont qiegħed bilwieqfa fil-karozza tal-linja li kienet teħodni lura d-dar mix-xogħol, nippjana dak li kont se nsajjar dik il-lejla, elf ħsieb kulinarju f’moħħi, xħin qalbi għamlet tikk.
Rajtha.
Ħassejt nifsi jinqata’. Saqajja jogħtru, hekk kif kont qed inżomm mal-ħadida tas-sedil ħalli nżomm bilanċ.
Amelia kienet qiegħda bilqegħda fil-karozza tal-linja!

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Fatti interessanti dwar it-tradizzjonijiet marbuta mal-Għid il-Kbir

Fatti interessanti dwar it-tradizzjonijiet marbuta mal-Għid il-Kbir

Minbarra li wieħed ikun qed jistenna xi bajda taċ-ċikkulata u xi biċċa figolla, u ħelu ieħor marbut ma’ dan iż-żmien, hemm ukoll l-aspett reliġjuż li jagħmel din il-festa waħda mill-aktar festi importanti għall-Insara.

L-Għid il-Kbir, u t-tradizzjonijiet marbuta jiġu ċċelebrati mill-Insara kollha fid-dinja, iżda naturalment, bħal kull festa oħra, ikun hemm tradizzjonijiet differenti.

F’pajjiżna huma bosta li jipprattikaw it-tradizzjonijiet li kbirna bihom marbuta ma’ Ħames ix-Xirka, il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir, iżda kemm nafu dwar l-oriġini ta’ dan iż-żmien u t-tradizzjonijiet?

Kont taf li…

Fil-biċċa l-kbira tad-denominazzjonijiet Insara, l-Għid huwa preċedut mir-Randan, perjodu ta’ 40 jum ta’ sawm u talb.

Id-data ta’ Ħadd il-Għid hija differenti kull sena, u hija ddeterminata mid-data tal-ewkinozju tar-rebbiegħa u ċ-ċikli tal-qamar.

Minħabba li jużaw kalendarji differenti, id-data tal-Għid hija ġeneralment, mhux dejjem, differenti għall-Insara tal-Punent milli għall-Insara Ortodossi tal-Lvant.

Għall-Insara Ortodossi tal-Lvant, Ħadd il-Għid huwa l-bidu tal-istaġun tal-Pascha (il-kelma Griega għall-Għid).

Ħafna denominazzjonijiet Insara jiċċelebraw l-istaġun tal-Għid għal 50 jum, sal-jum tal-Pentekoste.

Għalkemm hija festa Nisranija, aspetti taċ-ċelebrazzjoni u t-tifsira tagħha għandhom l-għeruq marbuta mal-Lhud kif ukoll maċ-ċelebrazzjonijiet pagani.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid hija ġeneralment preċeduta mill-Ġimgħa Mqaddsa, li matulha l-aħħar ġimgħa tal-ħajja ta’ Ġesù Kristu, inkluż l-Aħħar Ċena, il-Passjoni u l-Kurċifissjoni tiegħu, hija mfakkra u onorata.

Il-bajd tal-Għid imorru lura sekli. Ħafna mit-tradizzjonijiet mhux reliġjużi tal-Għid jinvolvu l-bajd tal-Għid, bħad-dekorazzjonijiet tal-bajd, egg rolling, u egg hunts. Tradizzjonijiet bħal dawn huma pprattikati minn ħafna Nsara kif ukoll dawk li mhumiex Insara madwar id-dinja.

Minħabba li d-data tinbidel kull sena, l-Għid u l-jiem qaddisa relatati miegħu, bħall-Pentekoste, jissejħu festi “moveable”.

Bosta storiċi jemmnu li t-tradizzjonijiet tad-dekorazzjonijiet tal-bajd tal-Għid hija pagana fl-oriġini, peress li l-bajd spiss kien simbolu tal-fertilità u t-twelid.

ll-Parata tal-Għid ta’ New York City daħlet f’eżistenza gradwali fil-bidu tas-seklu 20, meta eluf ta’ nies bdew jinġabru f’Ħadd il-Għid biex jaraw is-sinjuri juru l-moda ġdida tal-Għid tagħhom.

Diversi denominazzjonijiet Protestanti ddenunzjaw uffiċjalment l-inkorporazzjoni tat-tradizzjonijiet tal-Għid li jinvolvu l-bajd tal-Għid u l-fenek tal-Għid minħabba l-oriġini pagana tagħhom.

Il-ħaruf, li kien użat ħafna drabi fit-riti ta’ sagrifiċċju tal-Lhud, huwa ikla tradizzjonali għall-ikla tal-Għid, li jfakkar is-sagrifiċċju ta’ Ġesù, li huwa msemmi bħala “l-Ħaruf t’Alla.”

Madanakollu, għalkemm is-sinifikat reliġjuż tal-ħaruf jagħmluh l-ikla l-aktar popolari tal-Għid, bosta familji jservu perżut minflok, aktarx għax, il-ħnieżer kienu jinqatlu fil-ħarifa, smoked għal diversi xhur, u jiġu servuti fir-rebbiegħa.

Il-fniek ukoll huma simboli tal-fertilità u l-ħajja. It-tradizzjoni tal-Easter Bunny aktarx bdiet fis-1700 fost l-immigranti Ġermaniżi fl-Amerika.

The Easter Rising kienet insurrezzjoni mmexxija minn nazzjonalisti Irlandiżi kontra l-Gvern Ingliż nhar it-tnejn tal-Għid tal-1916. Ir-ribelljoni u l-eżekuzzjonijiet li segwew eventwalment wasslu għall-ħolqien tar-Repubblika tal-Irlanda nhar it-tnejn tal-Għid tal-1949.

Din ir-ribelljoni rriżultat fil-mewt ta’ madwar 450 persuna u aktar minn 2,500 feriti, il-maġġoranza tagħhom Irlandiżi.

Il-Knisja tal-Moravja fil-Ġermanja bdiet it-tradizzjoni ta’ Sunrise Service f’Jum il-Għid fl-1732. It-tradizzjoni hija maħsuba biex tfakkar lil dawk li jmorru l-knisja ta’ Marija ta’ Magdala, li jingħad li kienet l-ewwel waħda li skopriet li l-qabar ta’ Ġesù kien vojt, għall-ħabta tas-sebgħa, tlett ijiem wara li Ġesù ġie msallab.

Fix-xahar li jwassal għall-Għid, il-Kattoliċi fl-Amerika jimpenjaw ruħhom fi prattika magħrufa bħala l-Istazzjonijiet tas-Salib, permezz ta’ pellegrinaġġ f’14-il sit relatati mal-Kruċifissjoni ta’ Ġesù.

Matul is-seklu 16, il-belt ta’ Oberammergau, il-Ġermanja għamlet wegħda li kull għaxar snin tagħmel Passion Play, li fiha t-tbatijiet u l-mewt ta’ Ġesù Kristu huma rrakkontati permezz ta’ wirja drammatika, bi tpattija għall-protezzjoni mill-Pesta. Skont ir-rapporti, ir-rata ta’ mwiet tnaqqset b’mod sinifikanti wara l-ewwel dramm. Din il-belt kompliet iżżomm il-wegħda sal-lum.

Kienet tradizzjoni li jinżebgħu l-bajd tal-Għid bil-kulur isfar, blu jew aħmar; isfar għax jissimbolizza l-Qawmien ta’ Kristu, blu jindika l-imħabba filwaqt li l-aħmar ifakkar id-demm ta’ Ġesù.

Meta kienu jiltaqgħu filgħodu f’Ħadd il-Għid, l-Insara bikrija kienu jsellmu lil xulxin billi jgħidu, “Alleluia! Kristu Rxoxt!”

Il-bajd tal-Cadbury ġie introdott għall-ewwel darba bħala ħelu tal-Għid fl-Ewropa, fl-1875.

L-ilbies ta’ ħwejjeġ ġodda għal Ħadd il-Għid kien tradizzjoni fost l-Insara sa mill-bidu tal-knisja oriġinali.

Il-belt ta’ Bessières, fi Franza, tiċċelebra l-Għid billi tiġi msajra froġa kbira li jkun fiha madwar 15,000 bajda u tkun msajra f’taġen li għandu dijametru ta’ aktar minn 13-il pied!

F’Ġerusalem, il-belt fejn huwa maħsub li Ġesù ġie msallab, l-Insara jiċċelebraw il-Ġimgħa l-kbira billi jimxu l-istess triq li għamel Ġesù fil-jum li kien imsammar mas-salib. Uħud minn dawk li jattendu saħansitra jġorru salib magħhom bħala tifkira. F’Ħadd il-Għid, ħafna pellegrini jattendu għaċ-ċerimonja fil-Knisja li qiegħda f’Garden Tomb, iż-żona fejn huwa maħsub li ġie midfun Ġesù.

L-akbar bajda tal-Għid taċ-ċikkulata fid-dinja saret fl-Italja, f’April tal-2011, b’kejl ta’ 34 pied u 1.05 pulzieri fit-tul, u tiżen madwar 15,873 libbra. Filwaqt li l-akbar fenek taċ-ċikkulata fid-dinja sar fl-2017 fil-Brażil, fejn disa’ professjonisti taċ-ċikkulata ħadu fuq ġimgħa biex jagħmlu l-iskultura twila 13-il pied u 10 libbra.

Meta l-ġenituri jisseparaw… – Michelle Zerafa

Meta l-ġenituri jisseparaw… – Michelle Zerafa

Il-familja tgħaddi minn fażijiet differenti u flimkien maċ-ċirkostanzi tinbidel id-dinamika ukoll. Ġieli jitwieled membru ġdid jew ikun hemm għerusija jew żwieġ ta’ xi wieħed mill-membri, filwaqt li l-mewt ukoll tista’ tifred lil membri u tibdel ukoll id dinamika tal-familja. Id-divorzju jew separazzjoni jpoġġi lill-membri f’pożizzjoni diffiċli. Mhux kulħadd jiffaċċja din il-firda bl-istess mod u m’hemm l-ebda formola ideali għax dejjem tinkludi xi forma ta’ tbatija u diffikultà. Però l-mod kif jaġixxu l-membri nvoluti se jagħmel differenza kbira fuq il-kumplament tal-familja kollha.

Id-divorzju jolqot lil kull membru tal-familja, imma speċjalment lill-ulied. It-telfa hija kemm waħda fiżika jiġifieri li l-ġenituri ma jibqgħux jgħixu flimkien u allura anke t-tfal jista’ jkun li jinfirdu minn ġenitur jew ieħor. Jista’ jkun ukoll ikollhom ibiddlu d-dar fejn joqgħodu jew ma’ min joqgħodu. Il-firda hija wkoll waħda emozzjonali għaliex l-ulied jgħaddu minn ammont ta’ konfużjoni, speċjalment jekk ma jkunux jafu x’ġara jew x’inhu jiġri, għaliex is-seperazzjoni tkun ġiet fuq il-familja f’daqqa. Għalhekk ħafna drabi l-ulied jgħaddu minn bidliet fl-imġiba u jkollhom reazzjonijiet differenti hekk kif dawn isiru jafu li l-ġenituri se jisseperaw.

Huwa normali li dawn jgħaddu minn ħafna konfużjoni, biża’ u “denial” u jistaqsu ħafna mistoqsijiet għax il-pedament tal-ħajja tagħhom – il-ġenituri – iħossu li jkun qed jiġi imċaqlaq allura jkunu anzjużi ħafna dwar dak li jista’ jkun li jiġri. Huwa allura normali li dawn it-tfal jista’ jkun li jesperjenzaw rabja, dipressjoni u panic attacks. Dan kollu jiddependi ħafna dwar kif il-ġenituri jippreparaw lil uliedhom għal din il-bidla, kif ukoll kemm ikun hemm kooperazzjoni bejn il-membri involuti (speċjalment bejn il-ġenituri) fil-proċess ta’ separazzjoni. Aktar ma t-tfal se jaraw ġlied u pika bejn il-ġenituri aktar se jħossuhom ħażin u aktar se jbatu minn ansjetà.

Punti li wieħed tajjeb li jaħseb dwarhom.. biex il-proċess ikun kalm kemm jista’ jkun..

  • Primarjament irridu naċċettaw li l-familja kollha tkun għaddejja minn żmien diffiċli għax tkun għaddejja minn telfa. Anke jekk kien hemm ħafna ġlied u forsi l-fatt li wieħed mill-ġenituri telaq mid-dar, xorta din il-firda se ġġib emozzjonijiet ta’ telfa u dwejjaq.
  • Għalkemm forsi l-istint jgħidilna biex naħbu jew ngħattu dak li nħossu ħalli ma niftakrux fl-uġigħ, anzi bil-maqlub hu importanti li nikkomunikaw dwar dak li ġara jew dwar dak li qed jiġri. Importanti li nitkellmu ma’ min inħobbu jew ma’ min bħalna għaddej minn din it-telfa, speċjalment mal-ulied jekk hemm l-ulied. Aktar ma nħossu li m’aħniex waħedna f’din il- weġgħa, aktar hemm ċans li nfiequ malajr u nimxu ‘l quddiem.
  • Importanti li meta nitkellmu dwar dak li nkunu għaddejjin minnu ma nieqfux biss fuq ir-rabja li forsi l-partner tagħna jkun ħoloq, iżda nitkellmu kif nistgħu nagħmlu pass ‘il quddiem.
  • Jekk naraw li waqafna fir-rabja jew fid-dipressjoni importanti li nfittxu għajnuna professjonali għax ikun ifisser li qed insibuha diffiċli biex nimxu ‘l quddiem. Jekk jiġri hekk ma jimpurtax imbilli nfittxu s-sapport professjonali, li nfittxu l-għajnuna ma jfissirx li fallejna iżda jfisser li nixtiequ nimxu ‘l quddiem.
  • Importanti li niftakru li seperazzjoni mhix xi kompetizzjoni. Anke jekk deep down tħoss li l-partner tiegħek naqas, importanti li ma nġiegħlux lill-ulied jieħdu side. Dan mhux fair fuqhom għax inkunu qed indaħħluhom f’logħba kerha li l-konsegwenza ma taffettwax lill-partner, iżda lill-uliedna stess. Nifhem li ħafna drabi li naħfru jew li ma nurux ir-rabja mhix faċli, għax dak li jkun għaddej minnha jkun qed jesperjenza ħafna emozzjonijiet diffiċli. Jekk hu hekk aħjar nitkellmu ma xi ħadd professjonali milli nkomplu ngħarrqu lil uliedna.
  • Jekk se jsiru diskussjonijiet huwa kruċjali li kulħadd ikun preżenti biex turu lil uliedkom li għalkemm se tinfirdu xorta m’hemmx mibgħeda lejn xulxin. Dan hu eżempju tajjeb ħafna li nistgħu nagħtu lil uliedna. Iżda jekk taf li ħafna drabi inti u l-partner tispiċċaw fi ġlieda, allura aħjar li ma titkellmux quddiem l-ulied.
  • Qatt u qatt m’għandna nitfgħu l-ħtija fuq l-ulied li s-seperazzjoni seħħet minħabba fihom, anke jekk fir-rabja fettillek tgħid hekk. Dan ipoġġi lill-ulied fi ħsara psikologika kbira.

Nifhem li dawn huma mumenti diffiċli ħafna għal kull min ikun għaddej minnhom, però tajjeb li niftakru li huwa kruċjali jekk hemm bżonn isir dan il-pass. Aktar ma nżommu l-paċi u ma ninpikawx inqas se jkun hemm tbatija. Meta nħossu li aħna maħkuma minn emozzjonijiet negattivi u għadda ċertu żmien u bqajna fejn konna, importanti li nfittxu sapport professjonali. Għalkemm inkunu mbeżżgħin xorta wieħed irid iħares ‘il quddiem għal ġejjieni aħjar..

Awguri u tislijiet…

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Meghan Markle – Tiżvela li riedet tikkommetti suwiċidju u ma ngħatatx għajnuna

Meghan Markle – Tiżvela li riedet tikkommetti suwiċidju u ma ngħatatx għajnuna

Fl-intervista ma’ Oprah Winfrey, Meghan żvelat dwar iż-żmien li kienu jiġuha ħsibijiet biex tweġġa’ lilha nnifisha u tikkommetti suwiċidju.

Hija qalet li sabitha diffiċli ħafna biex titkellem dwarha, anki ma’ Harry, peress li għadda minn ħafna u tilef ħafna f’ħajtu iżda stqarret li kieku ma qalet xejn, kienet tasal biex twettaq dak li xtaqet li tagħmel dak iż-żmien, fl-istess żmien li kienet tqila bit-tifel tagħhom Archie.

Meghan qalet li l-akbar dispjaċir tagħha hu li emmnet il-wegħda li kienet saret fil-bidu, dik li l-familja Rjali kienet se tipproteġiha, għaliex meta sabet il-kuraġġ biex titkellem dwar dak li kienet qed tħoss ma ngħatatx għajnuna. Qalet ukoll li membri tal-familja Rjali qalulha li ma setgħetx tfittex l-għajnuna psikjatrika għaliex ma kienx se jagħmel tajjeb għall-istituzzjoni.

L-unika sapport li sabet kien mingħand Harry, fejn hu stqarr li kien żmien ikrah u mudlam ħafna għalih ukoll u ried jagħmel minn kollox biex l-esperjenza li għaddiet minnha ommu l-Prinċipessa Diana, ma terġax tirrepeti ruħha.

Meghan stqarret li kellha tkompli tattendi f’attivitajiet pubbliċi għaliex fl-istat li kienet fih kienet tibża’ x’setgħet tagħmel jekk titħalla waħedha.

Professjonisti psikoloġiċi barranin li tkellmu dwar l-istqarrija ta’ Meghan, qalu li kull persuna, hi m’inhi, li li tkun għaddejja minn sfidi bħal dawn għandha tingħata l-għajnuna b’mod immedjat. Fil-konfront tas-sitwazzjoni ta’ Meghan qalu li mhux biss mhix ħaġa sew li ma ngħatatx l-għajnuna iżda hija wkoll krudeltà.

“Kull ġurnata li nqum u tkun ħdejja hija l-isbaħ ġurnata ta’ ħajti” – Kevin Borg

“Kull ġurnata li nqum u tkun ħdejja hija l-isbaħ ġurnata ta’ ħajti” – Kevin Borg

Nitkellmu ma’ Kevin Borg

Kevin, kif tiddeskrivi ħajtek bħalissa, mill-aspett ta’ karriera?

L-ewwel nett grazzi mill-qalb ta’ din l-intervista. Bħal kulħadd f’dan is-suq tal-ispettaklu, bħalissa mhux xi żmien pjaċevoli peress li x-xogħol waqaf ħesrem. Jiena xorta bniedem li dejjem nipprova nara l-pożittiv minn kull sitwazzjoni u bħalissa qiegħed niffoka fuq proġett li qiegħed naħdem fuqu mid-dar għal meta jerġa’ jiġi ż-żmien li niġu lura għan-normalità.

Hemm xi proġetti partikolari li qed taħdem fuqhom bħalissa?

Bħalissa qiegħed naħdem fuq materjal ġdid kemm għalija u kemm għal artisti oħrajn ġewwa l-Asia. Kif semmejt qabel qegħdin ukoll naħdmu qatigħ fuq proġett ieħor fuq skala ikbar. Ma tantx nista’ niżvela però jista jkun li għandu x’jaqsam mat-televiżjoni.

Iċ-ċirkostanzi tal-pandemija affettwaw lil kulħadd b’xi mod jew ieħor. Kif affettwaw lilek personali?

Affetwawni kemm b’mod tajjeb u kemm negattiv. In-negttiv huwa li ħafna events ġew posposti u meta tisma’ koppji jgħidulek li jridu jġeddu d-data tat-tieġ għall-tliet darbiet, tħoss għalihom. Il-pożittiv huwa li peress li qed inqatta’ ħafna ħin id-dar inkun ħafna iktar mat-tfajla tiegħi u l-qtates tagħna li bħalissa għandhom bżonn ta’ ħafna ħin u mħabba. Biex tgħaxxaqha, waħda minnhom għadu kif ħarġilha d-dijabete u tkissirna meta sirna nafu li Misty se jkollha tieħu t-tilqima darbtejn kuljum tul ħajjitha. Minn hawn nixtieq nirrangrazzja lil Nigel u Andrew Borg Cardona talli għarrfuni minnufih li Borg Cardona pet supplies u pharmacy kienu sejrin jidħlu biex jgħinu u jkunu parti mir-recovery ta’ Misty u l-pets tagħna. Meta tfajtha facebook, indunajt kemm il-poplu u s-segwaċi tiegħi verament iħobbu l-annimali tant li issa ta’ kuljum qed nitfa’ stories sabiex dak li jkun ikun jista’ jsegwi l-progress li jkunu qegħdin jagħmlu, fosthom Misty.

Min kienu l-aktar persuni li kienu ta’ influwenza fil-karriera tiegħek?

Kienu ħafna dawk li b’xi mod influwenzawni fil-karriera tiegħi. Nibda l-ewwel minn missieri li qatt ma ċaħħadni minn dak li ridt nagħmel, tant li anke meta għidtlu li sejjer l-Iżvezja, għalkemm kontra qalbu qalli “mur ibni”.

Mill-aspett mużikali kien hemm ħafna. Nibda mill-ewwel opportunitajiet li kelli fuq it-TV minn Alfred Zammit meta kelli biss madwar 17-il sena u mbagħad ma nistax ma nsemmix lil Jason Cassar illi tista’ tgħid li rawwimni fix-xena tal-ispettaklu lokali.

Ċertament li l-kanzunetti kollha tiegħek huma għal qalbek, iżda hemm minnhom li għandhom post speċjali f’qalbek aktar minn oħrajn?

Kull kanzunetta għandha l-istorja tagħha, però waħda li dejjem tibqa’ għal qalbi hija NEEDING YOU. Din il-kanzunetta n-nies għamluha tagħhom u dak huwa l-għan prinċipali ta’ din il-kanzunetta.

Il-kanzunetta Tlaqt Ħabib, xi tfisser għalik?

Tlaqt Habib tfisser mument ta’ dieqa għaliex hija iddedikata lill-ħabib tiegħi Clint Mizzi li ħalliena ftit tax-xhur ilu. Hija kanzunetta miktuba minn Marcon Cassar fuq mużika ta’ Jason Cassar. Kanzunetta b’messaġġ sabiħ ħafna li kulħadd jista’ jirrelata magħha għaliex xi darba jew oħra kollha tlifna lil xi ħadd għal qalbna.

Liema tqis li kienu l-akbar kisbiet tiegħek s’issa?

S’issa kien hemm kisbiet mhux ħażin u dejjem nibqa’ grat għal kull min għeni nasal s’hawnhekk. Li rbaħt Swedish Pop Idol kienet kisba sabiħa ħafna għaliex jien kont l-ewwel kantant li qatt rebaħ dan ix-show li ma kienx ġej minn dak il-pajjiż speċifiku. Minn hemm għamilt iktar minn 400 kunċert madwar id-dinja. Kantajt ukoll darbtejn fil-palazz tar-Re u r-Reġina Svediżi taħt appuntament dirett tagħhom. Imbagħad hemm kisbiet bħala produttur u songwriter. S’issa rnexxieli wkoll nikteb u nipproduċi kanzunetti illi telgħu l-ewwel fil-Ġappun għal 18-il darba. Wieħed minn dawn l-albums kien l-iktar album mibjugħ fl-2019 u daħal ukoll fil-guiness book of records. Tlieta mill-kanzunetti li ktibt telgħu wkoll l-ewwel fil-listi tad-dinja kollha bi gruppi bħal Arashi, TVXQ u oħrajn. Irnexxieli wkoll nagħmel żewġ musicals bl-Isvediż u ħadt ukoll sehem bħala attur ġo film taċ-ċinema Svediż.

L-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek s’issa..

Ikun hemm ħafna mumenti kemm sbieħ u kif ukoll ta’ dieqa fil-ħajja. L-agħar mument ta’ ħajti kien meta tlift lil ommi meta kelli 16-il sena. U l-isbaħ mument f’ħajti kien meta ltqajt mat-tfajla tiegħi Maria Francesca. Hija persuna li bħali għaddiet mhux ħażin u ta’ 5 snin biss hi ukoll tilfet lil ommha jiġifieri verament nirrelataw. Għandha qalb tant hi kbira illi impossibbli nitfa’ kollox f’sentenza. Kull ġurnata li nqum u tkun ħdejja hija l-isbaħ ġurnata ta’ ħajti.

Wieħed mill-aktar mumenti imbarazzanti li qatt kellek..

Kien hemm ukoll mhux ħażin. Darba żlaqt żelqa fuq il-palk ġewwa l-Iżvezja quddiem xi erba’ t’elef ruħ. Biex tgħaxxaqha mort nilgħabha tal-hero nipprova nqum b’qabża u nerġa’ nieħu oħra għal rasi! Ovvjament kulħadd spiċċa jidħak!

Kif tiddeskrivi t-tfulija tiegħek? Semmilna xi memorji li huma l-aktar għal qalbek..

Nista’ ngħidlek li kelli tfulija sabiħa ħafna. Kont inqatta’ ħafna ħin man-nanna Barbara u apparti Maria Francesca u ommi dik kienet ukoll imħabba ta’ ħajti. Kont inħobbha wisq. Kemm kienet tiġri bina l-bandli tal-Furjana u l-Belt. Peress li aħna mill-Furjana konna nqattgħu ħafna ħin il-bandli li dak iż-żmien kellu bandli tal-Ingliżi u l-Furjana kollha kienet tinżel hemmhekk tqatta’ ż-żmien. Tfal jilgħabu, bandli ma jispiċċaw qatt, waħda isbaħ mill-oħra. Kien hemm ukoll tennis court li aħna konna ġibnih qisu ground tal-football u minn hemmhekk ħarġu ħafna players li baqgħu sejrin tajjeb fil-karriera tagħhom. Konna nqattgħu ħafna ħin mal-familja wkoll u filgħaxijiet konna wkoll nitilgħu fuq il-Fosos, fejn kull familja kellka l-fossa tagħha ta’ fejn dejjem joqgħodu. Affarijiet li llum diffiċli tarahom. Il-ħajja kienet ħafna inqas stressanti dak iż-żmien, speċjalment għat-tfal.

X’inhi d-definizzjoni ta’ suċċess għalik?

Suċċess mhuwiex biss rebħ ta’ kompetizzjonijiet. Għalija anke li jirnexxilek tgħin lil xi ħadd u tagħmillu differenza f’ħajtu huwa suċċess.

Kemm hi importanti l-umiltà?

L-umiltà m’hawnx isbaħ minnha. Li qatt ma tinsa minn fejn bdejt u li tibqa’ dejjem ġenwin mingħajr ma tikbirlek rasek hija imprtanti ħafna. Il-ħajja hija sellun li tul is-snin titilgħu u tiltaqa’ ma’ ħafna nies jgħinuk, iżda mbagħad jasal ukoll iż-żmien li dak is-sellun trid terġa’ tinżlu u hemm terġa’ tiltaqa’ ma’ dawk in-nies li għenuk u l-fatt li tibqa’ umli tfisser li tkun tista’ tgħix bit-tbissima, u taf li ma trid deni lil ħadd.

Xi jferħek u x’jirrabjak l-aktar?

Nieħu pjaċir nara lil dawk ta’ madwari kuntenti, iferraħni l-ħin mal-familja u ovvjament iferraħni xi proġett li jirnexxi meta nkun ilni xi sena naħdem fuqu. Jirrabjani ħafna l-fatt li nara tant nies imutu b’dan il-virus li attakkana, filwaqt li oħrajn jixxalaw qisu xejn mhu xejn speċjalment għaż-żminijiet tal-Millied u l-Ewwel tas-sena li għaddew.

Kieku kellek tikteb kanzunetta bħalissa, fuq xiex tkun?

Fuq kemm qed tistaqsini domandi bis-sens u kemm qed nieħu gost nirrispondihom għalkemm għadhom is-seba’ ta’ filgħodu u għadni lanqas kafè ma ħadt.

Artisti li jispirawk..

Ħafna u diffiċli nsemmihom kollha. L-artisti kollha li għamlu suċċess u verament bdew mix-xejn huma artisti li jispirawni.

Fl-opinjoni tiegħek, x’inhu l-isbaħ ġest li qatt tista’ tagħmel u tirċievi?

Wieħed mill-isbaħ ġesti illi tista’ tagħmel huwa li tisma’! Tisma’ jekk xi ħadd ikun irid jitkellem u jiftaħ qalbu. Ieħor huwa dak li titbissem, anki jekk bħalissa l-maskri qed jgħattulna t-tbissima. Li ġenwinament tkun hemm għal xi ħadd li jistaqsik għall-għajnuna. Jien ma nistenna li nirċievi xejn, però meta tkun imdawwar b’nies bħat-tajla tiegħi, l-isbaħ ġest li turini kuljum huwa dak tal-imħabba.

Liema kwistjonijiet int l-aktar sensittiv dwarhom? U għaliex?

Sensittiv ħafna fuq il-bullying! Meta kont żgħir, jien ukoll kont vittma ta’ bullying ġewwa l-iskola fejn kont nattendi u għalkemm irnexxieli negħlibha xorta tibqa’ mnaqqxa fik u ġġibek ovvjament iktar b’saħħtek. Jiġifieri lil dawk kollha li għaddejjin minnha bħalissa, ngħidilhom biex ifittxu l-għajnuna.

Sensittiv ħafna wkoll fuq moħrqrija tal-annimali. L-annimali inħobbhom ħafna. Fil-fatt aħna għandna ħamest iqtates u min jaħqar l-annimali għalija lanqas il-ħabs mhu tajjeb għalih, imma eżiljat taħt il-baħar.

Xi tfisser l-imħabba għalik?

L-imħabba hija verament sabiħa meta ssib lil xi ħadd li ġenwinament iħobbok lura b’dik l-istess imħabba. Jien nikkunsidra lili nnifsi iffurtunat li f’mument fejn kont se naqta’ qalbi mill-imħabba, iltqajt ma’ Maria Francesca.

X’differenza tagħmel fil-ħajja tiegħek Maria Francesca?

Maria hija persuna li ma tistax ma tħobbhiex. Il-kelma mħabba qiegħda fil-ħarsa t’għajnejha. Meta ltqajna, kont qisni qtajt qalbi li xi darba nissetilja. Dakinhar li ltqajna qisu waqaf il-ħin għall-mument u qalbi reġgħet bdiet tħabbat mill-ġdid.

X’fissret għalik li kellek irwol daqstant importanti fil-musical Il-Kbir Għadu Ġej, u li kont parti minn produzzjoni bħal din?

Li ġejt afdat b’dak l-irwol ta’ importanza kbira kien ovvjament unur ieħor fil-karriera tiegħi. Grat ħafna li mill-bidu l-maestro Dominic Galea ċempilli u qalli, “Kevin, int trid tagħmilha din il-parti” Minn hemm iltqajna, qrajt l-iskript flimkien mad-direttur ukoll u għoġobni ħafna. Ksibna wkoll record fejn jidħlu sales ta’ musical lokali li qatt ma kienet ġrat qabel. Sfortunatament kellha terġa’ ssir is-sena li għaddiet iżda dan il-Covid kissrilna l-pjanijiet kollha.

Minn hawnhekk nixtieq nesprimi l-kondoljanzi tiegħi lill-Maestro Dominic Galea u lill-familja kollha tiegħu għaliex b’dieqa kbira ftit ġranet ilu ħalliena missieru, il-Maestro Sammy Galea. Sammy kien wieħed minn dawk li emmnu fija mill-bidu, tant illi meta ma kont litteralment xejn, kien fdani b’kanzunetta li kiteb hu.

Waqt li kontu għaddejjin bix-shows, kellek tagħmel intervent mediku ta’ malajr. Għidilna aktar dwar dan, u x’għadda minn moħħok? Bżajt li ma jirnexxilekx tkompli?

Dakinhar kienet waħda mill-iktar mumenti kruċjali fil-karriera tiegħi. Nistakar wara performance minnhom mort id-dar u waqt li bdejt ninħasel ħassejt qisha boċċa man-naħa ta’ ġewwa ta’ koxxti. Ma kinitx normali u iddeċidejt li nitla’ l-clinic fis-siegħa ta’ filgħodu. Qaluli li kull ma kien musmar minn ġewwa. U ħallejtha għaddejja b’rasi mistrieħa li mhi xejn. L-ghada qomt bil-groin minfuħ qisu larinġa. L-uġigħ li bdejt inħoss kien wieħed kbir u niftakar ċempilt lid-direttur Sean Buhagiar biex ngħidlu. Dawk ovvjament kienu se jiġġennu peress li jien kelli l-parti prinċipali u f’dak il-waqt beda jagħmel telefonati biex immur għand fiżjoterapista, u nara tobba differenti eċċ. Dakinhar ma laħħaqtx nara tobba u għamilt ix-show bl-uġigħ li ma nirrakomdahha lil ħadd.

Meta rajt tabib l-għada, qalli “Mur l-emerġenza issa!”. Issa jien dakinhar stess kien se jkolli wieħed mix-shows. Wasalt l-emerġenza u spiċċajt il-kuritur nistenna u muġugħ filwaqt li n-nies għaddejjin minn ħdejja u jgħiduli “Prosit tax-show Kevin”. Daħħluni ġo cubicle żgħira u ġie l-ewwel tabib li qalli li se jżommuni hemmhekk. Jien bdejt ngħidlu li ma nistax għax għandi show u hu baqa’ jinsisti li nibqa’ hemm.

Erġajt ċempilt lid-direttur u kulħadd f’battibekk wieħed. F’daqqa waħda niżel il-kbir tal-operazzjonijiet għax kien għadu kif spiċċa u staqsieni x’inqala. Spjegajtlu li jien kelli commitment għal kull min xtara biljett u li xtaqt li jarani dak il-ħin u li jekk hu possibbli l-operazzjoni jagħmilieli dakinhar stess. Qalli dawn il-preċiżi kelmiet, “OK LET’S DO IT!”. Għalaq il-purtieri u għamilhieli. Erba’ siegħat wara kont fuq il-palk u beda x-show. Dakinhar naħseb l-adrenalina tiegħi kienet massima għax għamilt affarijiet li normalment noqgħod lura milli nagħmel, però tant ħassejtni ferħan mingħajr uġigħ li ridt intir. Minn hawn nixtieq nirringrazzja lit-tobba kollha ta’ Mater Dei speċjalment fl-emergenza u lit-tim kollu tal-Kbir Għadu Ġej li ħadu ħsiebi ħafna.

Għandek xi pjanijiet għall-futur?

Kif sejrin f’din is-sitwazzjoni sfortunatament ħafna events li kienu mxewli għal din is-sena, issa reġgħu mxew ghall-2022 u għaddejin minn żmien diffiċli fejn jidħol dan il-qasam. Nixtieq ovvjament li ‘l quddiem ikollna l-familja tagħna ukoll u nixtieq ukoll li forsi nidħol nippreżenta xi programm fix-xena lokali tat-televiżjoni.

X’messaġġ tixtieq tgħaddi lis-segwaċi u l-qarrejja ta’ skoperta.net?

Nixtieq nibda billi ngħidlek grazzi ħafna talli għamiltli dawn id-domandi. Verament ħadt pjaċir nirrispondihom. Lis-segwaċi ta’ skoperta.net nixtieq ngħidilhom ukoll grazzi tas-sapport li dejjem urewni matul il-karriera. Il-messaġġ li nixtieq hu li għandna verament nieħdu ħsieb lil xulxin u lill-familji tagħna matul dan iż-żmien diffiċli.

Enable Notifications    OK No thanks